26.3.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 112/29
Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Frar 2018 – POA vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-74/16) (1)
((“Aċċess għal dokumenti - Regolament (KE) Nru 1049/2001 - Dokumenti li jikkonċernaw l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ isem skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 - Dokumenti li joriġinaw mill-Kummissjoni - Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru - Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 - Rifjut ta’ aċċess - Obbligu ta’ motivazzjoni - Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali - Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji - Portata tal-kontroll imwettaq mill-istituzzjoni u tal-istħarriġ imwettaq mill-qorti tal-Unjoni fuq il-motivi ta’ oppożizzjoni invokati mill-Istat Membru”))
(2018/C 112/37)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Pagkyprios organismos ageladotrofon (POA) Dimosia Ltd (Latsia, Ċipru) (rappreżentant: N. Korogiannakis, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Baquero Cruz u F. Clotuche-Duvieusart, aġenti)
Suġġett
Talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni Ares(2015)5632670 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2015 li tiċħad l-applikazzjoni konfermatorja sottomessa permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Settembru 2015, li fiha r-rikorrenti, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3 p. 331), talbet aċċess għal dokumenti li jikkonċernaw, minn naħa, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni CY/PDO/0005/01243 ta’ “Halloumi” bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP), skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012 L 343, p. 1), u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni preċedenti CY/PDO/0005/00766 ta’ “Halloumi” bħala DOP.
Dispożittiv
1)
Ir-rikors huwa miċħud.
2)
Pagkyprios organismos ageladotrofon (POA) Dimosia Ltd għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.
(1) ĠU C 145, 25.4.2016.
Full & Egal Universal Law Academy