DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
26 ta’ Ottubru 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi r-reklamar relattiv għall-atti li jidħlu taħt il-kirurġija estetika jew taħt il-mediċina estetika mhux kirurġika”
Fil-Kawża C-356/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg te Brussel, strafzaken (qorti tal-prim’istanza bil-lingwa Olandiża ta’ Brussell, sezzjoni kriminali, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Ġunju 2016, fil-proċedura kriminali kontra
Wamo BVBA,
Luc Cecile Jozef Van Mol,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan, D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża permezz ta’ digriet immotivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
1
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22).
2
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mibdija kontra Wamo BVBA u Luc Cecile Jozef Van Mol, akkużati bi ksur ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi lil kull persuna fiżika jew ġuridika milli xxandar reklamar relattiv għall-atti li jidħlu taħt il-kirurġija estetika jew taħt il-mediċina estetika mhux kirurġika.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3
Il-premessa 9 tad-Direttiva 2005/29 tiddikjara:
“Din id-Direttiva hi mingħajr preġudizzju għal azzjonijiet individwali miġjuba minn dawk li sofrew ħsara minn prattika kummerċjali żleali. Hija wkoll mingħajr preġudizzju għal regoli Komunitarji u nazzjonali […] dwar l-aspetti ta’ saħħa u sigurtà ta’ prodotti […]. B’hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew idaħħlu restrizzjonijiet u projbizzjonijiet ta’ prattiċi kummerċjali għal raġunijiet tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi fit-territorju, ikun fejn ikun ibbażat il-kummerċjant, per eżempju, fir-rigward ta’ l-alkoħol, tat-tabakk jew tal-farmaċewtiċi. […]”
4
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-Definizzjonijiet”, jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]
c)
‘prodott’ tfisser kwalunkwe merkanzija jew servizz inkluża proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi;
d)
‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prattiċi kummerċjali’) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;
[…]”
5
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.
[…]
3. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji jew nazzjonali konnessi ma’ aspetti ta’ saħħa u sigurtà ta’ prodotti.
[…]
8. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kondizzjonijiet ta’ stabbiliment jew reġimi ta’ awtorizzazzjoni, jew għall-kodiċijiet deontoloġiċi ta’ kondotta jew regoli speċifiċi oħra li jiggvernaw professjonijiet regolati sabiex jinżammu livelli għolja ta’ integrità min-naħa tal-professjonisti, li l-Istati Membri jistgħu, konformement mal-liġi Komunitarja, jimponu fuq il-professjonisti.
[…]”
Id-dritt Belġjan
6
Skont l-Artikolu 2, 6, tal-Wet tot regeling van de vereiste kwalificaties om ingrepen van niet-heelkundige esthetische geneeskunde en esthetische heelkunde uit te voeren en tot regeling van de reclame en informatie betreffende die ingrepen (liġi dwar il-kwalifiki meħtieġa biex jitwettqu atti ta’ mediċina estetika mhux kirurġika u ta’ kirurġija estetika u li tirregola r-reklamar u l-informazzjoni relattiva għal dawn l-atti), tat-23 ta’ Mejju 2013 (Belgisch Staatsblad, 2 ta’ Lulju 2013, p. 41511), kif emendata mill-Wet houdende diverse bepalingen inzake gezondheid (liġi dwar diversi dispożizzjonijiet fil-qasam tas-saħħa), tal-10 ta’ April 2014 (Belgisch Staatsblad, 30 ta’ April 2014, p. 35442) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tat-23 ta’ Mejju 2013”), “reklamar” ifisser kull forma ta’ komunikazzjoni jew azzjoni diretta lejn il-pubbliku intiż, direttament jew indirettament, biex jippromwovi l-provvista tal-atti msemmija fl-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, ikunu xi jkunu l-post, is-support jew it-tekniki użati, inkluż ix-xandir ta’ televiżjoni-realtà.
7
L-Artikolu 20/1 tal-Liġi tat-23 ta’ Mejju 2013, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tagħha, jippreċiża li kull persuna fiżika jew ġuridika hija prekluża milli xxandar reklamar relattiv għall-atti li jidħlu taħt il-kirurġija estetika jew taħt il-mediċina estetika mhux kirurġika.
8
L-Artikolu 22/1 ta’ din il-liġi jipprevedi li l-awtur ta’ ksur imsemmi fl-Artikolu 20/1 għandu jingħata piena minn tmint ijiem sa sitt xhur priġunerija u multa minn Eur 250 sa Eur 5000 jew waħda minn dawn il-pieni biss, u jippreċiża li l-qorti tista’, barra minn hekk, tordna l-pubblikazzjoni tas-sentenza fi tliet ġurnali.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, b’riżultat ta’ rapport magħmul mill-Federale Overheidsdienst Volksgezondheid, Veiligheid van de Voedselketen en Leefmilieu (servizz pubbliku federali tas-saħħa pubblika, sigurtà tal-katina alimentari u tal-ambjent, il-Belġju) fi ħdan il-Procureur des Konings (prokuratur tar-Re, il-Belġju), inbdew proċeduri kriminali kontra Wamo, kumpannija li topera ħwienet tal-ħwejjeġ taħt l-isem kummerċjali ZEB, kif ukoll kontra Luc Cecile Jozef Van Mol, amministratur delegat ta’ Mosa, kumpannija amministrattriċi ta’ Wamo, għar-raġuni li, bejn it-8 u t-13 ta’ Ġunju 2015, dawn xandru reklamar relattiv għal atti li jidħlu taħt il-kirurġija estetika, bi ksur tal-liġi Belġjana.
10
Il-fajl kriminali jinkludi fih fuljett ta’ reklamar li jippromwovi kompetizzjoni marbuta mal-kirurġija estetika li ZEB xandret fost il-klijentela tagħha kif ukoll kopja tal-paġna tas-sit tal-Internet ta’ Wamo, fejn jidher reklamar simili.
11
Quddiem il-qorti tar-rinviju, Wamo u Luc Cecile Jozef Van Mol isostnu, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Belġjan li jipprekludu t-tixrid tar-reklamar relattiv għall-atti li jidħlu taħt il-kirurġija estetika jew taħt il-mediċina estetika mhux kirurġika imorru kontra d-Direttiva 2005/29.
12
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li n-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg te Brussel, strafzaken (qorti tal-prim’istanza bil-lingwa Olandiża ta’ Brussell, sezzjoni kriminali, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Id-Direttiva [2005/29] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi liġi nazzjonali li tipprojbixxi lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika milli xxerred ir-reklamar dwar atti ta’ kirurġija estetika jew ta’ mediċina estetika mhux kirurġika, kif jipprevedi l-Artikolu 20/1 tal-liġi tat-[23 ta’ Mejju 2013]?”
Fuq id-domanda preliminari
13
Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.
14
Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata f’din il-kawża.
15
Bid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2005/29 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipproteġi s-saħħa pubblika kif ukoll id-dinjità u l-integrità tal-professjonijiet ta’ kirurgi estetiċi u ta’ tabib estetiku billi tipprekludi lil kull persuna fiżika jew ġuridika milli xxerred reklamar dwar atti ta’ kirurġija estetika jew ta’ mediċina estetika mhux kirurġika.
16
Sabiex tingħata r-risposta għal din id-domanda, għandu, preliminarjament, jiġi ddeterminat jekk ir-reklamar li huwa suġġett għall-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxix prattika kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29 u huwiex, għalhekk, suġġett għar-regoli stabbiliti minn din tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Vanderborght, C-339/15, EU:C:2017:335, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
17
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi, bl-użu ta’ formulazzjoni partikolarment wiesgħa, il-kunċett ta’ “prattiċi kummerċjali” bħala “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi” (sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, C-540/08, EU:C:2010:660, punt 17, u tal-4 ta’ Mejju 2017, Vanderborght, C-339/15, EU:C:2017:335, punt 23).
18
Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 2(c) tad-direttiva msemmija, il-kunċett ta’ “prodott” jikkonċerna, min-naħa tiegħu, il-prodotti jew is-servizzi kollha.
19
Minn dan jirriżulta li r-reklamar dwar l-atti tal-kirurġija estetika, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kemm jekk ikun permezz tat-tixrid ta’ fuljetti ta’ reklamar jew fuq l-Internet, jikkostitwixxi prattika kummerċjali, fis-sens tad-Direttiva 2005/29.
20
Għalhekk, konformement mal-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, din tapplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali konnessi mas-saħħa u sigurtà ta’ prodotti.
21
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(8) tad-Direttiva msemmija, din tapplika mingħajr preġudizzju għall-kodiċijiet deontoloġiċi jew regoli speċifiċi oħra li jiggvernaw professjonijiet irregolati sabiex jinżammu livelli għolja ta’ integrità min-naħa tal-professjonisti, li l-Istati Membri jistgħu, konformement mal-liġi tal-Unjoni, jimponu fuq il-professjonisti.
22
B’hekk, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li d-Direttiva 2005/29 ma għandhiex l-effett li tpoġġi indiskussjoni r-regoli nazzjonali dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-prodotti jew tad-dispożizzjonijiet speċifiċi li jiggvernaw il-professjonijiet irregolati (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Vanderborght, C-339/15, EU:C:2017:335, punt 28).
23
Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 20/1 tal-liġi tat-23 ta’ Mejju 2013, tipproteġi s-saħħa pubblika kif ukoll id-dinjità u l-integrità tal-professjonijiet ta’ kirurgi estetiċi u ta’ tabib estetiku, b’tali mod li din tidħol taħt l-Artikolu 3(3) u (8) tad-Direttiva 2005/29 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Vanderborght, C-339/15, EU:C:2017:335, punt 29).
24
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2005/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipproteġi s-saħħa pubblika kif ukoll id-dinjità u l-integrità tal-professjonisti tal-kirurġija estetika u tal-mediċina estetika billi tipprekludi lil kull persuna fiżika jew ġuridika milli xxerred reklamar relattiv għall-atti li jidħlu taħt il-kirurġija estetika jew taħt il-mediċina estetika mhux kirurġika.
Fuq l-ispejjeż
25
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipproteġi s-saħħa pubblika kif ukoll id-dinjità u l-integrità tal-professjonisti tal-kirurġija estetika u tal-mediċina estetika billi tipprekludi lil kull persuna fiżika jew ġuridika milli xxerred reklamar relattiv għall-atti li jidħlu taħt il-kirurġija estetika jew taħt il-mediċina estetika mhux kirurġika.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.