10.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 221/25
Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Mejju 2017 – CW vs Il-Parlament
(Kawża T-742/16 RENV) (1)
((“Servizz pubbliku - Uffiċjali - Fastidju psikoloġiku - Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal - Obbligu ta’ assistenza - Regoli interni dwar il-Kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol - Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal - Talba għal assistenza - Ċaħda - Deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment - Kontenut awtonomu - Natura prematura tal-ilment - Assenza - Rwol u prerogattivi tal-Kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol - Possibbiltà għall-uffiċjal li jagħmel riferiment lil dan il-kumitat - Responsabbiltà mhux kuntrattwali”))
(2017/C 221/35)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: CW (rappreżentant: C. Bernard-Glanz, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: E. Taneva u M. Dean, aġenti)
Suġġett
Talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament tat-8 ta’ April 2013 li tiċħad it-talba għal assistenza mressqa mir-rikorrenti marbuta mal-allegat fastidju psikoloġiku min-naħa tas-superjuri diretti tagħha li hija qieset li kienet vittma tiegħu kif ukoll għall-annullament tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament tat-23 ta’ Ottubru 2013 li tiċħad l-ilment tagħha tad-9 ta’ Lulju 2013 u, min-naħa l-oħra, sabiex tikseb kumpens għad-dannu li hija allegatament ġarrbet.
Dispożittiv
1)
Id-deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2013 tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, li tiċħad l-ilment ta’ CW tad-9 ta’ Lulju 2013 hija annullata.
2)
It-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament tat-8 ta’ April 2013 li tiċħad it-talba għal assistenza mressqa minn CW hija miċħuda bħala inammissibbli.
3)
Il-Parlament huwa kkundannat iħallas lil CW, fir-rigward tad-dannu morali mġarrab, ammont ta’ EUR 2 000 flimkien mal-interessi moratorji, mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, bir-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament.
4)
Il-bqija tat-talba għad-danni hija miċħuda.
5)
Il-Parlament huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti minn CW fil-kuntest tal-proċedura inizjali quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tar-rikors fil-Kawża F-124/13, fil-kuntest tal-proċedura tal-appell fir-rigward tal-Kawża T-309/15 P u fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ rinviju fir-rigward tal-Kawża T-742/16 RENV.
(1) ĠU C 52, 22.2.2014 (kawża rreġistrata inizjalment quddiem it-Tribual għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea bin-numru F-124/13).