27.11.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 402/30
Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ottubru 2017 – Brouillard vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-572/16) (1)
((“Servizz pubbliku - Reklutaġġ - Avviż ta’ kompetizzjoni - Kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/306/15 - Ġuristi lingwisti tal-lingwa Franċiża mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea - Kandidatura online - Preselezzjoni bbażata fuq kwalifiki - Diplomi mitluba - Livell ta’ tagħlim li jikkorrispondi għal formazzjoni ġuridika kompleta mwettqa fi stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla Belġjan, Franċiż jew Lussemburgiż - Diploma ta’ ‘master 2’ fil-liġi, fl-ekonomija, fl-immaniġġjar, f’qasam tad-dritt privat, fi speċjalizzazzjoni bħala ġurista lingwista - Ħruġ wara ‘validazzjoni tal-kisba tal-esperjenza’ - Nuqqas ta’ ammissjoni għall-parteċipazzjoni fl-eżamijiet ta’ kompetizzjoni - Rikors għal annullament - Kontenut tat-talba - Inammissibbiltà - Kompetenza professjonali - Rekwiżit ta’ formazzjoni ġuridika kompleta - Rikonoxximent ta’ diplomi”))
(2017/C 402/39)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Alain Laurent Brouillard (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: inizjalment P. Vande Casteele, sussegwentement H. Brouillard, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Gattinara u F. Simonetti, aġenti)
Suġġett
Talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), ikkomunikata lir-rikorrent permezz ta’ posta elettronika tal-24 ta’ Settembru 2015, li huwa ma jiġix ammess għall-fażi sussegwenti tal-“kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/306/15” ibbażata fuq kwalifiki u eżamijiet”, organizzata sabiex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ, b’mod partikolari, ta’ “[ġ]uristi lingwisti (AD 7) tal-lingwa Franċiża (FR)” tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjonijiet ta’ selezzjoni u ta’ ħatra, meħuda fil-kuntest ta’ din il-kompetizzjoni.
Dispożittiv
1)
Id-deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), ikkomunikata lil Alain Laurent Brouillard permezz ta’ posta elettronika tal-24 ta’ Settembru 2015, li huwa ma jiġix ammess għall-fażi sussegwenti tal-“kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/306/15” ibbażata fuq kwalifiki u eżamijiet”, organizzata sabiex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ, b’mod partikolari, ta’ “[ġ]uristi lingwisti (AD 7) tal-lingwa Franċiża (FR)” tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija annullata.
2)
Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3)
A. L. Brouillard u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, inklużi dawk sostnuti fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji fil-kawża li tat lok għad-digriet tal-20 ta’ Jannar 2016, Brouillard vs Il-Kummissjoni (F-148/15 R).
(1) ĠU C 59, 15.2.2016 (kawża inizjalment irreġistrata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea taħt in-numru F-148/15 u ttrasferita lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fl-1.9.2016).