4.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 243/52
Rikors ippreżentat fil-5 ta’ April 2016 – ZZ vs BEI
(Kawża F-19/16)
(2016/C 243/57)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: ZZ (rappreżentant: A. Senes u L. Payot, avukati)
Konvenut: Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)
Suġġett u deskrizzjoni tat-tilwima
Rimbors lir-rikorrenti, flimkien mal-interessi, għall-allegat telf tad-drittijiet għall-pensjoni tagħha jew, alternattivament, stabbiliment mill-ġdid, flimkien mal-interessi, tad-drittijiet għall-pensjoni allegatament mitlufa minnha mis-sistema nazzjonali, meta dawk id-drittijiet ġew ittrasferiti fl-iskema tal-pensjoni tal-konvenut.
Talbiet
—
jikkundanna lill-Bank Ewropew tal-Investiment jirrimborsa d-dannu soffert mir-rikorrenti minħabba t-telf tad-drittijiet għall-pensjoni tagħha fl-ammont ta’ EUR 55 641,17, flimkien mal-interessi akkumulati bir-rata applikabbli kkalkolata retroattivament, daqs li kieku t-trasferiment oriġinali sar għall-ammont sħiħ tad-drittijiet għall-pensjoni tagħha eżistenti mal-Istituto Nazionale della Previdenza Sociale, meta saret it-talba għal trasferiment oriġinali;
—
alternattivament, jikkundanna lill-BEI biex jirritorna immedjatament lil ZZ EUR 55 641,17 fil-forma ta’ xhur ta’ pensjoni, flimkien mal-interessi akkumulati bir-rata applikabbli kkalkolata retroattivament daqs li kieku t-trasferiment oriġinali sar għall-ammont sħiħ tad-drittijiet għall-pensjoni tagħha eżistenti mal-Istituto Nazionale della Previdenza Sociale. F’dan il-każ, huwa ssuġġerit li l-kalkoli għandhom isiru skont l-Artikolu 71.1.1. tar-Regolamenti dwar l-Iskema tal-Irtirar tal-Persunal tal-BEI;
—
jikkundanna lill-BEI iħallas kull kumpens ulterjuri li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li huwa ġust;
—
jikkundanna lill-BEI biex ibati l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri, li huma stmati għal EUR 3 000.