20.2.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 53/26
Appell ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2016 minn Lysoform Dr. Hans Rosemann GmbH u Ecolab Deutschland GmbH mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-12 ta Ottubru 2016 fil-Kawża T-543/15, Lysoform Dr. Hans Rosemann GmbH u Ecolab Deutschland GmbH vs L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi
(Kawża C-666/16 P)
(2017/C 053/32)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Lysoform Dr. Hans Rosemann GmbH, Ecolab Deutschland GmbH (rappreżentanti: M. Grunchard, K. Van Maldegem, P. Sellar, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi
Talbiet
—
tannulla d-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-543/15; u
—
tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà u tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu tal-kawża;
—
sussidjarjament, tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament tal-appellanti tal-att ikkontestat; u, kif ikun xieraq, minn hemm ’il quddiem tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża;
—
tordna lill-konvenuta tħallas l-ispejjeż kollha tal-proċeduri (inklużi l-ispejjeż relatati mal-oġġezzjoni għall-ammissibbiltà quddiem il-Qorti Ġenerali).
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti jissottomettu li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat il-liġi ħażin li wassalha sabiex twettaq żball ta’ liġi billi ddikjarat it-talba għal annullament tal-appellanti tal-att ikkontestat bħala inammissibbli.
B’mod partikolari, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet numru ta’ żbalji fir-raġunament u fl-interpretazzjoni tagħha tal-qafas legali applikabbli għas-sitwazzjoni tal-appellanti. Ir-riżultat ta’ dan kien li l-Qorti Ġenerali wettqet iż-żbalji legali li ġejjin:
—
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta daħlet fil-mertu tal-kawża;
—
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 130(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta naqset milli tirriżerva d-deċiżjoni tagħha fuq l-ammissibbiltà sakemm ma semgħet espożizzjoni sħiħa tal-argumenti dwar il-mertu tal-kawża.
Barra minn hekk, meta ddikjarat ir-rikors tal-appellanti bħala inammissibbli, il-Qorti Ġenerali kisret d-drittijiet tad-difiża tal-appellanti, id-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-ġustizzja u l-obbligu ta’ motivazzjoni li jagħmlu parti mid-drittijiet fundamentali tal-individwi u b’hekk jirriflettu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.
Għal dawn ir-raġunijiet, l-appellanti jitolbu li d-digriet tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-543/15 għandu jiġi annullat u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq l-ammissibbiltà u tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża.
Full & Egal Universal Law Academy