25.4.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 145/41
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2016 – ZZ vs Il-Kummissjoni
(Kawża F-11/16)
(2016/C 145/50)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: ZZ (rappreżentanti: N. Lhoest, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Suġġett u deskrizzjoni tat-tilwima
Annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tirrevedi l-grad mogħti lir-rikorrenti fi żmien it-trasferiment tagħha lill-Parlament Ewropew u li tibni mill-ġdid il-karriera tagħha kif ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallas id-differenza bejn ir-remunerazzjoni mħallsa lir-rikorrenti u dik li għandha titħallas lilha wara l-bini mill-ġdid tal-karriera tagħha, flimkien mal-interessi moratorji.
Talbiet
—
jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-17 ta’ April 2015, li tirrifjuta li tirrevedi l-grad tar-rikorrenti fi żmien it-trasferiment tagħha u li teżamina mill-ġdid il-karriera mal-Kummissjoni Ewropea matul il-perijodu mis-16 ta’ Ġunju 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2010, minkejja l-promozzjoni mill-grad C4 (li sar AST 3) għall-grad C3 (li sar AST 4) li ngħatatilha mill-Parlament Ewropew fis-7 ta’ Awwissu 2009 b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2000;
—
jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad-9 ta’ Novembru 2015, li tiċħad l-ilment ippreżentat mir-rikorrenti fis-17 ta’ Lulju 2015;
—
jikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tħallas lir-rikorrenti d-differenza bejn ir-remunerazzjoni li ħallsitha u r-remunerazzjoni li għandha tħallasha wara l-bini mill-ġdid tal-karriera tagħha fi grad u fi skala, flimkien mal-interessi moratorji;
—
jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Full & Egal Universal Law Academy