SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)
14 ta’ Ġunju 2018 ( *1 )
“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Mewt ta’ konjuġi uffiċjal – Aventi kawża tal-uffiċjal defunt – Pensjoni tas-superstiti – Pensjoni tal-orfni – Tibdil tal-post tal-uffiċjal, konjuġi superstitu – Adattament tas-salarju – Metodu tal-kalkolu tal-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni – Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal – Avviż ta’ tibdil tad-drittijiet tal-pensjoni – Att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal – Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament – Kundizzjonijiet – Talba għad-danni materjali u morali”
Fil-Kawżi magħquda T-568/16 u T-599/16,
Alberto Spagnolli, residenti f’Parma (l-Italja),
Franzasco Spagnolli, residenti f’Parma,
Maria Alice Spagnolli, residenti f’Parma,
Bianca Maria Elena Spagnolli, residenti f’Parma,
irrappreżentati minn C. Cortese u B. Cortese, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara u F. Simonetti, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE intiża, inkwantu l-Kawża T-568/16, għall-annullament tal-avviż ta’ tibdil Nru 3 PMO/04/LM/2015/ARES tal-Uffiċċju “Ġestjoni u likwidazzjoni ta’ drittijiet individwali” (PMO) tal-Kummissjoni, tas-6 ta’ Frar 2015, li jinkludi l-indikazzjoni ta’ ammonti ġodda tal-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni mogħtija lir-rikorrenti, u, inkwantu l-Kawża T-599/16, minn naħa, għall-annullament tad-Deċiżjoni PMO/04/LM/2015/ARES/3406787 tal-PMO, tas-17 ta’ Awwissu 2015, dwar l-irkupru tal-ammonti mħallas indebitament lir-rikorrenti bħala pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni u, min-naħa l-oħra, għar-riżarċiment tad-danni allegatament subiti mir-rikorrenti,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),
komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise (Relatur) u R. da Silva Passos, Imħallfin,
Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad-9 ta’ Novembru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest legali
1
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni applikabbli għall-vertenza (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprovdi:
“Is-sieħba li tibqa’ ħajja ta’ uffiċjal jew ta’ dak li qabel kien uffiċjal għandha tkun intitolata, fil-mod ipprovdut fil-Kapitolu 4 ta’ l-Anness VIII, għal pensjoni għal min jibqa’ ħaj daqs 60 % tal-pensjoni ta’ l-irtirar jew il-benefiċċju ta’ l-invalidità li kienet titħallas lil żewġha, jew li, jkun xi jkun it-tul tas-servizz jew ta’ l-età, kieku kieket titħallas lilu li kieku kkwalifika għaliha meta miet.”
2
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:
“L-ammont tal-pensjoni għal min jibqa’ ħaj pagabbli is-sieħba li tibqa’ ħajja ta’ l-uffiċjal li miet waqt li kien f’wieħed mill-istati amministrattivi speċifikati fl-Artikolu 35, la għandu jkun anqas mill-figura minima tas-sussistenza u lanqas minn 35 % ta’ l-aħħar salarju bażiku li rċieva l-uffiċjal.”
3
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa redatt kif ġej:
“Meta uffiċjal jew persuna hija intitolata għal pensjoni ta’ l-irtirar jew benefiċċju ta’ l-invalidità, imut u ma jħalli l-ebda sieħba intitolata għall-pensjoni ta’ l-għajxien, it-tfal dipendenti mill-mejjet fis-sens ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-Anness VII, fil-mument tal-mewt tiegħu għandhom ikunu intitolati għal pensjoni ta’ l-orfni skond l-Artikolu 21 ta’ l-Anness VIII.”
4
Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal:
“Meta jmut uffiċjal jew persuna intitolata għall-pensjoni ta’ l-irtirar jew għall-benefiċċju ta’ l-invalidità, iżda l-kondizzjonijiet ippreżentati fl-ewwel paragrafu ma jitħarsux, it-tfal dipendenti fis-sens ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-Anness VII għandhom ikunu intitolati għall-pensjoni ta’ l-orfni skond l-Artikolu 21 ta’ l-Anness VIII; madankollu, il-pensjoni għandha tkun daqs nofs il-pensjoni maħduma skond dak l-Artikolu.”
5
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 81 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li:
“Persuna intitolata għal pensjoni ta’ l-irtirar, jew għall-benefiċċju ta’ l-invalidità, jew għall-pensjoni ta’ l-għajxien, għandha tkun intitolata, taħt il-kondizzjonijiet imniżżla fl-Anness VII, għall-benefiċċji tal-familja speċifikati fl-Artikolu 67; il-benefiċċju tal-familja għandu jinħadem b’riferenza għall-pensjoni jew il-benefiċċju tar-riċevitur. Dawn il-benefiċċji għandhom jitħallsu lir-riċevituri tal-pensjoni ta’ l-għajxien biss dwar it-tfal dipendenti fuq l-uffiċjal mejjet jew dak li qabel kien uffiċjal fil-mument tal-mewt tiegħu.”
6
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 81 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa redatt kif ġej:
“L-ammont tal-allowance tat-tfal dipendenti pagabbli lil persuna intitolata għal pensjoni għal min jibqa’ ħaj għandu, madankollu, jkun id-doppju tal-allowance pprovduta fl-Artikolu 67(1)(b).”
7
L-Artikolu 81a(1)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:
“1. Minkejja kull disposizzjoni oħra, l-aktar dawk dwar l-ammonti minimi pagabbli lil persuni intitolati għal pensjoni għal min jibqa’ ħaj, l-ammont totali pagabbli f’pensjoni għal min jibqa’ ħaj bl-addizzjoni tal-allowance tal-familja bit-taxxa mnaqqsa u tnaqqis mandatarju ieħor lill-armla u lil persuni intitolati oħra ma jistgħux jaqbżu dan li ġej:
a)
fil-każ tal-mewt ta’ uffiċjal li għandu wieħed mill-istati amministrattivi ppreżentati fl-Artikolu 35, l-ammont tar-remunerazzjoni li l-uffiċjali kien jirċievi fl-istess grad u skala li kieku kien għadu fis-servizz, bl-addizzjoni ta’ kull allowance tal-familja li jirċievi f’dak il-każ u bit-taxxa mnaqqsa u tnaqqis mandatarju ieħor; […]”
8
L-Artikolu 2(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa redatt kif ġej:
“1. Skond il-paragrafi 2 u 3 t’hawn taħt, uffiċjal li għandu tifel dipendenti wieħed jew aktar għandu jirċievi allowance ta’ EUR 372,61 fix-xahar għal kull tifel dipendenti.”
9
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:
“2. ‘Tifel dipendenti’ ifisser it-tifel leġittimu, naturali jew adottat ta’ uffiċjal, jew tal-konsorti tiegħu li attwalment mantnut mill-uffiċjal.”
10
Skont l-Artikolu 21 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal:
“1. Il-pensjoni ta’ l-orfni pprovduta fl-Artikolu 80, l-ewwel, it-tieni u t-tielet paragrafi tar-Regolamenti tal-Persunal għandha għall-ewwel orfni tkun daqs tmienja minn għaxra tal-pensjoni għal min jibqa’ ħaj li s-sieħeb li jibqa’ ħaj ta’ uffiċjal jew ta’ dak li qabel kien uffiċjal li jirċievi pensjoni ta’ l-irtirar jew benefiċċju ta’ l-invalidità kienet tkun intitolata għaliha, mingħajr kas tat-tnaqqis ippreżentati fl-Artikolu 25 [tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal].
M’għandhiex tkun anqas mis-somma minima tas-sussistenza, suġġetta għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 22 [ta’ dan l-Anness tar-Regolamenti tal-Persunal].
2. Il-pensjoni għandha tiżdied, għal kull tifel wara l-ewwel, b’ammont id-doppju tal-benefiċċju tat-tifel dipendenti.
[…]
3. L-ammont totali tal-pensjoni u l-benefiċċju maħdum b’dan il-mod għandu jkun diviż indaqs fost l-orfni intitolati.”
11
L-Artikolu 82(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:
“1. Il-pensjonijiet ipprovduti hawn fuq m’għandhomx jinħadmu b’riferenza għall-iskali tas-salarju fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tax-xahar li fih jibda l-intitolament.
L-ebda koeffiċjent tal-korrezzjoni m’huwa applikabbli għall-pensjonijiet.
Il-pensjonijiet espressi f’euro għandhom jitħallsu f’waħda mill-muniti riferuti fl-Artikolu 45 ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.”
12
Skont l-Artikolu 41 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal:
“L-ammont tal-pensjoni jista’ f’kull ħin jerġa’ jinħdem mill-ġdid jekk ikun xi żball jew ommissjoni ta’ kull tip.
Il-pensjonijiet jistgħu jkunu mmodifikati jew irtirati jekk l-għotja kienet kontra d-disposizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jew ta’ dan l-Anness.”
13
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa redatt kif ġej:
“Kull somma li tħallset żejda għandha tkun irkuprata jekk ir-riċevitur ma kienx jaf li ma kien hemm l-ebda raġuna dovuta għall-pagament jew jekk il-fatt tal-ħlas żejjed kien tali evidenti li ma setax jinduna bih.”
14
L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 260/68 tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-proċedura għall-applikazzjoni tat-taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 33), jipprovdi:
“1. It-taxxa għandha titħallas kull xahar fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa mill-Komunitajiet lil kull persuna soġġetta għaliha.”
Il-fatti li wasslu għall-kawża
15
Francesco Spagnolli, Maria Alice Spagnolli u Bianca Maria Elena Spagnolli, tlieta mir-rikorrenti, li twieldu fl-10 ta’ Mejju 1997, fit-23 ta’ Marzu 1999 u fit-3 ta’ Diċembru 2001, huma ulied Alberto Spagnolli, ukoll rikorrenti, u tal-konjuġi tiegħu, Elisa Simonazzi.
16
Elisa Simonazzi ħadmet bħala uffiċjal tal-Unjoni Ewropea fil-grad AD 6, skala 3, fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea mis-16 ta’ Lulju 2005 sat-22 ta’ April 2011, meta hija mietet f’Parma (L-Italja).
17
Meta mietet il-mara tiegħu, Alberto Spagnolli kien jokkupa l-post ta’ uffiċjal fil-grad AD 12, skala 1, fi ħdan id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Affarijiet marittimi u tas-sajd” tal-Kummissjoni.
18
Fid-29 ta’ Lulju 2011, l-unità PMO.4 “Pensjonijiet” (iktar ’il quddiem l-“unità PMO.4”) tal-Uffiċċju “Ġestjoni u likwidazzjoni ta’ drittijiet individwali” (PMO) tal-Kummissjoni kkomunikat lil Alberto Spagnolli d-deċiżjoni, adottata b’applikazzjoni b’mod partikolari tal-Artikoli 79 u 80 tar-Regolamenti tal-Persunal, li tagħtih id-dritt għal pensjoni tas-superstiti u li tagħti lit-tliet uliedu id-dritt għal pensjoni tal-orfni b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2011. Fl-istess jum, id-dettall dwar l-ammonti ta’ dawn il-pensjonijiet ġie speċifikat mill-avviż li jistabbilixxi d-drittijiet għall-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni PMO/04/MAG/2011/ARES, li miegħu kien hemm mehmuż, fl-anness, id-dettall tal-kalkoli tal-imsemmija pensjonijiet (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Avviż Nru 1”).
19
Fl-10 ta’ Ottubru 2011, id-Direttur Ġenerali tad-DG “Affarijiet marittimi u tas-sajd” adotta deċiżjoni li biha awtorizza, fuq talba ta’ Alberto Spagnolli, l-assenjazzjoni ta’ dan tal-aħħar fi ħdan l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), f’Parma, b’effett mis-16 ta’ Ottubru 2011 u għal perijodu inizjali ta’ ħames snin. Il-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju konkluż minn Alberto Spagnolli mal-EFSA kien jipprovdi l-klassifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar fil-grad AD 9, skala 2.
20
Fis-17 ta’ April 2012, l-unità PMO.4 bagħtet lil Alberto Spagnolli, permezz tal-avviż ta’ tibdil Nru 2 (PMO/04/MAG/2012/ARES) u l-anness tiegħu li jinkludi d-dettall tal-kalkoli mwettqa (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Avviż Nru 2”), aġġornament tal-ammont tal-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni sa mill-1 ta’ Novembru 2011. Dan l-aġġornament kien neċessarju minħabba t-tibdil tal-post u tas-salarju ta’ Alberto Spagnolli u kien intiż li jirrettifika żball fil-kalkolu inkluż fl-Avviż Nru 1.
21
Fl-istess jum, l-unità PMO.4 bagħtet lil Alberto Spagnolli dokument li jissostitwixxi l-kalkoli tad-drittijiet għall-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni inklużi fl-Avviż Nru 1 (iktar ’il quddiem l-“Avviż Nru 1a”).
22
F’Ottubru 2013, Alberto Spagnolli, li kien ikklassifikat fil-grad AD 9, skala 2, għadda għall-iskala 3. Dan l-avvanz fl-iskala wassal għal żieda fis-salarju mensili bażiku rċevut mill-EFSA.
23
Fis-6 ta’ Frar 2015, Alberto Spagnolli rċieva telefonata min-naħa tal-unità PMO.4 li informatu b’reviżjoni ġdida tal-kalkolu tal-ammonti globali tal-pensjoni tas-superstiti u tal-pensjonijiet tal-orfni, minħabba l-indiċi progressiv applikabbli għas-salarju ġdid tiegħu u bi żball fil-kalkolu inkluż fl-Avviż Nru 2. F’dak l-istess jum, Alberto Spagnolli rċieva ittra minn din l-unità li kienet tindika li kien hemm lok li jsir kalkolu ġdid tad-drittijiet tiegħu tal-pensjoni minħabba t-tibdil fl-iskala u minħabba l-iżball inkluż fl-Avviż Nru 2. Permezz ta’ din l-ittra, l-unità PMO.4 informat ukoll lil Alberto Spagnolli bil-ħtieġa li tirkupra s-somma ta’ madwar EUR 40000 imħallsa indebitament bħala pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni. Ma’ din l-ittra ġie mehmuż avviż ta’ tibdil Nru 3 (PMO/04/LM/2015/ARES) u annessi (iktar ’il quddiem l-“Avviż Nru 3”), li fih kienu jidhru kalkoli ġodda tad-drittijiet għall-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni sa mill-1 ta’ Lulju 2012 u mill-1 ta’ Ottubru 2013, li jirrettifikaw l-iżball inkluż fl-Avviż Nru 2 u li jintegraw l-indiċi progressiv applikabbli.
24
Fil-5 ta’ Mejju 2015, Alberto Spagnolli ppreżenta lment abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra l-Avviż Nru 3 u kontra t-talba, inkluża fl-ittra tas-6 ta’ Frar 2015, għar-rimbors tas-somma ta’ madwar EUR 40000 li kienu tħallsu lilu indebitament bħala pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni bejn is-snin 2012 u 2015.
25
Permezz tad-Deċiżjoni HR.D.2/ON/ac/Ares(2015) tat-3 ta’ Awwissu 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiċħad l-iment tat-3 ta’ Awwissu 2015”), l-Awtorità tal-Ħatra ddikjarat l-ilment ammissibbli, iżda ċaħditu fil-mertu, kemm fir-rigward tal-kalkoli l-ġodda tal-ammonti tad-drittijiet għall-pensjoni tas-superstiti u tal-orfni kif ukoll fir-rigward tat-talba għal rimbors tas-somma ta’ madwar EUR 40000.
26
Fis-17 ta’ Awwissu 2015, il-kap tal-unità PMO.4 adotta d-deċiżjoni ta’ tnaqqis mill-pensjoni PMO/04/LM/ARES/2015/3406787 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu”) li kienet tinforma lil Alberto Spagnolli li, skont l-Avviż Nru 3, huwa kien debitur tal-Kummissjoni, fl-ammont ta’ EUR 22 368.19 u, għal kull wild tiegħu, fl-ammont ta’ EUR 5 922.72. Barra minn hekk, u b’din l-istess deċiżjoni, l-unità PMO.4 informat lil Alberto Spagnolli bil-fatt li dawn l-ammonti kienu ser jiġu rkuprati permezz ta’ żamma mensili ta’ ammonti mill-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni.
27
Fis-16 ta’ Novembru 2015, Alberto Spagnolli, għan-nom proprju tiegħu kif ukoll għal dak taż-żewġt ibniet tiegħu, u Francesco Spagnolli, li laħaq l-età adulta, ippreżentaw ilment abażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra d-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu.
28
Fl-4 ta’ Marzu 2016, l-Awtorità tal-Ħatra adottat id-deċiżjoni HR.E.2/RO/ac/Ares(2016) li tiċħad l-ilment (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiċħad l-ilment tal-4 ta’ Marzu 2016”).
Proċedura
29
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-13 ta’ Novembru 2015, Alberto Spagnolli, f’ismu u għan-nom proprju tiegħu kif ukoll, bis-saħħa tas-setgħa legali tiegħu ta’ rappreżentazzjoni, f’isem u għan-nom ta’ ulied minuri tiegħu Maria Alice Spagnolli u Bianca Maria Elena Spagnolli u, bis-saħħa ta’ prokura speċjali ta’ rappreżentazzjoni, f’isem u għan-nom ta’ Francesco Spagnolli, id-dixxendent il-kbir li jgħix taħt l-istess saqaf, ippreżenta kawża rreġistrata bin-numru F-140/15 intiza għall-annullament tal-Avviż Nru 3.
30
Fit-3 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni ppreżenta risposta quddiem ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.
31
Fl-4 ta’ April 2016, b’osservanza tat-terminu stabbilit, ir-rikorrenti wieġbu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sens tal-Artikolu 69 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu u ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà invokati mill-Kummissjoni.
32
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-14 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, ippreżentaw kawża rreġistrata bin-numru F-29/16, intiża, b’mod partikolari, għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu.
33
Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġurisdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016 L 200, p. 137), il-Kawżi F-140/15 u F-29/16 ġew ittrasferiti lill-Qorti Ġenerali fl-istat li dawn kienu jinsabu fid-data tal-31 ta’ Awwissu 2016. Dawn il-kawżi ġew irreġistrati rispettivament bin-numru T-568/16 u T-599/16 u ġew assenjati lid-Disa’ Awla.
34
Fit-12 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat, quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-risposta tagħha fil-Kawża T-599/16.
35
Fid-9 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti talbu li tiġi organizzata seduta fil-Kawża T‑568/16, b’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li ġiet adottata mill-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Novembru 2016.
36
Fl-20 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti ppreżentaw replika fil-Kawża T-599/16.
37
Fit-2 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni ppreżentat kontroreplika fil-Kawża T-599/16.
38
Fit-2 ta’ Ottubru 2017, il-President tad-Disa’ Awla ddeċieda li jgħaqqad il-kawżi flimkien għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.
39
Fil-25 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni wieġbet għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati mill-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Ottubru 2017.
40
It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-9 ta’ Novembru 2017.
It-talbiet tal-partijiet
41
Fil-Kawża T-568/16, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
–
tannulla l-Avviż Nru 3, kif ikkompletat mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tat-3 ta’ Awwissu 2015;
–
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
42
F’din l-istess kawża, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
–
tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;
–
tikkundanna lil Alberto Spagnolli għall-ispejjeż.
43
Fil-Kawża T-599/16, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
–
tannulla d-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu;
–
tannulla, sa fejn dan ikun neċessarju, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tal-4 ta’ Marzu 2016;
–
tannulla, sa fejn dan ikun neċessarju, id-deċiżjoni impliċita li tiċħad l-ilment ippreżentata minn Francesco Spagnolli;
–
tikkundanna lill-Kummmissjoni għar-riżarċiment tad-danni morali u materjali sostnut mir-rikorrenti minħabba l-ksur tad-dritt tagħhom għal amministrazzjoni tajba kif ukoll tad-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni fir-rigward tagħhom, li jammontaw għal, rispettivament:
–
id-differenza bejn ir-remunerazzjoni rċevuta minn Alberto Spagnolli bħala membru tal-persunal temporanju tal-EFSA fil-grad AD 9 u r-remunerazzjoni li huwa jkun jirċievi bħala uffiċjal tal-Kummissjoni fil-grad AD12, għal perijodu ta’ sena;
–
l-ammont tal-irkupru mitlub mingħand ir-rikorrenti fid-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu, miżjud bid-differenza ta’ bejn l-ammont tal-pensjonijiet stabbilit fl-Avviż Nru 2 u l-ammont stabbilit fl-Avviż Nru 3, sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Avviż Nru 3, sal-mument ta’ fejn il-familja tkun f’pożizzjoni li terġa’ tidħol fil-post ta’ residenza preċedenti tagħha, terminu li jista’ b’mod ġust jiġi stmat għal sena sa mir-riżoluzzjoni ta’ din il-kawża.
–
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
44
F’din l-istess kawża il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
–
tiċħad ir-rikors għal annullament bħala infondat;
–
tiċħad ir-rikors fit-talbiet tiegħu għad-danni bħala inammissibbli jew sussidjarjament bħala infondat;
–
tikkundanna lil Alberto Spagnolli għall-ispejjeż.
Id-dritt
Il-Kawża T-568/16
Fuq l-ammissibbiltà
45
Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet qiegħda tirrinunzja milli tinvoka l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq il-fatt li, fl-assenza ta’ lment preliminari obbligatorju skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ippreżentat kontra l-Avviż Nru 3 minn M. Alberto Spagnolli f’isem u għan-nom ta’ uliedu minuri, ir-rikors kien inammissibbli fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar. Ittieħdet nota ta’ din ir-rinunzja fil-verbal tas-seduta.
46
F’dan il-każ, ma għadux iktar ikkontestat li, fir-rigward tat-tfal minuri ta’ Alberto Spagnolli, li dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.
47
Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni żżomm fis-seħħ it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, ibbażata fuq il-fatt li r-rikors jindirizza att li ma jippreġudikax lir-rikorrenti, fis-sens tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda jikkonċerna att, l-Avviż Nru 3, li purament jikkonferma att preċedenti, l-Avviż Nru 1, li kien stabbilixxa d-drittijiet tagħhom tal-pensjoni.
48
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti identifikaw, b’mod żbaljat, l-Avviż Nru 3 bħala att li jikkawżalhom preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li dan l-avviż huwa biss att li purament jikkonferma l-Avviż Nru 1, sa fejn sempliċement japplika l-metodu tal-kalkolu stabbilit minn dan tal-aħħar, li jikkonsisti fl-inklużjoni tal-pensjoni tal-orfni fl-ammont tad-dħul suġġett għal-limitu previst fl-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal.
49
Ir-rikorrenti jikkontestaw l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni u jsostnu li r-rikors dirett kontra l-Avviż Nru 3 jikkonċerna att li, sa fejn ibiddel id-drittijiet tagħhom tal-pensjoni, jikkawżalhom preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u għaldaqstant ma huwiex att purament konfermatorju.
50
Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li l-inammissibbiltà fil-konfront ta’ rikors dirett kontra deċiżjoni purament konfermatorja tirriżulta mill-intempestività tar-rikors u mhux min-natura tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs il-Parlament, C-135/06 P, EU:C:2007:812, punt 54), b’tali mod li l-Kummissjoni ma tistax tpoġġi f’dubju n-natura preġudikanti tal-Avviż Nru 3 sempliċement peress li dan l-avviż purament jikkonferma l-Avviż Nru 1.
51
Fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament, ippreżentat kontra att li purament jikkonferma deċiżjoni preċedenti mhux ikkontestata fit-termini stabbiliti, huwa inammissibbli, peress li din il-klassifikazzjoni tippreżumi li l-att ma jkun fih l-ebda element ġdid meta mqabbel ma’ dik id-deċiżjoni u ma jkunx preċedut minn eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju ta’ din tal-aħħar (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1999, Neumann u Neumann-Schölles vs Il-Kummissjoni, T-68/97, EU:T:1999:238, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-28 ta’ Ġunju 2006, Grünheid vs Il-Kummissjoni, F-101/05, EU:F:2006:58, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-14 ta’ Settembru 2011, A vs Il-Kummissjoni, F-12/09, EU:F:2011:136, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).
52
Barra minn hekk, ġie deċiż li lment amministrattiv u r-rikors sussegwenti għandhom it-tnejn ikunu indirizzati kontra att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrent, fis-sens tal-Artikoli 90(2) u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, fejn l-att li jikkawża preġudizzju huwa att li jipproduċi effetti legali obbligatorji ta’ natura li jinċidu direttament u immedjatament fuq l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddel b’mod ikkaratterizzat is-sitwazzjoni legali ta’ dan tal-aħħar (ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2006, Grünheid vs Il-Kummissjoni, F-101/05, EU:F:2006:58, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
53
Sabiex jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni kellhiex dritt tqis li l-Avviż Nru 3 jikkostitwixxi att li purament jikkonferma l-Avviż Nru 1, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-Avviż Nru 3 ġiex adottat abbażi ta’ elementi ġodda u jekk kienx preċedut minn eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti.
54
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid l-Avviż Nru 1 f’żewġ okkażjonijiet. L-ewwel eżami mill-ġdid twettaq wara l-passi meħuda minn Alberto Spagnolli bejn Novembru 2011 u Marzu 2012. Dan l-eżami mill-ġdid wassal lill-Kummissjoni sabiex tikkoreġi l-Avviż Nru 1 billi adottat, fis-17 ta’ April 2012, l-Avviż Nru 2, minn naħa, kif ukoll l-Avviż Nru 1a, min-naħa l-oħra. It-tieni eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti saret, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni stess, fil-mument tal-avvanz fl-iskala ta’ Alberto Spagnolli, li mexa mill-grad AD 9, skala 2, għall-grad AD 9, skala 3. Waqt dan l-eżami mill-ġdid, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ allegat żball fil-kalkolu inkluż fl-Avviż Nru 2 u, b’hekk, il-ħlas indebitu konsegwenti. Proprju għalhekk hija adottat l-Avviż Nru 3 li jinkludi l-kalkoli l-ġodda tad-drittijiet għall-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni sa mill-1 ta’ Lulju 2012 u tal-1 ta’ Ottubru 2013.
55
Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li kemm l-iskoperta ta’ żball fl-Avviż Nru 2 kif ukoll it-tibdil tal-iskala ta’ Alberto Spagnolli jikkostitwixxu fatti ġodda li taw lok għal kalkoli ġodda tad-drittijiet tal-pensjoni tar-rikorrenti inklużi fl-Avviż Nru 3, jiġifieri għal tibdil tas-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti.
56
Il-kunsiderazzjonijiet suesposti ma humiex ikkontestati mill-fatt innifsu li l-avviżi Nru 1 u Nru 3 japplikaw l-istess metodu tal-kalkolu tad-drittijiet tal-pensjoni inkonnessjoni mal-inklużjoni tal-pensjonijiet tal-orfni fl-ammont ta’ dħul suġġett għal-limitu previst fl-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal.
57
Minn dan isegwi li peress li l-Avviż Nru 3 ġie adottat wara l-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti u abbażi ta’ fatti ġodda, ma jistax jitqies, kif tippretendi l-Kummissjoni, bħala att li purament jikkonferma l-Avviż Nru 1. Għall-kuntrarju, l-Avviż Nru 3 jikkostitwixxi att li, sa fejn jissostitwixxi l-atti preċedenti, jibdel b’mod ikkaratterizzat is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, jinċidi direttament u immedjatament fuq l-interessi tagħhom u b’hekk jikkawżalhom preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) u tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.
58
Għaldaqstant hemm lok li titwarrab it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni u bbażata fuq in-natura inkontestabbli tal-Avviż Nru 3 u li tiġi evalwata l-fondatezza tar-rikors.
Fuq il-mertu
59
Qabelxejn, jeħtieġ li jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament imressqa formalment kontra deċiżjoni li tiċħad ilment għandhom l-effett, meta d-deċiżjoni ma jkollhiex kontenut awtonomu, li jressqu quddiem il-Qorti Ġenerali l-att li kontrih tressaq l-ilment (sentenzi tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punt 8; u tas-6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il-Kummissjoni, T-309/03, EU:T:2006:110, punt 43). Peress li fil-każ odjern, id-deċiżjoni li tiċħad l-iment tat-3 ta’ Awwissu 2015 ma għandhiex kontenut awtonomu, peress li din essenzjalment tikkonferma l-att ikkontestat, jiġifieri l-Avviż Nru 3, ir-rikors għandu jitqies bħala li huwa dirett kontra dan l-aħħari msemmi att.
60
Fir-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi ta’ illegalità tal-Avviż Nru 3. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-limitu previst fl-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal għall-pensjonijiet tal-orfni. It-tieni wieħed huwa bbażat fuq l-esklużjoni mhux iġġustifikata tal-allowances tal-familja mill-kalkolu tal-limitu tal-pensjonijiet previst fl-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal. It-tielet motiv huwa bbażat fuq in-natura insuffiċjenti u kontradittorja tal-motivazzjoni tal-Avviż Nru 3.
61
B’risposta għal mistoqsija mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, li tagħha ttieħdet nota fil-verbal ta’ din tal-aħħar, ir-rikorrenti kkonfermaw li, minħabba t-tweġibiet ipprovduti mill-Kummissjoni, fil-25 ta’ Ottubru 2017, għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati mill-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Ottubru 2017, huma rrinunzjaw għall-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-materjalità tal-fatti, jiġifieri l-ammonti meħuda inkunsiderazzjoni u l-kalkoli mwettqa mill-Kummissjoni fl-avviżi differenti, u b’mod partikolari fl-Avviż Nru 2, mingħajr madankollu ma rrinunzjaw li jikkontestaw il-legalità tal-metodu tal-kalkolu tad-drittijiet tal-pensjoni applikat mill-Kummissjoni f’dawk l-avviżi. Għaldaqstant, huma jirrinunzjaw għat-tieni motiv fir-rikors tal-kawża odjerna.
62
Qabelxejn, għandu jiġi eżaminat it-tielet motiv.
– Fuq it-tielet motiv
63
Permezz tat-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Avviż Nru 3, kif ikkompletat mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tat-3 ta’ Awwissu 2015, huwa vvizzjat minħabba n-natura insuffiċjenti u kontradittorja tal-motivazzjoni tagħha.
64
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jiddikjaraw li la l-Avviż Nru 3 u lanqas id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tat-3 ta’ Awwissu 2015 ma jippermettu li jiġi mifhum ir-raġunament segwit u l-kalkoli effettivament imwettqa mill-Kummissjoni. Skont ir-rikorrenti, ċertament, il-motivazzjoni tal-Avviż Nru 3 tindika, kif jagħmlu d-deċiżjonijiet preċedenti, li, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-limitu previst fl-Artikolu 81a(1)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont li jirriżulta mill-għadd flimkien tas-salarju nett tad-defunt u dak tal-konjuġi superstitu fil-mument tal-mewt, inklużi l-allowances għat-tlett itfal taħt il-kustodja tagħhom, li l-konjuġi superstitu għandu dritt għalihom. Madankollu, sa fejn jirriżulta mill-kalkoli tal-Avviż Nru 3 li s-salarju nett tal-konjuġi superstitu ma jiħux inkunsiderazzjoni l-allowance tad-dar u l-allowances għall-ulied dipendenti, il-motivazzjoni inkluża fl-Avviż Nru 3 tikkontradixxi d-dispożittiv tal-imsemmi avviż.
65
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tat-3 ta’ Awwissu 2015 lanqas ma tipprovdi kjarifika għall-motivazzjoni tal-Avviż Nru 3. Fil-fatt, l-Awtorità tal-Ħatra tagħmel riferiment għall-akkumulazzjoni tad-dħul tal-uffiċjal defunt, li kieku din kienet għadha ħajja, u tad-“dħul nett tal-armel”, mingħajr ma tispeċifika espressament jekk, f’dan il-każ, kienx is-salarju nett reali tal-armel, jiġifieri s-salarju realment rċevut wara l-mewt ta’ E. Simonazzi, jew is-salarju fittizju tal-armel, jiġifieri s-salarju tal-armel ikkalkulat skont l-ipoteżi li fiha l-konjuġi tiegħu kienet għadha ħajja. Skont ir-rikorrenti, “id-dħul nett tal-armel”, fis-sens tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tat-3 ta’ Awwissu 2015, la jista’ jikkorrispondi għas-salarju reali, li ma tteħidx inkunsiderazzjoni fl-istabbiliment tal-limitu previst fl-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal, u lanqas mas-salarju fittizju ta’ Alberto Spagnolli, peress li l-ammont tad-“dħul tal-armel”, indikat fl-Avviż Nru 3, ma jinkludix l-allowances tal-familja li dan tal-aħħar kien ikollu dritt għalihom li kieku martu baqgħet ħajja. B’hekk, minn dan kollu huma jiddeduċi li l-motivazzjoni miżjuda mill-Awtorità tal-Ħatra hija, fi kwalunkwe każ, kuntrarja għall-kontenut tal-Avviż Nru 3.
66
Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi speċifikat li l-akkumulazzjoni tal-emolumenti li twettaq il-Kummissjoni, għall-istabbiliment tal-limitu previst fl-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal, meta tkun iffaċċjata b’żewġ konjugi li jkunu t-tnejn li huma uffiċjali tal-Unjoni, kif tirriżulta mid-diversi avviżi għall-istabbiliment ta’ drittijiet tal-pensjoni, ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-kawża. Din l-akkumulazzjoni tal-emolumenti tal-uffiċjali kkonċernati sservi sabiex jiġi stabbilit il-limitu li huwa suġġett għalih id-dħul tal-familja tal-uffiċjal superstitu, bil-għan li jiġi evitat l-arrikkiment ta’ din tal-aħħar minħabba l-mewt. Għaldaqstant, il-limitu previst fl-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal huwa kkalkulat mill-Kummissjoni bl-għadd flimkien tas-salarju tal-konjuġi li jkun miet mas-salarju tal-konjuġi superstitu. Dan il-metodu ma jirriżultax espressament mill-kliem tal-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal, li, għall-istabbiliment tal-imsemmi limitu li ma għandux jiġi eċċedut, jirreferi biss għas-salarju tal-konjuġi li jkun miet. Madankollu, l-imsemmi metodu ntagħżel mill-Kummissjoni, u dan kif jirriżulta mid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tat-3 ta’ Awwissu 2015 u ġie kkonfermat mill-Kummissjoni stess matul is-seduta, bil-ħsieb li jiġi ppreservat iktar dħul tal-familja f’termini ta’ taxxa.
67
F’dan il-każ, minn naħa, ir-rikorrenti jikkontestaw l-ammont ta’ dħul ta’ Alberto Spagnolli li, fid-diversi avviżi ta’ drittijiet tal-pensjoni, ġie miżjud mas-salarju ta’ konjuġi tiegħu li mietet għall-istabbiliment tal-limitu previst fl-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal. B’mod iktar speċifiku, huma jqisu li, f’dan id-dħul, il-Kummissjoni tinkludi ammont żbaljat tal-allowances għall-ulied dipendenti. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jikkontestaw il-fatt li, fil-kalkoli tad-drittijiet tal-pensjoni, il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal għall-pensjonijiet tal-orfni u b’hekk illimitathom. Għaldaqstant hemm lok li tiġi eżaminata l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni fid-dawl tal-imsemmija kontestazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti.
68
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni msemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, u li jinsab ukoll fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu l-għan li jippermetti lill-qorti tal-Unjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjonijiet li jikkawżaw preġudizzju u li jipprovdi lill-persuni kkonċernati indikazzjoni suffiċjenti sabiex ikun magħruf jekk dawn id-deċiżjonijiet humiex fondati jew jekk għall-kuntrarju, humiex ivvizzjati b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-legalità tagħhom. Minn dan jirriżulta li l-motivazzjoni għandha, bħala regola, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin li tiġi kkomunikata d-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju, u li n-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rregolarizzat mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf bil-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-4 ta’ Novembru 2008, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F-41/06, EU:F:2008:132, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
69
Ġie deċiż ukoll li tali nuqqas ta’ motivazzjoni jista’ jiġi rrimedjat permezz ta’ motivazzjoni xierqa mogħtija fl-istadju tar-risposta tal-ilment, peress li din l-aħħar motivazzjoni titqies li tikkoinċidi mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li kontriha l-ilment kien dirett (ara s-sentenza tal-4 ta’ Novembru 2008, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F-41/06, EU:F:2008:132, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).
70
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li huwa possibbli, l-ewwel nett, li motivazzjoni insuffiċjenti — iżda mhux l-assenza totali — tiġi kkumpensata saħansitra fil-mori tal-kawża meta, qabel il-preżentata tar-rikors tagħha, il-persuna kkonċernata kellha diġà elementi li jikkostitwixxu bidu ta’ motivazzjoni u, it-tieni nett, li deċiżjoni titqies bħala li hija motivata biżżejjed meta din ittieħdet f’kuntest magħruf mill-uffiċjal ikkonċernat li jippermettilu li jifhem il-portata tagħha (ara s-sentenza tal-15 ta’ Frar 2011, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F-81/09, EU:F:2011:13, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
71
Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-argumenti intiżi sabiex jiġi sostnut li l-motivazzjoni tal-Avviż Nru 3, kif ikkompletat mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tat-3 ta’ Awwissu 2015, hija insuffiċjenti, peress li dawn l-atti ma jippermettux li jinftiehem il-metodu tal-kalkolu applikat mill-Kummissjoni, huma marbuta mal-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, li l-analiżi tagħhom għandu jsir qabel l-eżami tal-fondatezza tal-motivi inkwistjoni.
72
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, mill-Avviż Nru 3, kif ikkompletat mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tat-3 ta’ Awwissu 2015, jirriżulta li f’din tal-aħħar sar kalkolu ġdid tad-drittijiet tal-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni tar-rikorrenti minħabba, minn naħa, l-eżistenza ta’ żball fil-kalkolu inkluż fl-avviż preċedenti, jiġifieri l-Avviż Nru 2, u, min-naħa l-oħra, it-tibdil fl-iskala ta’ Alberto Spagnolli, li mexa’ mill-grad AD 9, skala 2, għall-grad AD 9, skala 3, f’Ottubru 2013, inkluż fir-rigward tal-indiċi applikabbli għas-salarju tiegħu fl-1 ta’ Lulju 2012 u fl-1 ta’ Ottubru 2013.
73
Fit-tieni lok, minn qari tal-avviżi kollha jirriżulta, u b’mod partikolari mill-avviżi Nru 2 u 3 meqjusa flimkien mal-ispjegazzjonijiet ipprovduti fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tat-3 ta’ Awwissu 2015, li l-iżball inkluż fl-Avviż Nru 2 jirriżulta mill-inklużjoni ta’ sitt allowances għall-ulied dipendenti, minflok tlieta, fl-ammont tas-salarju nett ta’ Alberto Spagnolli li intuża għad-determinazzjoni tad-“dħul fittizju” tiegħu (iktar ’il quddiem l-“ammont A”), jiġifieri d-dħul ikkalkulat skont l-ipoteżi li fiha martu tkun għadha ħajja.
74
Fit-tielet lok, jeħtieġ li jiġi nnotat li r-rikorrenti stess ifakkru li l-metodu tal-kalkolu applikati mill-Kummissjoni jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni, minn naħa, tal-“ammont A”, korrispondenti għad-“dħul fittizju”, kompost mill-ammont tas-salarju nett tad-defunt li kieku baqa’ ħaj u tas-salarju nett tal-konjuġi superstitu fil-mument tal-mewt, inklużi l-allowances għal tlett itfal dipendenti, u, min-naħa l-oħra, ammont korrispondenti għad-“dħul reali” li l-konjuġi kien jirċievi li kieku ma ġietx applikata l-limitazzjoni tal-Artikolu 81a u li huwa kompost mill-ammont tad-dħul nett tal-konjuġi superstitu, mill-pensjoni tas-superstiti u mill-pensjonijiet tal-orfni (iktar ’il quddiem l-“ammont B”). Barra minn hekk, kemm il-kalkoli inklużi fl-Avviż Nru 3 kif ukoll dawk inklużi fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tat-3 ta’ Awwissu 2015 jippermettu li jinftiehem li d-differenza bejn l-ammont A u l-ammont B tagħti lok għal ammont li għandu jitnaqqas proporzjonalment mill-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni.
75
Fir-raba’ lok, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tat-3 ta’ Awwissu 2015 tispjega wkoll li l-akkumulazzjoni tas-salarju nett ta’ Alberto Spagnolli u ta’ martu li mietet hija dovuta għan-neċessità li tittieħed inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni tat-taxxa tal-Unjoni fuq id-dħul, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 260/68, u li l-metodu tal-kalkolu magħżul mill-Kummissjoni għall-kalkolu tad-drittijiet tal-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni huwa dak li jippreserva iktar id-dħul tal-familja f’termini ta’ taxxa.
76
B’hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-motivazzjoni hija insuffiċjenti minħabba li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tat-3 ta’ Awwissu 2015, meta din tagħmel riferiment għall-akkumulazzjoni tas-“salarju nett tal-armel” ma’ dak tad-defunta, ma tippermettilhomx jifhmu jekk dan huwiex id-dħul reali, jiġifieri ammont B, jew huwiex id-dħul fittizju tal-armel, jiġifieri l-ammont A. Fil-fatt mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti fl-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li dan huwa id-dħul fittizju sa fejn jagħmel riferiment għad-dħul li, akkumulat mas-salarju li d-defunta kienet tirċievi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit il-limitu li ma għandux jiġi eċċedut fis-sens tal-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri l-ammont A.
77
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi deċiż li l-motivazzjoni tal-Avviż Nru 3, kif ikkompletata mid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tat-3 ta’ Awwissu 2015, hija suffiċjenti sa fejn din tippermetti lir-rikorrenti jifhmu l-metodu tal-kalkolu applikat mill-Kummissjoni, l-għan segwit minn din tal-aħħar u r-riżultat tal-evalwazzjoni tad-drittijiet tagħhom.
78
B’hekk, l-argumenti tar-rikorrenti li l-motivazzjoni tal-Avviż Nru 3, kif ikkompletata mid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tat-3 ta’ Awwissu 2015, kienet insuffiċjenti, peress li ma kinitx tippermettilhom jifhmu l-metodu tal-kalkolu applikat mill-Kummissjoni, għandhom jinċaħdu. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni inkwistjoni ppermettiet lir-rikorrenti jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan il-metodu quddiem il-Qorti Ġenerali.
79
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti intiż li jsostni l-eżistenza ta’ kontradizzjoni bejn il-motivazzjoni tal-Avviż Nru 3 u d-dispożittiv ta’ dan tal-aħħar, naxxenti mill-assenza ta’ korrispondenza bejn il-kalkoli applikati fl-Avviż Nru 3 u d-dispożittiv ta’ dan tal-aħħar, kif ikkompletat mid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tat-3 ta’ Awwissu 2015, jeħtieġ li jitfakkar li, kif ġie speċifikat fil-punt 61 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma jikkontestawx iktar il-materjalità tal-fatti, jiġifieri d-dettall tal-kalkoli mwettqa mill-Kummissjoni fid-diversi avviżi, fosthom l-Avviż Nru 3. Huma speċifikaw, waqt is-seduta, li dan l-argument, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ kontradizzjoni fil-motivi, kellu jiġi interpretat fis-sens li kien intiż li jsostni l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni naxxenti mill-assenza komunikazzjoni tad-dettall tal-kalkoli applikati fl-Avviż Nru 3, li wasslet għall-impossibiltà li wieħed jifhem l-iżball imwettaq fil-kalkolu tad-drittijiet tal-pensjoni.
80
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi speċifikat li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ma timplikax li għandhom jiġu indikati espliċitament id-dettalji kollha tal-kalkolu inkluż f’din id-deċiżjoni. Ikun suffiċjenti li l-persuni kkonċernati jkunu f’pożizzjoni li jifhmu r-raġunijiet li taw lok għall-adozzjoni tal-att li jikkonċernahom, l-għan segwit minnu u l-metodu li dan japplika sabiex jiġu stabbiliti l-ammonti tad-drittijiet tagħhom. Fil-fatt, l-indikazzjoni tal-kalkoli kollha tal-ammonti inklużi fl-Avviż Nru 3, minkejja li utli u deżiderabbli, ma hijiex indispensabbli sabiex titqies li ġie ssodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni, u huwa enfasizzat fi kwalunkwe każ li l-Kummissjoni ma tistax, bl-użu esklużiv u mekkaniku ta’ forom aritmetiċi, tiċċaħħad milli twettaq l-evalwazzjoni korretta tad-drittijiet tal-pensjoni tar-rikorrenti skont iċ-ċirkustanzi tal-każ (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C-182/99 P, EU:C:2003:526, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).
81
Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li hija biss il-produzzjoni ta’ ċerta data li tippermetti d-detezzjoni ta’ ċerti żbalji fil-kalkolu ma hijiex suffiċjenti sabiex jitqies li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjenti peress li, fil-kuntest tal-istħarriġ ta’ tali deċiżjoni mill-qorti tal-Unjoni, din tal-aħħar tista’ tordna l-produzzjoni tal-elementi kollha li jkunu neċessarji għaliha sabiex tkun tista’ twettaq stħarriġ approfondit tal-metodu tal-kalkolu applikat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C-199/99 P, EU:C:2003:531, punt 150).
82
Issa, sa fejn jirriżulta mill-analiżi mwettqa fil-punti 72 sa 77 iktar ’il fuq li l-Avviż Nru 3, kif ikkompletat mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tat-3 ta’ Awwissu 2015, ippermetta lir-rikorrenti li jifhmu r-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tal-att li jikkonċernahom, l-għan segwit minnu u l-metodu applikat minnu sabiex jiġu stabbiliti l-ammonti tad-drittijiet tagħhom, l-argumenti mressqa minnhom sabiex jikkonfermaw l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni naxxenti mill-assenza ta’ indikazzjoni tad-dettalji tal-kalkoli tad-drittijiet tagħhom tal-pensjoni għandhom jiġu miċħuda.
83
Għaldaqstant it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.
– Fuq l-ewwel motiv
84
Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jallegwa li l-Avviż Nru 3 huwa illegali u għandu jiġi annullat, sa fejn, billi inkluda l-pensjonijiet tal-orfni fl-ammont tad-dħul suġġett għal-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal, dan wassal għal tnaqqis mhux iġġustifikat tal-ammont tal-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni li ngħata lilhom.
85
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-frażijiet “pensjonijiet tas-superstiti” fil-plural u “l-armla u lil persuni intitolati oħra”, użati mil-leġiżlatur fl-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jikkonċernawx il-pensjonijiet tal-orfni, iżda s-sitwazzjonijiet ta’ koeżistenza bejn il-konjuġi superstitu u l-ex konjuġi ddivorzjat jew bejn il-konjuġi superstitu u l-ulied imwielda fi żwieġ preċedenti, liema sitwazzjonijiet huma previsti rispettivament, minn naħa, fl-Artikoli 27 u 28 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.
86
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jirrilevaw li, meta l-leġiżlatur jagħmel riferiment għal tip jew ieħor ta’ pensjoni, dan ikun jirriżulta ċar mill-kliem tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, bħalma huwa l-każ b’mod partikolari tal-Artikolu 80(3) u (4) tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikolu 21(1) u (2) u tal-Artikolu 24 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.
87
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jenfasizza l-fatt li l-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni jsegwu għanijiet differenti. Il-pensjoni tas-superstiti hija intiża li tiżgura lill-konjuġi superstitu suppliment għad-dħul tal-familja, sabiex ikun jista’ jiffaċċja t-telf ta’ dħul tal-konjuġi li jkun miet, filwaqt li l-pensjoni tal-orfni tikkostitwixxi kontribuzzjoni ta’ solidarjetà separata intiża sabiex tiżgura l-awtonomija tat-tfal orfni. Tali differenza fl-għan taż-żewġ tipi ta’ pensjonijiet hija kkonfermata mir-Regolamenti tal-Persunal li jipprovdu, minn naħa, li ladarba tintlaħaq l-età adulta, l-orfni jistgħu jitolbu l-għoti tal-pensjoni tagħhom f’kont separat minn dak tal-ġenitur li jkollu dritt għall-pensjoni tas-superstiti u, min-naħa l-oħra, li t-telf tal-pensjoni tas-superstiti ma jwassalx għat-telf tal-pensjoni tal-orfni, iżda għall-kuntrarju, iwassal għall-irduppjar tal-ammont ta’ din tal-aħħar. Dan l-għan differenti taż-żewġ tipi ta’ pensjonijiet jiġġustifika differenza fit-trattament tad-dħul provenjenti mill-pensjoni tas-superstiti meta mqabbel ma’ dak korrispondenti għall-pensjoni tal-orfni u, għalhekk, l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal għall-aħħar imsemmi dħul.
88
Skont ir-rikorrenti, l-inklużjoni illegali tal-pensjoni tal-orfni fl-ammont tad-dħul tagħhom suġġett għal-limitazzjoni tal-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal kellha bħala konsegwenza tagħha t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet tagħhom tas-superstiti u tal-orfni kemm għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Lulju 2012 u t-30 ta’ Settembru 2013 kif ukoll għall-perijodi ta’ wara l-1 ta’ Ottubru 2013. Fil-fatt, it-tnaqqis tal-imsemmija ammonti huwa impost minħabba li ġie eċċedut il-limitu previst fl-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal b’ammont ta’ EUR 1 629.27 għall-ewwel perijodu u ta’ EUR 1 576.92 għat-tieni perijodu. Issa, it-teħid inkunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni tad-dħul suġġett għall-imsemmi limitu, tal-ammont tal-pensjoni tal-orfni ta’ EUR 2 088.90 kien deċiżiv għall-applikazzjoni ta’ tnaqqis tal-ammonti tal-pensjonijiet imħallsa lir-rikorrenti.
89
Fl-aħħar, huma jsostnu li, sa fejn l-avviżi li ppreċedew l-Avviż Nru 3 huma vvizzjati mill-istess żball bħal dan tal-aħħar, jiġifieri l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal għall-pensjonijiet tal-orfni, il-Kummissjoni hija obbligata tislet il-konsegwenzi mis-sentenza ta’ annullament tal-Qorti Ġenerali li tikkonċerna l-Avviż Nru 3 u b’hekk twettaq kalkoli ġodda tal-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni favur ir-rikorrenti, b’effett retroattiv, skont l-Artikolu 41 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.
90
Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti kollha tar-rikorrenti u ssostni li l-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal jikkonċerna kemm il-pensjoni tas-superstiti kif ukoll dik tal-orfni.
91
Għaldaqstant hemm lok li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk l-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal għandux jiġi interpretat bħala li jikkonċerna wkoll il-pensjonijiet tal-orfni.
92
Preliminarjament, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar li, kif ġie indikat fil-punt 7 iktar ’il fuq, l-Artikolu 81a(1)(a), tar-Regolamenti tal-Persunal huwa redatt kif ġej:
“1. Minkejja kull disposizzjoni oħra, l-aktar dawk dwar l-ammonti minimi pagabbli lil persuni intitolati għal pensjoni għal min jibqa’ ħaj, l-ammont totali pagabbli f’pensjoni għal min jibqa’ ħaj bl-addizzjoni tal-allowance tal-familja bit-taxxa mnaqqsa u tnaqqis mandatarju ieħor lill-armla u lil persuni intitolati oħra ma jistgħux jaqbżu dan li ġej:
a)
fil-każ tal-mewt ta’ uffiċjal li għandu wieħed mill-istati amministrattivi ppreżentati fl-Artikolu 35, l-ammont tar-remunerazzjoni li l-uffiċjali kien jirċievi fl-istess grad u skala li kieku kien għadu fis-servizz, bl-addizzjoni ta’ kull allowance tal-familja li jirċievi f’dak il-każ u bit-taxxa mnaqqsa u tnaqqis mandatarju ieħor; […]”
93
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni, imfakkar waqt is-seduta, li minn sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirriżulta li, skont l-Artikolu 81a(1)(c) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-pensjoni tal-orfni ġiet inkluża fl-ammont globali tal-pensjonijiet netti mħallsa lill-aventi kawża tal-uffiċjal li miet, jiġifieri fl-ammont li jista’ jiġi suġġett għal-limitu previst mill-imsemmi Artikolu (sentenza tal-5 ta’ Frar 2016, Bulté u Krempa vs Il-Kummissjoni, F‑96/14, EU:F:2016:10, punt 53), jeħtieġ li jiġi osservat li, f’din il-kawża, il-kwistjoni tal-legalità tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal għall-pensjonijiet tal-orfni ma ġietx ikkontestata mill-partijiet inkwistjoni u għaldaqstant ma setgħetx tiġi deċiża definittivament mill-Qorti Ġenerali.
94
Prinċipalment, jeħtieġ li jiġi osservat li l-pensjonijiet tal-orfni huma previsti fl-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal, li huwa inkluż fil-Kapitolu 3 tat-Titolu V tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Pensjonijiet u benefiċċju ta’ l-invalidità”. Dawn il-pensjonijiet jikkostitwixxu, kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza, pensjonijiet fil-veru sens u bħala tali huma suġġetti għall-iskema tal-pensjoni prevista fir-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 1993, Huet vs Il-Qorti tal-AwdituriT-8/93, EU:T:1994:35, punt 30).
95
Barra minn hekk, hemm lok li jiġi nnotat li l-metodi metodi tal-kalkolu tal-pensjonijiet tal-orfni huma stabbiliti fl-Artikolu 21 tal-Kapitolu 4 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, bis-saħħa ta’ riferiment inkluż fl-Artikolu 84 tar-Regolamenti tal-Persunal, u li dan il-kapitolu huwa intitolat “Pensjoni għas-Sopravissut [tas-superstiti]”. Tali osservazzjoni tippermetti li jiġi kkonstatat li l-frażi “Pensjoni għas-Sopravissut [tas-superstiti]” tintuża mil-leġiżlatur sabiex tiġi identifikata mhux biss il-pensjoni tal-konjuġi superstitu tal-uffiċjal li jkun miet, jiġifieri l-pensjoni tas-superstiti stricto sensu, iżda wkoll dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-pensjonijiet tal-orfni. B’hekk, għalkemm huwa minnu, kif isostnu r-rikorrenti, li ċerti dispożizzjonijiet jagħmlu riferiment espliċitu għall-pensjonijiet tal-orfni, dan madankollu ma jeskludix il-possibbiltà li dispożizzjonijiet oħra, li ma jsemmuhomx espliċitament, jistgħu xorta jiġu applikati għalihom sa fejn dawn huma pensjonijiet fil-veru sens, li huma għaldaqstant suġġetti għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli b’mod ġenerali għall-pensjonijiet.
96
Barra minn hekk, sa fejn l-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi waħda mid-dispożizzjonijiet finali tal-Kapitolu 3 tat-Titolu V tar-Regolamenti tal-Persunal u jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-pensjonijiet, li minnhom jifformaw parti il-pensjonijiet previsti fl-Artikolu 80, l-Artikolu 81a ma jistax jiġi interpretat fis-sens li dan jeskludi l-pensjonijiet tal-orfni. Fil-fatt, l-użu, minn din id-dispożizzjoni, il-frażi “pensjonijiet tas-susperstiti” fil-plural għandha tinftiehem, kif ġustament issostni il-Kummissjoni, bħala li tagħmel riferiment għal kull tip ta’ “pensjonijiet”, li jiġu skattati mal-mewt ta’ uffiċjal, fatt li japplika mhux biss għall-pensjoni tas-susperstiti, iżda wkoll għall-pensjoni tal-orfni. Barra minn hekk, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, skont l-ewwel u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 21 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-pensjoni tas-superstiti u l-pensjoni tal-orfni huma marbuta, peress li l-ammont tat-tieni waħda huwa kkundizzjonat minn dak tal-ewwel waħda.
97
L-applikazzjoni tal-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal għall-pensjonijiet tal-orfni ma tistax titpoġġa f’dubju mill-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jiġi sostnut li l-frażijiet “Pensjoni[jiet] għal min jibqa’ ħaj [tas-superstiti]” u “persuni intitolati oħra [aventi kawża]”, użati fl-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal, jipprevedu sitwazzjonijiet ta’ koeżistenza, minn naħa, bejn il-konjuġi superstitu u ex konjuġi ddivorzjat wieħed jew iktar jew bejn diversi konjugi ddivorzjati, sitwazzjonijiet irregolati mill-Artikoli 27 u 28 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, u, min-naħa l-oħra, bejn il-konjuġi superstitu u orfni minn żwieġ preċedenti tal-uffiċjal li jkun miet, sitwazzjonijiet irregolati mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tal-Anness VIII du Regolamenti tal-Persunal.
98
Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 28 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li hija dispożizzjoni rilevanti fil-kawża odjerna, jipprovdi li, fis-sitwazzjonijiet ta’ koeżistenza bejn il-konjuġi superstitu u ex konjuġi ddivorzjat wieħed jew iktar jew bejn diversi konjugi ddivorzjati, l-istess pensjoni tas-superstiti tiġi maqsuma proporzjonalment bejn id-diversi aventi kawża. B’hekk, fir-rigward ta’ waħda u l-istess pensjoni, is-sitwazzjonijiet suesposti ma jistgħux ikunu previsti mill-frażi “Pensjoni[jiet] għal min jibqa’ ħaj [tas-superstiti]” fil-plural inkluża fl-Artikolu 81a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.
99
Min-naħa l-oħra, kieku, bl-użu tal-frażijiet “pensjonijiet” u “persuni intitolati oħra [aventi kawża]”, l-Artikolu 81a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal kien jikkonċerna s-sitwazzjonijiet ta’ koeżistenza bejn il-konjuġi superstitu u l-orfni li twieldu minn żwieġ preċedenti tal-uffiċjal li jkun miet, bl-esklużjoni ta’ wlied mill-unjoni bejn l-uffiċjal li jkun u l-konjuġi superstitu, dan kien ikun iwassal għall-ħolqien, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, ta’ inugwaljanza mhux iġġustifikata fit-trattament bejn l-ulied differenti tal-uffiċjal li jkun miet. Filwaqt li l-ulied naxxenti mill-unjoni ta’ bejn l-uffiċjal li jkun miet u l-konjuġi superstitu ma jkollhomx il-pensjonijiet tagħhom tal-orfni limitati, peress li l-Artikolu 81a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ma japplikax għalihom, il-pensjonijiet tal-orfni naxxenti minn żwieġ preċedenti jkunu jistgħu jiġu llimitati minħabba din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni. Tali inugwaljanza fit-trattament, mhux iġġustifikata u kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ma tistax tiġi ammessa.
100
Fl-aħħar, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jiġi enfasizzat li l-pensjoni tas-superstiti u l-pensjoni tal-orfni jsegwu għanijiet parzjalment distinti, għandu jiġi nnotat li, anki jekk jiġi preżunt li dan huwa l-każ, dan waħdu ma jistax ikun biżżejjed, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, sabiex jitqies li l-Artikolu 81a(1)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal ma japplikax għall-pensjonijiet tal-orfni.
101
Bl-istess mod, l-argumenti tar-rikorrenti li l-għan parzjalment differenti tal-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni huma kkonfermati mill-fatt li, minn naħa, ladarba jilħuq l-età adulta, l-orfni jkunu jistgħu jitolbu l-għoti tal-pensjoni tagħhom f’kont separat minn dak tal-ġenitur li jkollu dritt għall-pensjoni tas-superstiti u, min-naħa l-oħra, it-telf tal-pensjoni tas-superstiti ma jwassalx għat-telf tal-pensjoni tal-orfni iżda għall-kuntrarju, iwassal għall-irduppjar tal-ammont ta’ din tal-aħħar, ma humiex ta’ natura li jpoġġu f’dubju l-applikazzjoni tal-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal għall-pensjonijiet tal-orfni. Fil-fatt, dawn iż-żewġ tipi ta’ pensjonijiet flimkien jifformaw parti mill-emolumenti rċevuti mill-familja Spagnolli minħabba l-mewt ta’ wieħed mill-konjugi u li l-ammont globali tagħhom, skont il-metodu tal-kalkolu applikati mill-Kummissjoni, jittieħed inkunsiderazzjoni bil-ħsieb li jiġi osservat il-prinċipju maħsub sabiex jiġi evitat l-arrikkiment tal-familja minħabba l-mewt.
102
Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi nnotat li l-ġurisprudenza rrikonoxxiet li l-għan tal-pensjoni tal-orfni, prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri dik imħallsa lill-persuni meqjusa bħala ulied dipendenti, huwa li jingħata kumpens għall-ispiża, għall-uffiċjal, marbuta mal-manteniment tal-wild (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2003, C vs Il-Kummissjoni, T-307/00, EU:T:2003:21, punt 53), u għandu jitqies li dan jgħodd ukoll għall-pensjonijiet tal-orfni previsti b’mod partikolari fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal, li huwa inkwistjoni fil-kawża odjerna, għall-pensjoni li għandha titħallas lil ulied Alberto Spagnolli.
103
Issa, l-għan tal-pensjoni tal-orfni, li huwa li jingħata kumpens għall-ispiża, tal-uffiċjal superstitu, marbuta mal-manteniment tal-ulied dipendenti, jikkontribwixxi għall-ħolqien, kif isostnu r-rikorrenti, ta’ awtonomija ekonomika tal-imsemmija ulied. Sa fejn il-pensjoni tal-orfni tippermetti sabiex jingħata kumpens għall-ispiża marbuta mal-manteniment tal-ulied, din tifforma parti mid-dħul tal-familja u ma tevitax ir-regola li tipprekludi l-arrikkiment minħabba l-mewt ta’ ġenitur uffiċjal, l-osservanza ta’ liema hija żgurata mill-applikazzjoni tal-limitu previst fl-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal.
104
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hemm lok li jitqies li l-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal jikkonċerna kemm il-pensjoni tas-superstiti kif ukoll il-pensjoni tal-orfni. B’hekk, il-metodu tal-kalkolu tad-drittijiet tal-pensjoni applikat mill-Kummissjoni sa fejn dan jinkludi l-pensjonijiet tal-orfni fid-dħul reali suġġett għal-limitu previst fl-Artikolu 81a huwa konformi mal-imsemmija dispożizzjoni.
105
Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.
106
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-rikors fil-Kawża T-568/16 għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
Il-Kawża T-599/16
107
Fil-Kawża T-599/16, ir-rikorrenti jikkontestaw id-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu, adottata mill-Kummissjoni bil-ħsieb li jiġu rkuprati l-ammonti tal-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni mħallsa b’mod irregolari lir-rikorrenti, fl-opinjoni tagħha, minħabba żball imwettaq fl-Avviż Nru 2, ikkoreġut mill-kalkoli l-ġodda tad-drittijiet tagħhom tal-pensjoni inklużi fl-Avviż Nru 3.
108
Bħal fil-Kawża T-568/16 (ara l-punt 61 iktar ’il fuq), u kif ittieħed kont ta’ dan fil-verbal tas-seduta, fil-kawża odjerna r-rikorrenti rrinunzjaw seduta stante, għall-argumenti tagħhom intiżi sabiex jikkontestaw il-materjalità tal-fatti, jiġifieri l-ammonti u l-kalkoli mwettqa mill-Kummissjoni fl-avviżi differenti u, b’mod partikolari, fl-Avviż Nru 2, mingħajr madankollu ma rrinunzjaw li jikkontestaw il-legalità tal-metodu tal-kalkolu tad-drittijiet tal-pensjoni applikat mill-Kummissjoni f’dawn l-avviżi.
109
Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti rrinunzjaw milli jikkontestaw il-possibbiltà, li l-Kummissjoni tuża dokumentehmuż mar-risposta konsistenti f’kopja tal-iskrin tar-riżultat tal-kalkolu tas-salarju nett ta’ uffiċjal fil-grad AD 9, skala 2, permezz ta’ strument tal-informatika msejjaħ “kalkoluette”.
110
Fir-rikors, ir-rikorrenti essenzjalment jinvokaw tliet motivi.
111
L-ewwel u t-tieni motiv huma bbażati fuq ksur tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għal dan l-għan, ir-rikorrenti jsostnu l-karenza fil-kawża odjerna tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri, minn naħa, l-eżistenza ta’ ġbir indebitu u, min-naħa l-oħra, il-konoxxenza jew l-evidenza ta’ ħlas irregolari, li jirriżulta minn żball inkluż fl-Avviż Nru 2.
112
It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jressqu wkoll talba għad-danni morali u materjali allegatament subiti minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura.
113
Il-Kummissjoni tinvoka eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tat-talbiet għad-danni, li fi kwalunwe każ hija tqis bħala infondati. Barra minn hekk, hija tikkontesta l-motivi u l-argumenti l-oħra invokati mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet għal annullament u ssostni li għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.
Fuq it-talbiet għal annullament
– Fuq l-ewwel motiv
114
Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li, bħal fil-Kawża T-568/16 (ara l-punt 59 iktar ’il fuq), id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tal-4 ta’ Marzu 2016 fil-kawża odjerna ma għandhiex kontenut awtonomu, peress li din sempliċement u essenzjalment tikkonferma id-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu. B’hekk, ir-rikors għandu jitqies bħala dirett kontra din l-aħħar imsemmija deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punt 8, u tas-6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il-Kummissjoni, T-309/03, EU:T:2006:110, punt 43).
115
Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirriżulta mill-assenza, fil-każ odjern, ta’ ħlas indebitu. Dan il-motiv huwa kompost minn tliet partijiet. Fl-ewwel lok, huma jsostnu li l-assenza ta’ ħlas indebitu tirriżulta mill-assenza ta’ żball marbut mal-ammont tal-allowances għall-ulied dipendenti fl-Avviż Nru 2. Fit-tieni lok, huma jqisu li l-assenza ta’ ħlas indebitu tirriżulta mill-illegalità tal-Avviż Nru 3 naxxenti mit-teħid inkunsiderazzjoni, f’dan tal-aħħar, tal-pensjonijiet tal-orfni fil-kalkolu tal-ammont suġġett għal-limitu previst mill-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal. Fit-tielet lok, huma jsostnu li l-assenza ta’ ħlas indebitu tirriżulta mill-esklużjoni żbaljata, f’dan l-istess avviż, tal-allowances tal-familja fl-ammont tad-dħul fittizju (ammont A) ta’ Alberto Spagnolli.
116
Il-Kummissjoni ttenni li t-tliet partijiet tal-ewwel motiv huma infondati u għandhom jiġu miċħuda. Hija żżid, fil-kuntest tar-replika, li t-tieni parti hija inammissibbli sa fejn din ġiet invokata intempestivament.
117
Sa fejn, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jirriproduċu l-argumenti esposti fil-Kawża T-568/16 intiżi sabiex jiġi kkontestat il-fatt li l-ammont tad-dħul fittizju (ammont A) ta’ Alberto Spagnolli kien ħa inkunsiderazzjoni darbtejn l-ammont tal-allowances tal-familja u sa fejn, kif tfakkar fil-punt 108 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti rrinunzjaw seduta stante milli jikkontestaw il-materjalità tal-fatti, jiġifieri l-kalkoli mwettqa mill-Kummissjoni fid-diversi avviżi, ir-rikorrenti għandhom jitqiesu wkoll bħala li rrinunzjaw għal din il-parti ta’ dan il-motiv.
118
Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jiġi speċifikat li, mit-tweġibiet ipprovduti mill-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fil-25 ta’ Ottubru 2017, ġie kkonstatat li l-ammont tad-dħul fittizju (ammont A) ta’ Alberto Spagnolli, jiġifieri EUR 8 937.32, li kien jidher fl-Avviż Nru 2, kien jinkludi, kif issostni l-Kummissjoni, sitt allowances għall-ulied dipendenti minflok tlieta. B’hekk l-argumenti tar-rikorrenti li jsostnu li l-ammont ta’ EUR 8 937.37 kien jinkludi l-allowances għall-ulied dipendenti sempliċement kienu, fi kwalunkwe każ, infondati.
119
Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel motiv, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jtennu l-argumenti, esposti fil-Kawża T-568/16, dwar l-interpretazzjoni testwali sistematika u teleoloġika tal-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal li twassal għall-konklużjoni li l-metodu tal-kalkolu tal-Kummissjoni, konsistenti fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-pensjonijiet tal-orfni fl-Avviż Nru 3, jirrendi lil dan tal-aħħar illegali u b’hekk inkapaċi li juri l-eżistenza ta’ ħlas indebitu.
120
Issa, dawn l-argumenti diġà ġew miċħuda bħala infondati fil-kuntest tal-Kawża T‑568/16 (ara l-punti 92 sa 104 iktar ’il fuq). B’hekk, dawn ma jistgħux jintlaqgħu, b’mod inċidentali, kif jitolbu r-rikorrenti, fil-kuntest tal-kawża odjerna. Għaldaqstant it-tieni parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata, f’dan ir-rigward, mill-Kummissjoni (ara l-punt 116 iktar ’il fuq).
121
Permezz tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li ma jeżisti l-ebda ħlas indebitu minħabba żbalji tal-kalkolu inklużi fl-Avviż Nru 3 u jirriproduċu l-argumenti diġà mressqa insostenn tat-tieni motiv tagħhom fil-Kawża T-568/16.
122
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, wara r-risposti prodotti mill-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fil-25 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti rrinunzjaw milli jikkontestaw il-materjalità tal-fatti, jiġifieri d-dettall tal-kalkoli mwettqa mill-Kummissjoni fid-diversi avviżi. Fil-fatt, huma rrinunzjaw b’mod partikolari għat-tieni motiv tagħhom, invokat fil-Kawża T-568/16, li permezz tiegħu huma sostnew l-istess argumenti bħal dawk esposti fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv tal-kawża odjerna, jiġifieri argumenti li jsostnu li l-kalkolu fl-Avviż Nru 3 kien jinkludi żbalji dwar l-inklużjoni tal-allowances għall-ulied dipendenti (ara l-punt 115 iktar ’il fuq). B’hekk, ir-rikorrenti għandhom jitqiesu wkoll bħala li rrinunzjaw għall-argumenti mfakkra fil-punti 115 u 121 iktar ’il fuq.
123
Għal kull bon fini, jeħtieġ li jitfakkar li l-Avviż Nru 3 la jinkludi żball dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal (ara l-punt 104 iktar ’il fuq), u lanqas żball ta’ kalkolu fir-rigward tal-inklużjoni tal-allowances għall-ulied dipendenti. Fil-fatt, l-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat fis-sens li dan japplika għall-pensjonijiet tal-orfni. Barra minn hekk, il-kalkoli inklużi fl-Avviż Nru 3, sa fejn dawn jinkludu tliet allowances għall-ulied dipendenti fl-ammont tad-dħul fittizju (ammont A) ta’ Alberto Spagnolli, sa fejn dan jirriżulta mit-tweġibiet ipprovduti mill-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fil-25 ta’ Ottubru 2017, ma humiex ivvizzjati mill-iżbalji invokati mir-rikorrenti. Għaldaqstant jirriżulta li l-argumenti ta’ dawn tal-aħħar, intiżi li jsostnu l-ineżistenza ta’ ħlas indebitu minħabba l-preżenza ta’ żbalji ta’ kalkolu fl-Avviż Nru 3, huma fi kwalunkwe każ infondati.
124
Fir-replika, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jżidu li, anki li kieku kellu jintuża l-metodu tal-“kalkoluette”, imsemmija fil-punt 109 iktar ’il fuq, xorta ma jeżistix ħlas indebitu. F’dan ir-rigward, huma jikkonfermaw li l-inklużjoni tad-dħul fittizju, jiġifieri l-ammont A, u tad-dħul reali, jiġifieri l-ammont B, ta’ Alberto Spagnolli ma tosservax l-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal u li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, din l-inklużjoni ma tistax tissodisfa n-neċessità ta’ tassazzjoni kumulattiva tad-dħul. Fil-fatt, huma jqisu li, għalkemm l-Kummissjoni setgħet tikkalkula t-taxxa tal-Unjoni billi takkumula s-salarju rċevut minn Alberto Spagnolli u l-ammont tal-pensjoni tas-susperstiti, hija ma kellhiex tieħu kont ta’ din l-akkumulazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont ir-rikorrenti, l-akkumulazzjoni tad-dħul taż-żewġ konjugi hija determinanti, peress li twassal sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont miżjud bl-allowances għall-ulied dipendenti rċevuti minn Alberto Spagnolli fil-kalkolu tad-dħul reali (ammont B), minkejja li dawn tal-aħħar huwa kien jirċevihom qabel il-mewt ta’ martu, skont l-Artikolu 67 tar-Regolamenti tal-Persunal. B’hekk ir-rikorrenti jsostnu li din l-akkumulazzjoni hija żbaljata.
125
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkonfermaw li l-limitu previst fl-Artikolu 81a għandu jinftiehem bħala paragun bejn, minn naħa, il-kontribuzzjonijiet ta’ solidarjetà msemmija f’din id-dispożizzjoni, attribwiti unikament skont l-imsemmi artikolu, u, min-naħa l-oħra, id-dħul tal-uffiċjal li jkun miet, iddeterminati b’mod fittizju daqslikieku dan kien għadu ħaj. Għaldaqstant, huma jqisu li l-metodu li għandu jiġi applikat għandu jvarja skont jekk il-konjuġi superstitu huwiex jew le huwa stess uffiċjal li kien diġà jirċievi l-allowance tad-dar u l-allowances individwali għall-ulied dipendenti qabel il-mewt. Huwa jqisu li, fil-każ li l-konjuġi superstitu jkun uffiċjali, id-dħul attribwit lilu minħabba l-mewt tal-konjuġi uffiċjal tiegħu għandu jkun kompost mis-somma tal-ammonti tal-pensjoni tas-superstiti u tal-allowances individwali għall-ulied dipendenti u minn dan huma jiddeduċu li, f’dan il-każ, id-dħul reali (ammont B) ma għandux jinkludi dawn iż-żewġ ammonti.
126
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-argumenti mfakkra fil-punti 124 u 125 iktar ’il fuq jsostnu motivi ġodda ta’ illegalità tal-Avviż Nru 3. Dawn il-motivi ta’ illegalità tal-Avviż Nru 3, kif diġà tfakkar fil-punt 124 iktar ’il fuq, tressqu għall-ewwel darba fir-replika ppreżentata fil-Kawża T-599/16, li tikkonċerna, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu. Għaldaqstant, kif ġie espost fil-punt 66 iktar ’il fuq, dawn la huma inklużi fir-rikors ippreżentat fil-Kawża T-568/16, li tipprevedi l-annullament tal-Avviż Nru 3, u lanqas fir-rikors ippreżentat fil-Kawża T-599/16.
127
Issa, fil-kuntest tal-Kawża T-599/16, ir-rikorrenti ma jistgħux jiġu ammessi jikkontestaw il-legalità tal-Avviż Nru 3 permezz ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE, anki jekk din kienet l-intenzjoni tagħhom. Kien kompitu tagħhom, jekk kienu jħossuhom fondati li jagħmlu dan, li jinvokaw il-motivi l-ġodda inkwistjoni fil-kuntest tal-Kawża T-568/16 marbuta ma’ dan l-avviż. Barra minn hekk, il-kwistjoni tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tal-imsemmija motivi fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali hija rilevanti biss f’dak il-kuntest.
128
Fi kwalunkwe każ, sa fejn waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermaw li ma rrinunzjawx għall-argumenti inkwistjoni u speċifikaw li l-intempestività tagħhom kienet iġġustifikata mill-fatt li kienu rċevew tardivament l-informazzjoni dwar il-kalkoli applikati mill-Kummissjoni għad-determinazzjoni tad-drittijiet tagħhom tal-pensjoni, u għaldaqstant li fehmu tardivament il-metodu tal-kalkolu applikat minn din tal-aħħar, jeħtieġ jiġi osservat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ddikjaraw ir-rikorrenti seduta stante, l-ebda element ġdid ta’ natura legali jew fattwali li jikkonċerna l-Avviż Nru 3 ma jiġġustifika l-possibbiltà li jinfetaħ mill-ġdid it-terminu għall-preżentat ta’ rikors għal-annullament kontra l-imsemmi avviż.
129
Fl-ewwel lok, mir-rikors ippreżentat fil-Kawża T-568/16 jirriżulta li r-rikorrenti fehmu li l-Kummissjoni wettqet akkumulazzjoni tal-emolumenti rċevuti mill-konjuġi superstitu u l-konjuġi li miet (ara l-punt 74 iktar ’il fuq). Fil-fatt, ir-rikorrenti stess jispjegaw, fil-kuntest tar-rikors fil-Kawża T-568/16, li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, minn naħa, id-dħul fittizju (ammont A), kompost mill-għadd flimkien tas-salarju nett tad-defunt li kieku dan kien għadu ħaj u tas-salarju nett tal-konjuġi superstitu fil-mument tal-mewt, inklużi l-allowances għal tliet ulied dipendenti, u, min-naħa l-oħra, l-ammont korrispondenti għad-dħul reali (ammont B) li l-konjuġi kien jirċievi kieku ma kienx applikabbli l-limitu previst fl-Artikolu 81a u li huwa kompost mill-għadd flimkien tad-dħul nett tal-konjuġi superstitu, tal-pensjoni tas-superstiti u tal-pensjonijiet tal-orfni.
130
Fit-tieni lok, kien diġà ġie indikat fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tat-3 ta’ Awwissu 2015 li peress li r-ratio legis tal-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal kien li jiġi evitat l-arrikkiment tal-familja minħabba l-mewt ta’ uffiċjal, il-metodu tal-kalkolu applikat mill-Kummissjoni kien li tiġi kkalkulata d-differenza bejn id-dħul reali (ammont B) u d-dħul fittizju (ammont A), sabiex din tiġi dedotta proporzjonalment mill-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni.
131
Fit-tielet lok, ċertament, il-kompożizzjoni taż-żewġ ammonti korrispondenti għas-“salarji netti” ta’ Alberto Spagnolli li jifformaw parti mid-dħul fittizju (ammont A), indikati fl-Avviż Nru 3, jiġifieri minn naħa, l-ammont ekwivalenti għal EUR 7 722.61 u, min-naħa l-oħra, dak ekwivalenti għal EUR 8 084.74, la tidher fl-Avviż Nru 3, la fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tal-4 ta’ Marzu 2016, u lanqas fir-risposta tal-Kummissjoni. Madankollu, tali omissjoni, kemm fl-Avviż Nru 3 kif ukoll fl-avviżi l-oħra, ma tostakolax lir-rikorrenti milli jifhmu u b’hekk milli jikkontestaw, fit-terminu, jiġifieri fil-kuntest tar-rikors għal annullament tal-Avviż Nru 3 fil-Kawża T-568/16, il-metodu tal-kalkolu applikat mill-Kummissjoni li jikkonsisti fl-akkumulazzjoni tas-salarju tal-konjuġi superstitu u dak tal-konjuġi li miet. La l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu u lanqas il-komunikazzjoni tad-dettall tal-kalkoli li jikkomponu s-salarji fittizji indikati fid-diversi avviżi ma jistgħu jikkostitwixxu fatti ġodda li jippermettu lir-rikorrenti, li naqsu milli jagħmlu użu b’mod f’waqtu mill-possibiltajiet ta’ rikors li kienu offruti lilhom fir-rigward ta’ att li jikkawżalhom preġudizzju, li jippreżentaw motivi ġodda għall-annullament tal-Avviż Nru 3 u li jevitaw it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra l-imsemmi avviż.
132
Minn dan isegwi li l-argumenti mfakkra fil-punti 124 u 125 iktar ’il fuq, invokati għall-ewwel darba fir-replika fil-Kawża T-599/16, fi kwalunkwe każ tressqu tardivament bi ksur tal-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura, u għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2000, AICS vs Il-Parlament, T-139/99, EU:T:2000:182, punti 59 u 62 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T-340/04, EU:T:2007:81, punt 164 u l-ġurisprudenza ċċitata).
133
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv ma għandux jintlaqa’.
– Fuq it-tieni motiv
134
Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti jsostnu l-karenza fil-kawża odjerna tan-natura evidenti tal-irregolarità tal-ħlasijiet rċevuti bħala pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni, bħala kundizzjoni prevista fl-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex tkun fondata deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu.
135
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li s-sentenzi msemmija fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tal-4 ta’ Marzu 2016 ma humiex rilevanti fil-kawża odjerna. Fil-fatt, dawn is-sentenzi kienu jikkonċernaw sitwazzjonijiet differenti minn dawk tar-rikorrenti, jiġifieri dik ta’ uffiċjal, destinatarju ta’ ħlasijiet idebiti, li pprovda dikjrazzjonijiet żbaljati lill-amministrazzjoni kkonċernata, jew ta’ uffiċjal li wara li kkreditat b’ammont indebitu, ma ssinjalax l-iżball u lanqas esprima dubju dwar l-eżistenza tal-iżball inkwistjoni mal-amministrazzjoni sabiex din tkun tista’ twettaq il-verifiki neċessarji. B’differenza mis-sitwazzjonijiet previsti fis-sentenzi msemmija fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tal-4 ta’ Marzu 2016, fil-każ preżenti ttieħdu diversi passi flimkien mal-amministrazzjoni, b’osservanza tad-dmir ta’ diliġenza mitlub mill-uffiċjal. Dawn il-passi kienu intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiġi sostnut li l-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni kienu ġew sopravvalutati. Skont ir-rikorrenti, kien proprju minħabba dawn l-assi li l-amministrazzjoni adottat l-Avviż Nru 2 u pprovdiet għal żieda fid-drittijiet tal-pensjoni.
136
Fit-tieni lok, minn naħa, ikun irraġonevoli min-naħa tal-Kummissjoni li tistenna li, wara li kisbu modifika tal-limiti tad-drittijiet tal-pensjoni li huma jqisu li kienet dovuta lilhom, ir-rikorrenti jippersistu sabiex jirrikorru għand l-amministrazzjoni sabiex tivverifika jekk din żbaljatx fil-kalkolu tal-ammont tad-drittijiet tagħhom tal-pensjoni. Min-naħa l-oħra, minkejja li l-Avviż Nru 2 kien jinkludi żball favur ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tistax issostni li Alberto Spagnolli ma ssodisfax id-dmir tiegħu ta’ diliġenza billi jiddiskuti s-somom rċevuti mal-amministrazzjoni, u lanqas li huwa kellu, b’mod jew ieħor, jirrikonoxxi li kien twettaq żball favur tiegħu.
137
Fit-tielet lok, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti hija marbuta mar-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet legali kumplessi, bħal dik dwar jekk l-allowances għall-ulied dipendenti għandhomx jingħaddu jew le fil-kalkolu tal-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal. Din il-kumplessità ma kinitx tippermetti li tali possibbli żball tal-amministrazzjoni jiġi kklassifikat bħala “tali evidenti li ma setax [ma jindunax] bih”.
138
Fir-raba’ lok, l-amministrazzjoni ma tistax tiddikjara dubju dwar l-eżistenza ta’ żball li ta lok għall-ġbir indebitu kellu jirriżulta mill-qari tal-Avviż Nru 2, peress li, fil-kolonna tal-lemin tal-parti ċentrali ta’ dan l-anness, intitolat “nett ġdid ta’ B. Spagnolli”, kienu inklużi sitt allowances għall-ulied dipendenti. Fil-fatt din il-kolonna kienet tagħmel riferiment għall-kalkolu tad-dħul reali (ammont B) li fih ġustament kien hemm inklużi sitt allowances għall-ulied dipendenti.
139
Fil-ħames lok, l-assenza ta’ konoxxenza tal-iżball imwettaq fl-Avviż Nru 2 tirriżulta b’mod ċar mill-ilment ippreżentat kontra l-Avviż Nru 3. Fil-fatt, dan l-ilment kien juri li ż-żieda prevista fl-Avviż Nru 2 kienet inftiehmet mir-rikorrenti bħala li kienet marbuta mat-tnaqqis fis-salarju ta’ Alberto Spagnolli konsekuttiva għall-assenjazzjoni tiegħu u għall-korrezzjoni ta’ żball fil-kalkolu preċedenti li kien sfavurih, inkluż fl-Avviż Nru 1. L-imsemmi argument ma kienx assoċjat mir-rikorrenti ma’ allegat żball tal-amministrazzjoni favur Alberto Spagnolli fil-kalkolu tal-allowances għall-ulied dipendenti fid-dħul fittizju (ammont A) ta’ dan tal-aħħar.
140
Fis-sitt lok, sa fejn, fil-mument tal-mewt ta’ martu, Alberto Spagnolli kien uffiċjal AD 12, filwaqt li meta ġie adottat l-Avviż Nru 2 kien uffiċjal AD 9, minħabba t-termini użati mill-amministrazzjoni kemm fl-Avviż Nru 2 kif ukoll fl-Avviż Nru 3, jiġifieri “salarju nett ta’ A. Spagnolli fil-mument tal-mewt”, ma kien hemm l-ebda raġuni għaliex seta’ jidher stramb li s-salarju nett fil-mument tal-mewt kien ogħla minn dak attwali.
141
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn Alberto Spagnolli kien assoċjat mad-definizzjoni ta’ kalkolu differenti tal-limitu tal-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni, li wasslet għal ammont nett ogħla ta’ dawk il-pensjonijiet fl-Avviż Nru 2, huwa kien jaf li l-kalkolu differenti tal-allowances għall-ulied dipendenti fid-definizzjoni tad-dħul fittizju (ammont A) kien wassal għat-tibdil tal-ammont ta’ dawn il-pensjonijiet fl-imsemmi avviż. Fi kliem ieħor, sa fejn id-differenza bejn l-ammonti żbaljati msemmija fl-Avviż Nru 2 u dawk korretti previsti fl-Avviż Nru 3, kienet dovuta esklużivament għal għadd flimkien ta’ dawn l-allowances għall-ulied dipendenti fid-dħul fittizju – li fih l-imsemmija allowances ġew b’mod żbaljat ikkalkulati darbtejn – u sa fejn il-kontribuzzjoni ta’ Alberto Spagnolli għall-korrezzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fl-Avviż Nru 2 kienet waħda deċiżiva, il-kundizzjoni tal-konoxxenza tal-irregolarità tal-ħlas tal-pensjonijiet tar-rikorrenti hija f’dan il-każ issodisfatta.
142
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-iżball inkluż fl-Avviż Nru 2 kien, fi kwalunkwe każ, tant evidenti li Alberto Spagnolli ma setax ma jindunax bih. Fil-fatt, is-sempliċi qari tal-ammont tad-dħul fittizju u ta’ dak tad-dħul reali kien juri li t-tieni, filwaqt li jinkludi d-doppju tal-allowances għall-ulied dipendenti, kien inferjuri għall-ewwel wieħed. Dan kellu jservi ta’ allert għal kull uffiċjal diliġenti u jixprunah sabiex jidħol f’kuntatt mal-amministrazzjoni bil-għan li jiġbdilha l-attenzjoni għall-iżball. Barra minn hekk, is-sempliċi qari tal-Artikolu 66 tar-Regolamenti tal-Persunal kien faċilment juri li s-salarju bażiku tal-konjuġi superstitu ta’ grad AD 9 ma kienx kompatibbli wisq mal-ammont indikat fl-Avviż Nru 2, kif barra minn hekk, kienet tikkonferma wkoll il-verżjoni stampata tal-kalkolu mwettaq permezz tal-“kalkoluette”, imsemmija fil-punt 109 iktar ’il fuq, li kopja tagħha ġiet mehmuża mar-risposta.
143
Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, kien perfettament mistenni dmir ta’ viġilanza min-naħa ta’ Alberto Spagnolli, b’kont meħud tal-grad għoli li huwa kien laħaq bħala uffiċjal qabel ma ġie assenjat f’Parma, jiġifieri l-grad AD 12.
144
Barra minn hekk, sa fejn kull uffiċjal huwa mistenni jkun jaf ir-regoli statutorji marbuta, f’dan il-każ, mal-ammont tas-salarju tal-uffiċjal fil-grad AD 9 (Artikolu 66 du Regolamenti tal-Persunal) u ma’ dak tal-allowances għall-ulied dipendenti (Artikolu 2(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 67 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 81 tar-Regolamenti tal-Persunal), Alberto Spagnolli ma jistax jippretendi validament li l-iżball fil-kalkolu marbut mal-istabbiliment tal-limitu tal-pensjonijiet tas-superstiti, li minnhom huwa kien jibbenefika flimkien ma’ uliedu, ma kienx evidenti fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont il-Kummissjoni, ladarba din il-kundizzjoni kienet osservata, id-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu ġiet ġustament adottata u r-rikors kellu jiġi miċħud bħala infondat.
145
Fil-każ odjern, għandu jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni kellhiex dritt li teżiġi l-irkupru tal-ammonti rċevuti indebitament mir-rikorrenti fid-dawl tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal. Dan l-artikolu jipprovdi li “[k]walunkwe somma li tkun tħallset iżżejjed għandha tiġi rkuprata jekk min ikun irċieviha kien jaf li ma kien hemm l-ebda raġuni xierqa għall-ħlas jew jekk il-fatt tal-ħlas żejjed kien b’mod evidenti ta’ natura li ma setax ikun mhux infurmat dwarha.” Minn dan it-test jirriżulta li, sabiex ikun jista’ jiġi rkuprat ammont li jkun tħallas mingħajr ebda ġustifikazzjoni, għandha tiġi prodotta l-prova li l-benefiċjarju kellu konoxxenza effettiva tan-natura irregolari tal-ħlas jew li l-irregolarità tal-ħlas kienet tant evidenti li l-benefiċjarju ma setax ma jindunax biha (sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 1979, Berghmans vs Il-Kummissjoni, 142/78, EU:C:1979:233, punt 9; tad-9 ta’ Settembru 2008, Ritto vs Il-Kummissjoni, F-18/08, EU:F:2008:110, punt 29, u tal-21 ta’ Novembru 2013, Roulet vs Il-Kummissjoni, F-72/12 u F-10/13, EU:F:2013:184, punt 46).
146
B’hekk, l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi l-possibbiltà li l-amministrazzjoni tirkupra l-ammonti kollha rċevuti indebitament f’żewġ ipoteżijiet, jiġifieri, minn naħa, meta l-benefiċjarju jkollu konoxxenza tal-irregolarità tal-ħlas u, min-naħa l-oħra, meta din l-irregolarità kienet tant evidenti li dan ma setax ma jindunax bih.
147
Fir-rigward tal-ewwel ipoteżi, u jekk jiġi preżunt li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq din fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tal-4 ta’ Marzu 2016, hija l-amministrazzjoni li għandha tipprova li l-benefiċjarju kellu konoxxenza effettiva tan-natura irregolari tal-ħlas (sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2013, Achab vs KESE, F-21/12, EU:F:2013:95, punt 44).
148
Fir-rigward tat-tieni ipoteżi, jeħtieġ li jittieħed kont, f’kull każ, tal-kapaċità tal-uffiċjal ikkonċernat li jwettaq il-verifiki neċessarji (ara s-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2013, Achab vs KESE, F-21/12, EU:F:2013:95, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
149
Fil-każ odjern, fir-rigward tal-ewwel ipoteżi, sabiex jitqies li ġiet issodisfatta l-prova tal-konoxxenza effettiva minn Alberto Spagnolli dwar l-irregolarità tal-ħlas, il-Kummissjoni għandha turi li huwa kien jaf, fl-ewwel lok, li d-dħul fittizju (ammont A) indikat fl-Avviż Nru 2 kien jinkludi ammont doppju tal-allowances għall-ulied dipendenti, fit-tieni lok, li tali inklużjoni kienet żbaljata u, fit-tielet lok, li kienet proprju din l-inklużjoni li kienet tat lok għall-irregolarità tal-ħlasijiet tal-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni mwettqa abbażi tal-Avviż Nru 2.
150
Issa, id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, li Alberto Spagnolli kien konxju mill-inklużjoni ta’ ammont doppju tal-allowances għall-ulied dipendenti fid-dħul fittizju indikat fl-Avviż Nru 2 minħabba kuntatti li huma kellu mal-amministrazzjoni sabiex jikseb it-tibdil tal-kalkoli tad-drittijiet tiegħu għall-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni inklużi fl-Avviż Nru 1, ma jistgħux juru li f’dan il-każ kienet issodisfatta l-kundizzjoni tal-konoxxenza tal-irregolarità tal-ħlas, jiġifieri li kienu ssodifatti t-tliet kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 149 iktar ’il fuq. Fil-fatt, fl-ewwel lok, dawn id-dikjarazzjonijiet huma bbażati fuq sempliċi preżunzjoni. Fit-tieni lok, l-iskambji bejn ir-rikorrenti u l-amministrazzjoni kienu jikkonċernaw l-iżbalji tal-kalkolu inklużi fl-Avviż Nru 1, u mhux il-metodu tal-kalkolu applikat fl-Avviż Nru 2. Fit-tielet lok, minħabba, minn naħa, l-ambigwità, irrikonoxxuta mill-Awtorità tal-Ħatra stess fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tat-3 ta’ Awwissu 2015, tal-frażi “salarju nett ta’ A. Spagnolli fil-mument tal-mewt” użata fl-Avviż Nru 2 sabiex tindika d-dħul fittizju (ammont A) u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ dettalji tal-ammonti inklużi fl-imsemmi dħul, il-Kummissjoni ma tistax issostni li Alberto Spagnolli kien jaf li dan id-dħul kien jinkludi sitt allowances għall-ulied dipendenti, u lanqas, a fortiori, li huwa kien jaf li din l-inklużjoni kienet żbaljata u, barra minn hekk, li huwa kien jaf li din kienet tat lok għal ħlasijiet indebiti.
151
B’hekk, fl-assenza ta’ prova, mill-Kummissjoni, ta’ konoxxenza tal-iżball fis-sens tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, hemm lok li jiġi vverifikat jekk, fil-każ odjern, il-Kummissjoni setgħetx, ġustament, tqis li l-irregolarità tal-ħlas kienet tant evidenti li Alberto Spagnolli ma setax ma jindunax biha, jiġifieri li jiġi vverifikat jekk is-sitwazzjoni tar-rikorrenti hijiex dik prevista fit-tieni ipoteżi mfakkar fil-punt 146 iktar ’il fuq.
152
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-persuna kkonċernata, mhux talli ma huwiex eżentat minn kull sforz ta’ riflessjoni jew ta’ stħarriġ, iżda għal kuntrarju huwa obbligat li jħallas lura peress li dan huwa żball li ma għandux jaħrab lil uffiċjal normalment diliġenti, li huwa mistenni li jkun jaf ir-regoli li jirregolaw is-salarju tiegħu (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1979, Broe vs Il-Kummissjoni, 252/78, EU:C:1979:186, punt 13, u tas-17 ta’ Jannar 1989, Stempels vs Il-Kummissjoni, 310/87, EU:C:1989:9, punt 10).
153
Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fost l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-Unjoni, sabiex tevalwa n-natura evidenti tal-iżball imwettaq mill-amministrazzjoni, minbarra l-livell ta’ responsabbiltà tal-uffiċjal marbut mal-grad u l-anzjanità tiegħu, hemm lok li jittieħed kont tal-livell ta’ ċarezza tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-emolumenti dovuti lill-persuna kkonċernata kif ukoll tal-portata tat-tibdil li jkun ġara fis-sitwazzjoni personali jew familjari tiegħu, meta l-ħlas tal-ammont kontenzjuż ikun marbut mal-evalwazzjoni ta’ tali sitwazzjoni mill-amministrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2015, KESE vs Achab, T-430/13 P, EU:T:2015:122, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-27 ta’ Jannar 2016, DF vs Il-Kummissjoni, T-782/14 P, EU:T:2016:29, punt 25).
154
Minn eżami ta’ din il-ġurisprudenza jirriżulta li ma tistax tiġi dedotta l-eżistenza ta’ prevalenza tal-kriterju tal-anzjanità fuq il-kriterji l-oħra. Għall-kuntrarju, minn dan jirriżulta li r-rekwiżit tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha, iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ jistgħu jiġġustifikaw teħid inkunsiderazzjoni ikbar ta’ ċerti kriterji meta mqabbla ma’ oħrajn (sentenza tas-27 ta’ Frar 2015, CESE vs Achab, T-430/13 P, EU:T:2015:122, punt 43).
155
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex neċessarju li l-uffiċjal ikkonċernat ikun jista’, fl-eżerċizzju tad-dmir ta’ diliġenza tiegħu, jiddetermina bi preċiżjoni l-portata tal-iżball imwettaq mill-amministrazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li dan ikollu dubji dwar il-fondatezza tal-ħlasijiet inkwistjoni sabiex tkun obbligata tikkuntattja l-amministrazzjoni sabiex din twettaq il-verifiki neċessarji (ara s-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Roulet vs Il-Kummissjoni, F‑72/12 u F-10/13, EU:F:2013:184, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
156
Preliminarjament, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi osservat li l-evalwazzjoni tan-natura evidenti ta’ irregolarità mwettqa mill-amministrazzjoni fl-istabbiliment tad-drittijiet tal-pensjoni, b’differenza mill-evalwazzjoni tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-avviż ta’ tibdil tal-imsemmija drittijiet, għandha titwettaq abbażi ta’ elementi għad-dispożizzjoni tal-persuna kkonċernata fil-mument li fih titwettaq l-imsemmija irregolarità, jiġifieri, f’dan il-każ, fil-mument tal-adozzjoni tal-Avviż Nru 2, abbażi tal-kapaċitajiet tiegħu marbuta mal-grad tiegħu, abbażi tad-dmir ta’ diliġenza li huwa raġonevolment mistenni minnu kif ukoll taċ-ċarezza tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet tiegħu.
157
Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi osservat li, fil-każ odjern, l-evalwazzjoni ta’ “konoxxenza preżunta” tal-irregolarità tal-ħlasijiet rċevuti mir-rikorrenti, minn naħa, hija marbuta strettament mal-komprensjoni tal-kalkoli tad-drittijiet tal-pensjoni applikati mill-amministrazzjoni stess, li tippermetti li wieħed jifhem, b’mod partikolari, liema ammont tal-allowances għall-ulied dipendenti għandu jiġi inkluż fid-dħul fittizju (ammont A), u, min-naħa l-oħra, tippreżumi l-aċċess għad-dettall tal-kalkolu sottostanti għall-istabbiliment tas-salarju nett ta’ Alberto Spagnolli meħud inkunsiderazzjoni fid-dħul fittizju (ammont A).
158
Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-kalkolu tad-drittijiet tal-pensjoni applikat mill-Kummissjoni ma jirriżultax b’mod ċar mill-kliem tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-każ odjern.
159
L-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedix espressament l-akkumulazzjoni tal-emolumenti tal-konjuġi superstitu u tal-konjuġi li jkun miet. Din l-akkumulazzjoni, skont l-ispjegazzjonijiet inklużi fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tat-3 ta’ Awwissu 2015, li ġew ikkonfermati mill-Kummissjoni seduta stante, twettqet fl-interess tar-rikorrenti (ara l-punt 66 iktar ’il fuq). Sa fejn dan l-artikolu ma jagħmel l-ebda riferiment għad-dħul ta’ Alberto Spagnolli għall-kalkolu tal-limitu li ma għandux jiġi eċċedut sabiex jiġi evitat l-arrikkiment tal-familja minħabba l-mewt, l-imsemmi artikolu lanqas ma jinkludi informazzjoni fuq l-ammonti li għandhom jiġu inklużi f’dan id-dħul b’mod partikolari fir-rigward tal-allowances għall-ulied dipendenti.
160
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 81 tar-Regolamenti tal-Persunal, li skontu “[l]-ammont tal-allowance tat-tfal dipendenti pagabbli lil persuna intitolata għal pensjoni għal min jibqa’ ħaj għandu, madankollu, jkun id-doppju tal-allowance pprovduta fl-Artikolu 67(1)(b)”, seta’ wkoll iwassal lir-rikorrenti sabiex iwettqu żball. Fil-fatt, minħabba l-mewt ta’ mart Alberto Spagnolli, huma setgħu jqisu li, sabiex jiġi ppreservat l-effett utli tal-imsemmija dispożizzjoni, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni ammont doppju tal-allowances għall-ulied dipendenti mhux biss għall-istabbiliment tad-dħul reali (ammont B), iżda wkoll għall-istabbiliment tad-dħul fittizju (ammont A) tal-konjuġi superstitu. Barra minn hekk, il-formulazzjoni użata fid-diversi avviżi sabiex jiġi identifikat dan l-aħħar imsemmi ammont, jiġifieri “salarju nett ta’ A. Spagnolli fil-mument tal-mewt bi tliet ulied dipendenti”, tista’ tirrendi iktar diffiċli l-komprensjoni tal-kompożizzjoni tad-dħul fittizju (ammont A) ta’ Alberto Spagnolli. Fil-fatt l-imsemmija formulazzjoni tista’ tinftiehem fis-sens li d-dħul fittizju (ammont A) għandu jiġi kkalkulat “fil-mument tal-mewt” u b’hekk, billi jittieħed kont tal-mewt – fatt li jimplika l-inklużjoni tal-ammont doppju tal-allowances għall-ulied dipendenti, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 81 tar-Regolamenti tal-Persunal – iktar milli n-nuqqas tagħha – li għall-kuntrarju, timplika l-inklużjoni ta’ l-ammont sempliċi tal-allowances għall-ulied dipendenti.
161
Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, kif ġie kkonfermat mill-Kummissjoni seduta stante, ma jeżistux dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni jew noti tad-dipartiment li jispjegaw il-metodu ta’ applikazzjoni prattika tal-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal f’każ li, bħal fil-każ odjern, kemm il-konjuġi superstitu kif ukoll il-konjuġi li jkun miet ikunu uffiċjali tal-Unjoni. L-ispjegazzjonijiet tal-kalkoli mwettqa mill-Kummissjoni fl-Avviż Nru 2 ingħataw biss fl-istadju tad-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment imressaq kontra l-Avviż Nru 3, jiġifieri fit-3 ta’ Awwissu 2015. Kien biss f’dan l-istadju li l-Awtorità tal-Ħatra esponiet li l-inklużjoni tad-dħul ta’ Alberto Spagnolli fil-kalkolu tal-limitu previst fl-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal (ammont A) kienet tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-limitu previst fl-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal, id-dħul ta’ Alberto Spagnolli kkalkulat b’mod dinamiku, jiġifieri skont il-grad ta’ dan tal-aħħar fil-kumment tal-kalkolu, abbażi ta’ fizzjoni, jiġifieri daqslikieku martu ma mitetx u li, konsegwentement, ġie inkluż fl-imsemmi dħul l-ammont singolu tal-allowances għall-ulied dipendenti.
162
Fit-tieni lok, jeħtieġ li jitfakkar li la l-Avviż Nru 1, la l-Avviż Nru 1a, u lanqas l-Avviż Nru 2 ma jagħtu d-dettalji tal-kompożizzjoni tal-ammonti tad-dħul fittizju ta’ Alberto Spagnolli (ammont A). B’hekk ma jistax jiġi sostnut li r-rikorrenti kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom elementi suffiċjenti sabiex jidentifikaw, jew tal-inqas jissusspettaw, fl-ewwel lok, li, fl-Avviż Nru 2, il-Kummissjoni kienet inkludiet ammont doppju tal-allowances għall-ulied dipendenti fid-dħul fittizju (ammont A) ta’ Alberto Spagnolli, fit-tieni lok, li din l-inklużjoni kienet żbaljata u, fit-tielet lok, li l-imsemmija inklużjoni kienet tat lok għal ħlas indebitu.
163
Barra minn hekk, peress li l-Avviż Nru 1 jinkludi kalkoli żbaljati u peress li dan ġie kkoreġut bl-Avviż Nru 1a, adottat fl-istess jum bħall-Avviż Nru 2, dan ma setax iservi lil Alberto Spagnolli bħala bażi sabiex jifhem id-dettall tal-kalkoli inklużi fl-Avviż Nru 2. Bl-istess mod, l-Avviż Nru 1a, sa fejn dan ħa inkunsiderazzjoni salarju differenti u sa fejn ġie adottat wara l-passi meħuda minn Alberto Spagnolli minħabba is-sovravalutazzjoni tad-drittijiet tiegħu tal-pensjoni, lanqas ma jirrappreżenta att li jippermetti li jitqies li dan tal-aħħar ma setax ma jindunax bi żball fil-kalkolu inkluż fl-Avviż Nru 2 li ta lok għal ħlas indebitu jew inkella li jitqies li huwa kien ikkontribwixxa sabiex isir tali żball fil-kalkolu u b’hekk sabiex ir-rikorrenti jirċievu ħlas indebitu.
164
Barra minn hekk, ir-rikostruzzjoni tal-kalkoli inklużi fl-Avviż Nru 2, li kienet possibbli permezz tad-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni b’risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fil-25 ta’ Ottubru 2017, turi li l-inklużjoni tal-allowances għall-ulied dipendenti f’ammont doppju, jiġifieri sitt allowances għall-ulied dipendenti minflok tlieta, fid-dħul fittizju (ammont A) affettwat ukoll id-determinazzjoni tat-taxxa applikabbli għall-imsemmi dħul. Minn dan isegwi li d-differenza bejn l-ammont rċevut b’mod żbaljat mir-rikorrenti abbażi tal-Avviż Nru 2 u dak li għall-kuntrarju kellhom dritt li jirċievu ma tirriżultax mis-sempliċi tnaqqis ta’ tliet allowances għall-ulied dipendenti. B’hekk, minkejja li l-Kummissjoni tipprova tissimplifika l-iżball inkluż fl-Avviż Nru 2 billi tnaqqas l-inklużjoni tas-sitt allowances għall-ulied dipendenti minflok tlieta, dan ma jikkorrispondix għar-realtà u fuq kollox, fl-assenza tad-dettalji tal-kalkolu li serva bħala bażi għad-dħul fittizju (ammont A), tali żball bl-ebda mod ma kien jidher li kien wieħed evidenti.
165
Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tat-3 ta’ Awwissu 2015, l-Awtorità tal-Ħatra stess tikkonferma espliċitament li l-eżami kronoloġiku tad-diversi avviżi li jistabbilixxu d-drittijiet tal-pensjoni jwassal sabiex jiġi ammess li l-metodu applikat mill-Kummissjoni “ma kienx wieħed li jinftiehem immedjatament”.
166
Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi nnotat li l-uffiċjali tal-Kummissjoni, jiġifieri l-uffiċjali tal-unità PMO.4, li huma mistennija li jkunu jafu u li japplikaw, fil-kuntest tax-xogħol tagħhom, il-metodu tal-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni, f’diversi okkażjonijiet wettqu żbalji fil-kalkoli tad-drittijiet tar-rikorrenti, u dan kif juru d-diversi avviżi suċċessivi. Fil-fatt, l-Avviż Nru 1, tad-29 ta’ Lulju 2011, ġie rrettifikat bl-Avviż Nru 1a, tas-17 ta’ April 2012, u bl-Avviż Nru 2, tal-istess jum. Min-naħa tiegħu, dan l-avviż ġie kkoreġut mill-Avviż Nru 3, tas-6 ta’ Frar 2015. Għaldaqstant, anki kieku jiġi ammess li Alberto Spagnolli seta’ juża l-calkoluette, imsemmija fil-punt 109 iktar ’il fuq, dan ma jurix li l-preżenza ta’ żball kienet tant evidenti li Alberto Spagnolli ma setax ma jindunax bih. Barra minn hekk, il-possibbiltà tal-użu tal-kalkoluette jippreżumi l-konoxxenza tad-dettall tal-kalkoli applikati mill-Kummissjoni, sa fejn dan jirrikjedi l-inserzjoni manwali tal-ammonti differenti meħuda inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni.
167
Fl-aħħar, fir-rigward tad-diliġenza rikjesta min-naħa ta’ uffiċjal fil-grad korrispondenti għal dak ta’ Alberto Spagnolli, din ma tistax timplika, fl-assenza ta’ diversi elementi rilevanti fl-avviż li jistabbilixxi d-drittijiet inkwistjoni fil-każ odjern, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet ċari fir-regolamenti tal-Persunal u fil-preżenza ta’ diversi żbalji mwettqa dak iż-żmien mill-amministrazzjoni stess, li l-uffiċjali inkwistjoni, li diġà ħa diversi passi, għandu jippersisti mal-amministrazzjoni bil-għan li jikseb verifika ulterjuri tal-kalkoli li hija applikat, peress li jħoss li huwa ssodisfatt bir-riżultat miksub, b’mod partikolari wara li huwa stess ikun ħa passi. F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża odjerna, huwa raġonevoli li wieħed jistenna mill-Kummissjoni, wara d-diversi passi meħuda minn Alberto Spagnolli, li din tevalwa b’mod korrett is-sitwazzjoni tiegħu u li ma twettaqx ħlasijiet irregolari. L-istennija li dan jippersisti fit-talba tiegħu lill-amministrazzjoni, anki meta dan seta’ raġonevolment jistenna li jikseb evalwazzjoni korretta tad-drittijiet tiegħu għall-pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni sa fejn din tal-aħħar ikkoreġiet l-iżbalji inklużi fl-ewwel avviż li jistabbilixxi d-drittijiet tal-pensjoni, b’mod partikolari wara l-passi li ħa, tmur kontra dak li huwa raġonevoli li wieħed jistenna min-naħa tiegħu abbażi tad-dmir ta’ diliġenza.
168
Minn dak li ntqal jirriżulta li l-argumenti tal-Kummissjoni intiżi li jsostnu li s-sempliċi qari ta’ ammont iktar għoli tad-dħul fittizju indikat fl-Avviż Nru 2 meta mqabbel mad-dħul reali espost f’dan tal-aħħar jista’ jkun biżżejjed sabiex iqajjem dubju dwar l-eżistenza ta’ irregolarità ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ komprensjoni tal-metodu tal-kalkolu applikat mill-Kummissjoni, tal-assenza ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni jew ta’ noti tad-dipartiment li setgħu jispeċifikaw il-portata u l-applikazzjoni prattika tal-Artikolu 81a tar-Regolamenti tal-Persunal, tad-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (ara l-punti 92 sa 104 iktar ’il fuq), tal-assenza ta’ ċerti dettalji marbuta mal-kalkoli mwettqa mill-Kummissjoni fid-diversi avviżi, tal-użu tal-frażi “salarju nett ta’ A. Spagnolli fil-mument tal-mewt”, irrikonoxxut bħala ambigwu mill-Awtorità tal-Ħatra stess fil-kuntest tal-ewwel deċiżjoni li tiċħad l-ilment tat-3 ta’ Awwissu 2015, u tad-diversi żbalji li twettqu, il-Kummissjoni ma tistax issostni li l-irregolarità tal-ħlasijiet rċevuti mir-rikorrenti abbażi tal-Avviż Nru 2 kienet tant evidenti li l-uffiċjal inkwistjoni, fid-dawl tal-grad tiegħu, ma setax ma jindunax bih (ara, a contrario, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, Ritto vs Il-Kummissjoni, F-18/08, EU:F:2008:110, punt 34, li fil-kuntest tagħha ir-rikorrent ma setax jinvoka kwalunkwe ambigwità tat-test tad-dispożizzjonijiet rilevanti).
169
Fi kliem ieħor, ma jistax jiġi sostnut li l-kompetenzi u l-konoxxenzi marbuta mal-grad ta’ Alberto Spagnolli setgħu jippermettulu, minn sempliċi qari tal-Avviż Nru 2, li jegħleb id-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni legali tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal inkwistjoni fil-każ odjern, li jidentifika l-kalkoli applikati mill-Kummissjoni u li jifhem li l-Avviż Nru 2 kien ivvizzjat minn żball li ta lok għal ħlas irregolari.
170
Peress li fil-każ odjern ma ġietx issodisfatta l-kundizzjoni tal-evidenza tal-irregolarità tal-ħlas fil-każ odjern, il-Kummissjoni ma kellhiex dritt titlob l-irkupru ta’ ħlas indebitu mingħand ir-rikorrent.
171
Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu għandha tiġi annullata, mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq it-tielet motiv għal annullament.
Fuq it-talbiet għad-danni
172
Ir-rikorrenti jinvokaw argumenti intiżi sabiex isostnu li kienet ġiet assunta r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni u għaldaqstant li għandhom jingħataw kumpensa għad-danni morali u materjali.
173
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti jsostnu li din kienet ġiet ipprovata, minn naħa, billi jispjegaw ir-raġunijiet li għalihom kemm l-Avviż Nru 3 kif ukoll id-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu kienu kuntrarji għad-dritt u, min-naħa l-oħra, billi juru, fil-kuntest tat-tielet motiv, li dewmien ta’ iktar minn sena għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li tistabbilixxi d-drittijiet tal-pensjoni u għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu, fil-każ odjern, kien jikkostitwixxi nuqqas partikolarment serju tal-Kummissjoni u ksur tad-dmir ta’ premura.
174
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ir-rikorrenti jsostnu li, sa fejn l-Avviż Nru 2 ġie adottat wara proċedura formali fuq talba individwali, Alberto Spagnolli kellu raġun jistrieħ fuq l-istabbiltà tal-imsemmi avviż sabiex jagħmel għażliet importanti tal-ħajja, b’mod partikolari dik li jipproċedi bl-assenzjazzjoni tiegħu f’Parma. B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tistenna tliet snin qabel ma tipproċedi bil-verifika tal-kalkoli u inqas u inqas titlob retroattivament l-irkupru ta’ allegat ħlas indebitu mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir tagħha ta’ premura fir-rigward ta’ Alberto Spagnolli.
175
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ksur tad-dmir ta’ premura, l-amministrazzjoni kien imissha tagħlaq kull proċedura interna ta’ verifika u tadotta att ta’ korrezzjoni eventwali u ta’ rkupru eventwali ta’ ħlas indebitu f’terminu li ma jeċċedix sena mill-adozzjoni tal-Avviż Nru 2. Barra minn hekk, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tibdil tad-drittijiet tal-pensjoni tar-rikorrenti, l-amministrazzjoni kien imissha ħadet kont tal-ispeċifiċità taċ–ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-preżenza ta’ minuri, l-ispostament tal-familja lejn Parma, id-diffikultà li wieħed jerġa’ lura mill-għażla li jipproċedi bl-assenjazzjoni mal-EFSA wara ċertu żmien. Fil-fatt, minn naħa, l-amministrazzjoni ma tistax tippretendi li ma kinitx konxja minn dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl ta’ kuntatti numerużi mibdija minn Alberto Spagnolli u kkonfermati minn skambju ta’ ittri, bejn Novembru 2011 u April 2012, prodott mir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, l-amministrazzjoni ma tistax issostni li ma kinitx taf ir-regoli u l-prinċipji li, anki fid-dritt tal-Unjoni, jirregolaw is-sitwazzjoni tal-minuri li jiċċaqilqu minn Stat Membru għal ieħor. Dawn ir-regoli u prinċipji jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni dwar l-aspetti ċivili tas-sekwestru internazzjonali ta’ minuri, konkluża fl-Aja tal-25 ta’ Ottubru 1980, u tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243), li skonthom minuri, bħala prinċipju, jista’ jitqies bħala integrat fl-ambjent soċjali tal-Istat li dan ikun jinsab fit-territorju, sena wara l-ispostament, u li jirrikjedu li s-sitwazzjoni tiegħu u d-drittijiet tiegħu jiġu ddefiniti malajr, f’terminu li normalment ma jeċċedix sena. Fl-aħħar, ir-rikorrenti jżidu li t-tnaqqis tad-dħul fittizju (ammont A) konsekuttiv għall-inklużjoni tad-dħul ta’ Alberto Spagnolli fil-kalkolu tad-dħul fittizju u reali (ammonti A u B) jikkostitwixxi ksur tad-dmir ta’ premura, sa fejn dan jirriżulta minn għażla diskrezzjonali tal-amministrazzjoni, u mhux mill-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata ta’ din tal-aħħar, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni l-Kummissjoni.
176
Fit-tieni lok, fir-rigward tad-danni morali u materjali, minn naħa, ir-rikorrenti jsostnu li l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu ikkawżatilhom preġudizzju morali naxxenti mill-fraġilizzazzjoni u d-distabbilizzazzjoni tar-relazzjonijiet affettivi u soċjali tagħhom minħabba t-tibdil tal-post ta’ residenza li diġà seħħew li ser iseħħu, f’każ li Alberto Spagnolli jkun kostrett, minħabba kundizzjonijiet ekonomiċi ġodda, jerġa’ lura fil-post ta’ uffiċjal fil-grad AD 12 fi ħdan il-Kummissjoni fi Brussell (il-Belġju). Dawn id-danni kienu jikkorrispondu għad-differenza bejn ir-remunerazzjoni rċevuta minn Alberto Spagnolli bħala uffiċjal fil-grad AD 9 u dik li kien jirċievi li kieku baqa’ uffiċjal fil-grad AD 12 f’sena, peress li sena kienet tirrappreżenta terminu raġonevoli sabiex tittieħed u tiġi kkonkretizzata d-deċiżjoni ta’ tibdil tal-post tax-xogħol u ta’ residenza.
177
Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li l-aġir tal-Kummissjoni kkawżalhom preġudizzju materjali sa fejn wassal, retroattivament u b’dewmien mhux raġonevoli, għal tibdil kbir fil-kundizzjonijiet ekonomiċi tagħhom. Ir-rikorrenti jqisu li dan il-preġudizzju huwa kkostitwit, minn naħa, mill-ammont tal-irkupru mitlub mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, mid-differenza bejn l-ammont tal-pensjonijiet stabbilit fl-Avviż Nru 2 u dak stabbilit fl-Avviż Nru 3 mid-dħul fis-seħħ ta’ dan tal-aħħar sal-mument li fih il-familja tkun f’pożizzjoni li tistabbilixxi ruħha mill-ġdid fil-posta ta’ residenza preċedenti tagħha. Dan it-terminu huwa stmat għal sena sa mis-soluzzjoni tal-kawża odjerna.
178
Ir-rikorrenti jżidu li l-ewwel parti tal-preġudizzju materjali titlef l-iskop tagħha f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu. Bl-istess mod, it-tieni parti tal-preġudizzju materjali jisparixxi jekk tintlaqa’ t-talba għal annullament tal-Avviż Nru 3, ippreżentata fil-kuntest tar-rikors fil-Kawża T‑568/16.
179
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jikkonfermaw li r-rabta kawżali bejn l-aġir illegali tal-Kummissjoni u d-danni li huma jitolbu r-riżarċiment tagħhom hija stabbilita b’mod ċar, peress li, għalkemm id-deċiżjoni li jmur Parma tirriżulta minn Alberto Spagnolli u ma tistax tiġi attribwita lill-amministrazzjoni, huwa d-dewmien li jikkostitwixxi tort fl-adozzjoni tal-Avviż Nru 3 u tad-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu li wassal għad-danni suesposti.
180
Il-Kummissjoni tikkontesta kemm l-ammissibbiltà kif ukoll il-fondatezza tat-talbiet għad-danni.
– Fuq l-ammissibbiltà
181
Minn naħa, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma għandhomx dritt, insostenn tat-talba tagħhom għar-riżarċiment tad-danni morali, li jinqdew bin-natura doluża ta’ aġir mhux deċiżjonali tal-amministrazzjoni, sa fejn huma naqsu milli jressqu, qabelxejn, talba għar-riżarċiment tad-danni, abbażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, u sussegwentement ilment, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra ċ-ċaħda espliċita jew impliċita ta’ din it-talba. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, huwa biss wara ċ-ċaħda espliċita jew impliċita ta’ dan l-ilment li jista’ jiġi ppreżentat rikors għad-danni quddiem il-Qorti Ġenerali (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P, EU:T:2011:347, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
182
Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tallega li r-rikorrenti ma għandhomx dritt jressqu talba għar-riżarċiment tad-danni materjali li għandha bħala s-suġġett tagħha l-ammont li r-rikorrenti huma obbligati li jħallsu lura lill-amministrazzjoni f’każ ta’ ċaħda tat-talbiet intiżi għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebiti (ara s-sentenza tal-24 ta’ Jannar 1991, Latham vs Il-Kummissjoni, T‑27/90, EU:T:1991:5, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, hija tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għad-danni għall-ewwel parti tal-preġudizzju materjali (ara l-punti 177 u 178 iktar ’il fuq).
183
Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jtennu li t-talba għar-riżarċiment tad-danni morali hija ammissibbli sa fejn din hija bbażata fuq il-konsegwenzi diretti tal-atti li huma jitolbu l-annullament tagħhom. Fil-fatt, huwa b’mod partikolari d-dewmien tal-amministrazzjoni fil-ħlas tad-drittijiet tagħhom u fl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu li wassal għad-danni, naxxenti mill-fraġilizzazzjoni tas-sitwazzjoni familjari tar-rikorrenti, li huma jitolbu r-riżaċiment tagħhom. Dawn id-danni jirriżultaw mill-fraġilizzazzjoni u mid-distabbilizzazzjoni tar-relazzjonijiet affettivi u soċjali tar-rikorrenti minħabba t-tibdil fil-post ta’ residenza li diġà seħħew jew li ser iseħħu, f’każ li Alberto Spagnolli jkun kostrett, minħabba kundizzjonijiet ekonomiċi ġodda, jerġa’ lura fil-post ta’ uffiċjal fil-grad AD 12 fi ħdan il-Kummissjoni fi Brussell. L-imsemmija danni jikkorrispondu għad-differenza bejn ir-remunerazzjoni rċevuta minn Alberto Spagnolli bħala uffiċjal fil-grad AD 9 u dik li kien jirċievi li kieku baqa’ uffiċjal fil-grad AD 12 f’sena, peress li sena kienet tirrappreżenta terminu raġonevoli sabiex tittieħed u tiġi kkonkretizzata d-deċiżjoni ta’ tibdil tal-post tax-xogħol u ta’ residenza.
184
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-parti tad-danni materjali korrispondenti għall-ammont tad-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu, ir-rikorrenti jsostnu li, fil-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma kkontestax att li jikkawżalu preġudizzju u sussegwentement ippreżenta rikors għad-danni naxxenti mill-imsemmi att, xenarju li ma jirrispekkjax dak tal-każ odjern, peress li l-atti li jikkawżaw preġudizzju lir-rikorrenti, jiġifieri l-Avviż Nru 3 u d-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu, kienu s-suġġett ta’ rikors għal annullament.
185
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tat-talba għad-danni morali, jeħtieġ li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, fis-sistema tar-rimedji stabbiliti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, rikors għad-danni, li jikkostitwixxi rimedju awtonomu mir-rikors għal annullament, ikun ammissibbli biss jekk dan ikun preċedut minn proċedura prekontenzjuża konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal. Din il-proċedura tvarja skont jekk id-dannu li għalih ikun qed jintalab il-kumpens, jirriżultax minn att li jikkawża preġudizzju skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew minn aġir tal-amministrazzjoni li ma jkunx ta’ natura deċiżjonali. Fl-ewwel każ, hija l-parti kkonċernata li għandha, sat-terminu stabbilit, tressaq ilment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra kontra l-att inkwistjoni. Fit-tieni każ, għall-kuntrarju, il-proċedura amministrattiva għandha tinbeda b’talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, maħsuba għar-riżarċiment tad-danni. Hija biss iċ-ċaħda espliċita jew impliċita ta’ din it-talba, li tikkostitwixxi deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, li kontriha jista’ jsir ilment u huwa biss wara ċ-ċaħda espliċita jew impliċita ta’ dan l-ilment li r-rikors għad-danni jkun jista’ jitressaq quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Nanopoulos, T-308/10 P, EU:T:2012:370, punt 33; ara wkoll, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2010, Nanopoulos vs Il-Kummissjoni, F-30/08, EU:F:2010:43, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).
186
Issa, id-danni morali mitluba mir-rikorrenti joriġinaw mill-allegat dewmien tal-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi fuq id-drittijiet tagħhom u sabiex tinnotifikahom bid-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu, jiġifieri, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, aġir mhux deċiżjonali tal-amministrazzjoni li ma għandux rabta diretta mal-kontenut tad-deċiżjonijiet li r-rikorrenti jitolbu l-annullament tagħhom. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li fil-priċnipju, dewmien ma jikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2010, Nanopoulos vs Il-Kummissjoni, F-30/08, EU:F:2010:43, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).
187
Konsegwentement, ir-rikorrenti kienu obbligati josservaw il-proċedura prekontenzjuża f’żewġ stadji, imfakkra fil-punt 185 iktar ’il fuq, jiġifieri li jressqu talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, maħsuba sabiex jiksbu kumpens, u sussegwentement li jippreżentaw ilment kontra l-eventwali deċiżjoni li tiċħad it-talba għal kumpens.
188
Fil-każ odjern, għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, il-proċedura prekontenzjuża f’żewġ stadji, prevista fl-Artikolu 90(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ma ġietx osservata.
189
B’hekk, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli t-talba ta’ kumpens għad-danni morali ppreżentati mir-rikorrenti.
190
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tat-talba għad-danni materjali ekwivalenti għall-ammont li r-rikorrenti huma obbligati li jħallsu lura lill-amministrazzjoni f’każ ta’ ċaħda tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tal-imsemmija talba. Fil-fatt, minn naħa, id-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu, fil-każ odjern, ġiet annullata. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti stess jindikaw espliċitament fir-rikors li “din il-parti tad-danni materjali” titlef l-iskop tagħha f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu (ara l-punt 178 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, it-talba għar-riżarċiment għall-ewwel parti tad-danni materjali għandha titqies bħala sussidjarja fir-rigward tat-talba għal annullament tad-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu.
– Fuq il-mertu
191
Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 190 iktar ’il fuq, lanqas ma hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq il-fondatezza tat-talba tar-rikorrenti għar-riżarċiment tal-ewwel parti tad-danni materjali.
192
Fir-rigward tat-talba għar-riżarċiment tat-tieni parti tad-danni materjali, ir-rikorrenti jinvokaw argumenti li jsostnu li l-amministrazzjoni kellha ġġorr ir-responsabbiltà (ara l-punti 172 sa 179 iktar ’il fuq) u għaldaqstant jitolbu li kumpens, b’mod partikolari, għat-tieni parti tad-danni materjali (ara l-punt 177 iktar ’il fuq), korrispondenti għad-differenza bejn l-ammont tal-pensjonijiet stabbilit fl-Avviż Nru 2 u dak stabbilit fl-Avviż Nru 3 mid-dħul fis-seħħ ta’ dan tal-aħħar sal-mument li fih il-familja tkun f’pożizzjoni li terġa’ tistabbilixxi ruħha fil-post ta’ residenza preċedenti tagħha, li huma jqisu li jikkorrispondi għal sena sa mid-data tas-soluzzjoni tal-kawża odjerna.
193
Il-Kummissjoni ttenni li r-rikorrenti ma wrewx li fil-każ odjern kienu ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet gaħll-istabbiliment ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-amministrazzjoni. Fl-ewwel lok, hija ssostni, fir-rigward tal-aġir illegali naxxenti mill-ksur tal-prinċipji u tad-dmirijiet invokati mir-rikorrenti, li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ “kompetenza limitata”, li kienet tobbligaha tadotta deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu peress li t-terminu ta’ ħames snin kien ġie osservat u li kienu ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal. Ċirkustanzi individwali bħall-aġir diliġenti tal-persuna kkonċernata jew l-effetti li l-pensjonijiet ikkalkulati b’mod żbaljat jista’ jkollhom indirettament fuq l-għazliet tagħha tal-ħajja ma jistgħux jostakolaw l-imsemmija adozzjoni. Barra minn hekk, l-għażla li tintalab l-assenzjazzjoni f’Parma, b’kundizzjonijiet salarjali ferm inferjuri għal dawk tal-assenzjazzjoni inizjali fi Brussell, kienet tirriżulta esklużivament mid-deċiżjoni ta’ Alberto Spagnolli. Barra minn hekk, Alberto Spagnolli nstema’ diversi drabi mill-amministrazzjoni li, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, dejjem wieġbet malajr għat-talbiet tiegħu, kif jirriżulta mill-korrispondenza ta’ bejniethom. Barra minn hekk, l-allegat ksur tad-dmir ta’ premura ma huwiex sostnut u ma jistax iwassal għall-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata peress li, skont il-ġurisprudenza, dan id-dmir fi kwalunkwe każ ma jistax jidderoga mill-prinċipju ta’ legalità (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Eklund vs Il-Kummissjoni, F-57/11, EU:F:2012:145, punt 83). Barra min hekk, ma setgħet tinħoloq l-ebda allegata aspettattiva leġittima dwar l-intanġibbiltà tal-kalkoli tad-drittijiet tal-pensjoni fl-assenza ta’ assigurazzjonijiet speċifiċi min naħa tal-Kummissjoni u tal-fatt li l-avviżi li jinkludu l-kalkoli tad-drittijiet tal-pensjoni kienu dejjem jinkludu l-istipulazzjoni li, skont l-Artikolu 41 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra tirriżerva d-dritt li twettaq kull verifika u, fejn applikabbli, li tirrevedi d-deċiżjoni tagħha, possibbilment b’effett retroattiv, abbażi ta’ elementi għad-dispożizzjoni tagħha. Fl-aħħar, peress li ġew osservati l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu, ir-rikorrent ma jistax jiddikjara li din id-deċiżjoni hija illegali.
194
Fit-tieni lok, ma kienet teżisti l-ebda rabta kawżali bejn, minn naħa, id-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu u l-eżekuzzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, l-għażliet tal-ħajja tar-rikorrenti li setgħu jikkawżawlhom il-preġudizzji allegati minnhom. Fil-fatt, Alberto Spagnolli għażel liberament li jagħżel li jiċċaqlaq lejn Parma u, sa fejn l-assenzjazzjoni tiegħu kienet prevista għal perijodu limitat ta’ ħames snin, ir-ritorn tiegħu lejn Brussell u l-konsegwenzi ta’ dan allegatament preġudikanti għat-tfal fil-livelli soċjali u affettivi kienu prevedibbli. Għaldaqstant, id-danni allegati ma jistgħux jiġi marbuta ma’ allegat aġir illegali tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, sa fejn l-irkupru tal-ħlas indebitu jiġi eżegwit skont pjan ta’ ħlas bin-nifs, ir-rikorrenti ma jistax jippretendi li tali rkupru ser ikun tant gravi li ser iġiegħel lil Alberto Spagnolli jwaqqaf l-assenjazzjoni tiegħu f’Parma.
195
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-fondatezza ta’ rikors għad-danni ppreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE hija dipendenti fuq l-eżistenza ta’ assjem ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu allegat, u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat (sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, EU:C:1994:211, punt 42, u tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Girardot, C-348/06 P, EU:C:2008:107, punt 52). Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi. In-nuqqas ta’ waħda minnhom ikun biżżejjed biex jinċaħad ir-rikors għad-danni.
196
Barra minn hekk, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet, meta din titqajjem abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 270 TFUE, tista’ tiġi stabbilita biss abbażi tal-illegalità ta’ att li jikkawża preġudizzju jew ta’ aġir mhux deċiżjonali, u dan mingħajr il-ħtieġa li jiġi stabbilit jekk jeżistix ksur serju biżżejjed ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet fuq l-individwi (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Petrilli, T‑143/09 P, EU:T:2010:531, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-11 ta’ Mejju 2010, Nanopoulos vs Il-Kummissjoni, F-30/08, EU:F:2010:43, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata).
197
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, id-danni li jintalab kumpens għalihom fil-kuntest ta’ kawża għad-danni mhux kuntrattwali tal-Unjoni għandhom ikunu reali u ċerti, li l-prova tagħhom għandha tiġi prodotta mir-rikorrent (ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il-Kummissjoni, C-243/05 P, EU:C:2006:708, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa dan tal-aħħar li għandu jipproduċi provi konklużivi kemm dwar l-eżistenza kif ukoll dwar il-portata tad-danni invokati minnu (ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1997, Blackspur DIY et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-362/95 P, EU:C:1997:401, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
198
Fil-każ odjern, ir-rikorrenti jsostnu li kienu d-dewmien irraġonevoli u l-effett retroattiv tal-Avviż Nru 3 u tad-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu li wasslu għal tibdil importanti tal-kundizzjonijiet ekonomiċi li abbażi tagħhom il-familja Spagnolli ħadet u żammet id-deċiżjoni li tirrisjedi f’Parma.
199
Issa, sa fejn id-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu ġiet annullata, l-Avviż Nru 3 ma huwiex ser jipproduċi effetti retroattivi. B’hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jippretendu li ġarbu preġudizzju naxxenti mit-tibdil tal-kundizzjonijiet ekonomiċi tagħhom għall-perijodu ta’ bejn l-adozzjoni tal-Avviż Nru 2 u l-adozzjoni tal-Avviż Nru 3. Barra minn hekk, fir-rigward tal-perijodu ta’ wara l-adozzjoni tal-Avviż Nru 3, it-talba għal kumpens għad-danni ekwivalenti għad-differenza bejn l-ammont tal-pensjonijiet stabbilit fl-Avviż Nru 2 u dak stabbilit fl-Avviż Nru 3 għal sena (ara l-punt 192 iktar ’il fuq), li kieku din kellha tintlaqa’, ikollha l-effett li tiġi evitata, parzjalment, iċ-ċaħda tar-rikors għal annullament ippreżentat kontra dan l-aħħar imsemmi avviż. Fil-fatt, l-imsemmija ċaħda timplika li d-drittijiet tal-pensjoni tar-rikorrenti għandhom jiġu kkalkulati, sa mid-data tal-adozzjoni tal-Avviż Nru 3, abbażi ta’ dan tal-aħħar. Għaldaqstant, din it-talba għal kumpens hija inammissibbli.
200
Fi kwalunkwe każ, kif ser jiġi muri iktar ’il quddiem, sa fejn id-danni allegati mir-rikorrenti jirriżultaw direttament mill-għażla tagħhom tal-ħajja u mhux mill-aġir doluż tal-amministrazzjoni, l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u l-imsemmija danni ma hijiex waħda suffiċjentement diretta sabiex jitqies li hija stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni.
201
Fl-ewwel lok, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, l-assenzjazzjoni f’Parma ta’ Alberto Spagnolli saret fuq it-talba tiegħu u ġiet prevista għal perijodu limitat ta’ ħames snin. Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni ta’ Alberto Spagnolli ġiet adottata fl-10 ta’ Ottubru 2011 (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), jiġifieri wara l-adozzjoni tal-Avviż Nru 1, fid-29 ta’ Lulju 2011 (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), li kien stabbilixxa d-drittijiet tal-pensjoni tar-rikorrenti b’mod żbaljat, kif jikkonfermaw ir-rikorrenti stess u kif jirriżulta mill-adozzjoni, fis-17 ta’ April 2012, tkemm tal-Avviż Nru 1a kif ukoll tal-Avviż Nru 2. Minn dan isegwi li l-għażla tat-trasferiment lejn Parma, ta’ espożizzjoni tat-tfal għal trażlok temporanju skont il-kundizzjonijiet previsti mill-kuntratt ta’ assenjazzjoni u ta’ aċċettazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ ħajja u ta’ salarju differenti minn dawk ta’ qabel l-imsemmija assenjazzjoni kienet indipendenti minn kull evalwazzjoni jew reviżjoni tad-drittijiet tal-pensjoni tar-rikorrenti. Barra minn hekk, il-possibbiltà ta’ reviżjoni f’kull mument tad-drittijiet tar-rikorrenti skont l-Artikolu 41 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kienet indikata espressament fl-avviżi kollha adottati mill-amministrazzjoni, fatt li jwassal sabiex jiġu mwarrba l-argumenti tar-rikorrenti li jsostnu li huma setgħu jistrieħu fuq l-istabbiltà tal-kundizzjonijiet ekonomiċi tagħhom.
202
Fit-tieni lok, l-għażla li jibqgħu Parma, li allegatament irriżultat preġudikanti għall-kundizzjonijiet ekonomiċi tar-rikorrenti, saret, skont id-dikjarazzjonijiet tagħhom, abbażi tal-Avviż Nru 2, adottat fis-17 ta’ April 2012 (ara l-punt 20 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, dejjem skont ir-rikorrenti, id-dewmien doluż tal-amministrazzjoni beda sena wara l-adozzjoni ta’ dan l-avviż, u dan kif jirriżulta mill-argumenti tagħhom, li skonthom it-terminu raġonevoli li fih proċedura interna ta’ verifika kellha titlesta bl-adozzjoni ta’ att korrezzjoni u ta’ att ta’ rkupru tal-ħlas indebitu ma jistax jeċċedi sena.
203
Issa, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li d-dewmien doluż tal-amministrazzjoni wassal għall-għażla “preġudikanti” tagħhom li jibqgħu, li tat lok għal danni li huma jqisu li jekwivalu għad-differenza bejn dak li huma rċevew abbażi tal-Avviż Nru 2 u dak li kellhom jirċievu abbażi tal-Avviż Nru 3. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, kieku l-atti kkontestati ġew adottati fl-allegat “terminu raġonevoli” ta’ sena sa mill-adozzjoni tal-Avviż Nru 2, dan kien jimplika antiċipazzjoni tat-tibdil tal-kundizzjonijiet ekonomiċi sfavorevoli għar-rikorrenti li ma kinux ikunu jistgħu jirċievu benefiċċji “indebiti” naxxenti mill-applikazzjoni tal-Avviż Nru 2 għal madwar tliet snin. Minn dan isegwi li anki jekk l-Avviż Nru 3 u d-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu ġew adottati tardivement, dan id-dewmien ma kkawżax lir-rikorrenti d-danni li huma jallegaw.
204
Fl-assenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-amministrazzjoni u l-preġudizzju allegat, ma tistax tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Kummissjoni u, għaldaqstant qiegħda tiġi rispinta t-talba għall-kumpens għat-tieni parti tad-danni materjali.
205
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok, fil-Kawża T-599/16, li tiġi annullata d-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu u li jiġi miċħud il-kumplament tar-rikors.
206
Peress li d-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu ġiet annullata, il-Kummissjoni hija obbligata li tislet il-konsegwenzi mis-sentenza ta’ annullament fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ammonti li diġà nqatgħu mir-rendikont tal-paga ta’ Alberto Spagnolli. Għall-kuntrarju, sa fejn ġie miċħud ir-rikors intiż għall-annullament tal-Avviż Nru 3, id-drittijiet tal-pensjoni tar-rikorrenti għandhom jibqgħu fil-futur skont kif stabbiliti minn dan l-avviż, sa mid-data tal-adozzjoni tiegħu, sa deċiżjoni ġdida eventwali ta’ reviżjoni tad-drittijiet tagħhom adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 41 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.
Fuq l-ispejjeż
207
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.Madankollu l-Artikolu 138(3) tal-istess regoli jipprevedi li jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.
208
Fil-każ odjern, fid-dawl tal-konnessjoni qawwija tal-kawżi li ġġustifikat li dawn jingħaqdu, u tal-fatt li r-rikorrenti tilfu fil-Kawża T-568/16, filwaqt li, fil-Kawża T-599/16, il-Kummissjoni hija l-parti li tilfet fuq il-mertu fir-rigward tat-talba għal annullament, tkun qiegħda ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża billi jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha f’kull waħda mill-kawżi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2011, Jones et vs Il-Kummissjoni, T-320/07, mhux ippubblikata, EU:T:2011:686, punt 158).
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Fil-Kawża T-568/16, ir-rikors huwa miċħud.
2)
Fil-Kawża T-599/16, id-Deċiżjoni PMO/04/LM/2015/ARES/3406787 tal-Uffiċċju “Ġestjoni u likwidazzjoni ta’ drittijiet individwali” (PMO) tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Awwissu 2015 dwar l-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament lir-rikorrenti bħala pensjonijiet tas-superstiti u tal-orfni hija annullata u l-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3)
Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha sostnuti f’kull waħda mill-kawżi.
Gervasoni
Madise
da Silva Passos
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Ġunju 2018.
Firem
Table des matières
Il-kuntest legali
Il-fatti li wasslu għall-kawża
Proċedura
It-talbiet tal-partijiet
Id-dritt
Il-Kawża T-568/16
Fuq l-ammissibbiltà
Fuq il-mertu
– Fuq it-tielet motiv
– Fuq l-ewwel motiv
Il-Kawża T-599/16
Fuq it-talbiet għal annullament
– Fuq l-ewwel motiv
– Fuq it-tieni motiv
Fuq it-talbiet għad-danni
– Fuq l-ammissibbiltà
– Fuq il-mertu
Fuq l-ispejjeż
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy