SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)
28 ta’ April 2017 ( *1 )
“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance tal-edukazzjoni — Rifjut ta’ rimbors tal-ispejjeż skolastiċi — Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal — Aspettattivi leġittimi — Ugwaljanza fit-trattament — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba”
Fil-Kawża T‑580/16,
Irit Azoulay, membru tal-persunal temporanju tal-Parlament Ewropew, residenti fi Brussell (il-Belġju),
Andrew Boreham, membru tal-persunal temporanju tal-Parlament Ewropew, residenti f’Wansin-Hannut (il-Belġju),
Mirja Bouchard, uffiċjal tal-Parlament Ewropew, residenti f’Villers-la-Ville (il-Belġju),
Darren Neville, uffiċjal tal-Parlament Ewropew, residenti f’Ohain (il-Belġju),
irrappreżentati minn M. Casado García-Hirschfeld, avukat,
rikorrenti,
vs
Il‑Parlament Ewropew, irrappreżentat minn E. Taneva u L. Deneys, bħala aġenti,
konvenut,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjonijiet individwali tal-Parlament tal-24 ta’ April 2015 li jiċħdu l-għoti tal-allowances tal-edukazzjoni għas-sena 2014/2015 u, jekk dan jitqies meħtieġ, għall-annullament tad-deċiżjonijiet individwali tal-Parlament tas-17 u 19 ta’ Novembru 2015 li jiċħdu parzjalment l-ilmenti tar-rikorrenti tal-20 ta’ Lulju 2015,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),
komposta minn A. M. Collins, President, R. Barents (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,
Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta ta’ 14 ta’ Diċembru 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1
L-ewwel rikorrenti, I. Azoulay, għandha wild irreġistrat minn Settembru 2014 fl-Athénée Ganenou fi Brussell (il-Belġju). It-tliet rikorrenti l-oħra, Andrew Boreham, Mirja Bouchard u Darren Neville, għandhom ulied irreġistrati fl-École internationale Le Verseau f’Bierges (il-Belġju). Ir-rikorrenti, li diġà kellhom ulied irreġistrati f’dawn l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni qabel l-2014 irċevew, sas-sena skolastika 2014/2015, ir-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi għal dawn l-ulied fil-parametri tal-limitu massimu ta’ kull xahar.
2
L-École internationale Le Verseau hija skola mhux konfessjonali li tagħmel parti mill-Fédération des établissements libres subventionnés indépendants (FELSI) (federazzjoni tal-istabbilimenti ħielsa ssussidjati indipendenti) u hija ssussidjata mill-Komunità Franċiża. Il-klassijiet huma mgħallma bil-Franċiż u bl-Ingliż minn għalliema li għalihom waħda minn dawn il-lingwi hija l-lingwa materna tagħhom. Madankollu, din l-iskola ma hijiex iffinanzjata kollha minn dan is-sussidju. Hija għandha riżorsi proprji għad-dispożizzjoni tagħha li b’mod partikolari huma pprovduti lilha mill-assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru Les Amis du Verseau.
3
L-Athénée Ganenou hija skola konfessjonali li hija ssussidjata mill-Komunità Franċiża li tagħha hija tapplika l-programm ta’ edukazzjoni uffiċjali u sħiħ, biż-żieda ta’ diversi sigħat fil-ġimgħa għat-tagħlim tal-lingwa Ebrajka, tal-istorja tal-Ġudaiżmu, tal-Bibbja u tal-Ingliż mis-sezzjoni primarja ’il fuq. Din l-iskola ma hijiex iffinanzjata kollha minn dan is-sussidju. Hija għandha riżorsi proprji għad-dispożizzjoni tagħha li b’mod partikolari huma pprovduti lilha mill-assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru Les Amis de Ganenou.
4
F’Ottubru u f’Novembru 2014, ir-rikorrenti ressqu talbiet għar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li huma kienu sostnew għall-ulied dipendenti tagħhom, flimkien ma’ dokumenti ġustifikattivi pprovduti mill-iskejjel ikkonċernati, identiċi għal dawk li kienu ġew annessi mat-talbiet preċedenti tagħhom għar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi, li kienu ġew aċċettati.
5
Fl-24 ta’ April 2015, ir-rikorrenti rċevew notifika taċ-ċaħda definittiva tat-talbiet tagħhom għar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”) għar-raġuni li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti”) ma kinux issodisfatti, għaliex iż-żewġ skejjel ikkonċernati ma kinux stabbilimenti ta’ edukazzjoni bi ħlas fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, peress li l-kontribuzzjonijiet fakultattivi tar-rikorrenti lill-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru kkonċernati jaqgħu barra mill-kuntest tal-edukazzjoni obbligatorja bla ħlas u kif previst mill-leġiżlazzjoni Belġjana.
6
Fl-20 ta’ Lulju 2015, kull wieħed mir-rikorrenti ressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti. Permezz ta’ deċiżjonijiet individwali tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tas-17 u tad-19 ta’ Novembru 2015, dawn l-ilmenti ġew miċħuda (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-ilmenti”). Madankollu, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament iddeċieda li jagħti lir-rikorrenti “b’mod volontarju u eċċezzjonali” l-allowance tal-edukazzjoni għas-sena 2014/2015, iżda li ma jagħtihiex iktar għas-snin skolastiċi li ġejjin għal edukazzjoni fl-École internationale Le Verseau u fl-Athénée Ganenou.
It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura
7
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Frar 2016, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.
8
Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Lulju 2016, dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġurisdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016, L 200, p. 137), il-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-31 ta’ Awwissu 2016 għandhom jiġu ttrasferiti lill-Qorti Ġenerali u jkomplu jiġu ttrattati mill-Qorti Ġenerali fl-istat li fih ikunu f’din id-data u konformement mar-Regoli tal-Proċedura tagħha.
9
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;
—
sa fejn ikun meħtieġ, tannulla d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-ilmenti;
—
tikkundanna lill-Parlament iħallashom l-allowance tal-edukazzjoni għas-sena 2015/2016, flimkien mal-interessi kkalkolati mid-dati li fihom dawn is-somom kienu dovuti;
—
tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.
10
Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiċħad ir-rikors;
—
tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
11
Matul is-seduta u bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti talbu jemendaw it-tieni punt tat-talbiet tagħhom u jitolbu għalhekk li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;
—
jekk ikun meħtieġ, tannulla “id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-ilmenti bl-eċċezzjoni madankollu ta’ dak li jirrigwarda d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament li jagħtihom b’mod volontarju u eċċezzjonali l-allowance tal-edukazzjoni għas-sena 2014/2015”
—
tikkundanna lill-Parlament iħallashom l-allowance tal-edukazzjoni għas-sena 2015/2016, flimkien mal-interessi kkalkolati mid-dati li fihom dawn is-somom kienu dovuti;
—
tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.
Id-dritt
Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta ’ ċaħda tal-ilmenti
12
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament formalment diretti kontra d-deċiżjoni li ċaħdet ilment għandhom l-effett, fil-każ li din id-deċiżjoni tkun nieqsa minn kontenut awtonomu, li jressqu quddiem il-Qorti Ġenerali l-att li kontrih ikun sar l-ilment (sentenza tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, C‑293/87, EU:C:1989:8, punt 8). F’dan il-każ, peress li d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-ilmenti huma nieqsa minn kontenut awtonomu, ir-rikors għandu jiġi kkunsidrat bħala intiż kontra d-deċiżjonijiet kkontestati.
Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati
13
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-tieni nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, it-tielet nett, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni
– L-argumenti tal-partijiet
14
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti josservaw li l-kunċett ta’ “spejjeż [skolastiċi]” imsemmi fl-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ikopri l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni u ta’ attendenza fi stabbilimenti ta’ edukazzjoni. Fil-fehma tagħhom, il-kundizzjoni dwar in-natura “bi ħlas” tal-istabbiliment ta’ attendenza tista’ tkun qarrieqa. Fil-fatt, in-natura fakultattiva jew obbligatorja tal-ispejjeż skolastiċi ma hijiex rilevanti, peress li dawn huma biss spejjeż skolastiċi sostnuti mill-uffiċjal għall-ulied dipendenti tiegħu fl-iskejjel li joffru l-programm pedagoġiku tal-għażla tagħhom. L-imsemmija dispożizzjoni ma tagħmilx l-għoti tal-allowance tal-edukazzjoni dipendenti fuq denominazzjonijiet eżistenti jew klassifikazzjonijiet magħmula fuq livell nazzjonali, iżda biss fuq in-natura tal-ispiża li trid tiġi rrimborsata u fuq il-komponenti tagħha.
15
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-kunċett ta’ “spejjeż [skolastiċi]” huwa kunċett awtonomu. F’dan ir-rigward, huma jirrikonoxxu li l-edukazzjoni ssussidjata fil-Belġju ma tipprevedix it-tagħlim tal-lingwa materna Ingliża minn għalliema nattivi, lanqas it-trażmissjoni tal-wirt kulturali, reliġjuż u storiku tal-poplu Lhudi. L-uniku mod sabiex jiġi żgurat dan it-tagħlim huwa permezz ta’ finanzjament addizzjonali. L-ispejjeż koperti mir-riżorsi proprji tal-iskejjel ikkonċernati u ffinanzjati bis-saħħa tal-għajnuna mogħtija minn assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru huma tassew spejjeż li jippermettu li qabel kollox student ikollu aċċess għal programm pedagoġiku speċifiku, u sussegwentement li jipparteċipa b’mod effettiv fil-programmi u li jsegwi l-korsijiet ta’ dan l-istess stabbiliment. L-argument tal-Parlament li l-leġiżlazzjoni Belġjana tippreċiża li stabbiliment edukattiv ma jistax jikkundizzjona reġistrazzjoni għall-ħlas ta’ somma flus, irrispettivament minn jekk hux lill-istabbiliment stess jew lil kwalunkwe korp ieħor, jinjora n-natura awtonoma tal-kunċett ta’ “spejjeż [skolastiċi]”. Dejjem fil-fehma tar-rikorrenti, jirriżulta mid-dikjarazzjoni tal-ispejjeż skolastiċi li l-ispejjeż sostnuti jikkorrispondu eżattament għall-parteċipazzjoni tal-ġenituri fil-finanzjament tal-assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li tappoġġja stabbiliment edukattiv issussidjat u jikkostitwixxu, fir-rigward tal-għan u tal-allokazzjoni tagħhom, spejjeż skolastiċi rimborsabbli.
16
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti josservaw li l-ispejjeż esklużi mir-rimbors, elenkati fl-Artikolu 3 tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni dwar l-għoti tal-allowance tal-edukazzjoni previst fl-Artikolu 3 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, adottati mill-Parlament fit-18 ta’ Mejju 2004 konformement mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“DĠI”) ma humiex spejjeż relatati mal-attività ta’ tagħlim, għalhekk fir-realtà fakultattivi. Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż relatati mal-fondi mitluba mill-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru huma spejjeż li għandhom jitħallsu bil-quddiem, bħala parti mill-miżati ta’ reġistrazzjoni u ta’ attendenza.
17
Skont il-Parlament, mil-leġiżlazzjoni Belġjana jirriżulta li l-istabbilimenti ħielsa ssussidjati jipprovdu tagħlim bla ħlas u ma humiex skejjel privati li jimponu spejjeż skolastiċi li jikkundizzjonaw ir-reġistrazzjoni tal-istudenti u l-aċċess għall-korsijiet. Għalkemm ċerti spejjeż jistgħu jiġu mitluba taħt ċerti kundizzjonijiet, in-nuqqas ta’ ħlas tagħhom ma jista’ bl-ebda mod jikkostitwixxi, għall-istudent, raġuni għal sanzjoni bħar-rifjut ta’ reġistrazzjoni jew bħall-esklużjoni. L-elenkar, fl-Artikolu 3 tad-DĠI, tal-ispejjeż esklużi mir-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi ma huwiex eżawrjenti. Fil-fatt, huma kkunsidrati bħala spejjeż skolastiċi biss dawk li jikkundizzjonaw l-ammissjoni stess tal-istudent għall-iskola u għall-programm tagħha. F’dan il-każ, ir-reġistrazzjoni tal-istudenti fl-iskejjel ikkonċernati ma hijiex ikkundizzjonata għall-ħlas ta’ spejjeż ta’ reġistrazzjoni. Il-kontribuzzjonijiet tal-ġenituri lill-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru kkonċernati jkopru l-programm speċifiku taż-żewġ skejjel.
18
Il-Parlament isostni wkoll li, konformement mal-Konklużjoni tal-kapijiet tal-amministrazzjoni Nru 012/77, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-allowance tal-edukazzjoni, l-aġenti għandhom jippreżentaw fattura li tagħmel distinzjoni bejn it-tipi ta’ spejjeż differenti. Il-fatturi u l-attestazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti ma jissodisfawx din il-kundizzjoni u ma jippermettux li tiġi ddeterminata bi preċiżjoni l-allokazzjoni tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mir-rikorrenti.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
19
L-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi b’mod partikolari li, “[s]uġġett għall-kondizzjonijiet imniżżla fid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ l-implimentazzjoni, uffiċjal għandu jirċievi benefiċċju ta’ l-edukazzjoni daqs l-ispejjeż [skolastiċi] vera li jħallas, sa massimu ta’ EUR 260.95 kull xahar għal kull tifel dipendenti […], li jkollu mill-anqas ħames snin u jkun jattendi full-time u regolarment skola primarja jew sekondarja li tieħu l-miżati, jew stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla”.
20
Mill-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-kunċett ta’ “spejjeż [skolastiċi]” jirrigwarda l-ispejjeż relatati mal-attendenza regolari u full-time mill-wild dipendenti tal-uffiċjal ta’ “skola primarja jew sekondarja li tieħu l-miżati”.
21
Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk l-École internationale Le Verseau u l-Athénée Ganenou humiex “skola primarja jew sekondarja li tieħu l-miżati” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.
22
Fl-ewwel lok, huwa paċifiku li, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-Komunità Franċiża, l-edukazzjoni obbligatorja fil-Komunità Franċiża hija bla ħlas u li l-ebda miżata skolastika ma tista’ tiġi mitluba jew riċevuta.
23
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ċ-Ċirkulari Nru 4516 tad-29 ta’ Awwissu 2013 tal-Komunità Franċiża intitolata “Aċċess bla ħlas għall-edukazzjoni obbligatorja” (iktar ’il quddiem iċ-“Ċirkulari Nru 4516”) tipprovdi dan li ġej fil-Kapitolu II intitolat “Ir-regoli applikabbli fil-qasam tal-aċċess bla ħlas għall-edukazzjoni” li jinsab fit-Taqsima A, intitolata “L-ispejjeż li l-iskola ma tistax titlob (Artikoli 100 u 102 tad-digriet tal-24 ta’ Lulju 1997, ‘Missjonijiet’)”:
“Fl-edukazzjoni primarja bħal fl-edukazzjoni sekondarja l-istabbilimenti edukattivi ma jistgħux jitolbu mingħand il-ġenituri l-ħlas ta’ ċerti spejjeż. Dawn jinkludu b’mod partikolari:
1)
Miżata diretta jew indiretta:
L-Artikolu 12(1) tal-liġi tad-29 ta’ Mejju 1959 imsejjħa l-Patt Skolastiku u l-Artikolu 100(1) tad-digriet tal-24 ta’ Lulju 1997 jippreċiżaw li ebda miżata skolastika diretta jew indiretta ma tista’ tinġabar jew tiġi aċċettata.
Fil-prattika:
Dan ifisser b’mod partikolari li stabbiliment edukattiv ma jistax jikkundizzjona reġistrazzjoni għall-ħlas ta’ somma flus, irrispettivament minn jekk hux lill-istabbiliment stess jew lil kwalunkwe korp ieħor ([assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru], klabb soċjali, assoċjazzjoni de facto).”
24
Fit-tieni lok, huwa wkoll paċifiku li, konformement mal-leġiżlazzjoni msemmija fil-punti 22 u 23 hawn fuq, ir-rikorrenti ma kellhomx iħallsu lill-École internationale Le Verseau, lill-Athénée Ganenou jew lil korp terz spejjeż ta’ reġistrazzjoni jew ta’ attendenza għall-ulied dipendenti tagħhom f’dawn l-iskejjel.
25
Fil-fatt, mill-attestazzjonijiet ipprovduti mill-École internationale Le Verseau jirriżulta li “[I]l-kontribuzzjoni għas-sena 2014/2015 […] ser tkun esklużivament allokata għat-tkomplija u għall-iżvilupp tal-programmi pedagoġiċi [tal-imsemmija skola] li fiha [huma] korrettament irreġistrati [l-ulied dipendenti tat-tieni sar-raba’ rikorrenti] u li ma humiex issussidjati mill-Komunità Franċiża”. L-Athénée Ganenou “jikkonferm[a] […] ir-reġistrazzjoni tal-wild [dipendenti tal-ewwel rikorrent] għas-sena 2014/2015”, jindika li “huwa skola ħielsa ssussidjata li tapplika l-programm uffiċjali u sħiħ tal-[Komunità Franċiża]”, isemmi li “[i]l-parteċipazzjoni fil-programm pedagoġiku speċifiku u ta’ edukazzjoni mhux issussidjata tammonta għal EUR 270 kull xahar, għal għaxar xhur fis-sena” u jispeċifika li “[d]awn l-ispejjeż ma jkoprux il-materjal skolastiku u l-kantin, li, it-tnejn li huma, huma mħallsa separatament”.
26
Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-kundizzjoni ta’ “skola primarja jew sekondarja li tieħu l-miżati” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ma hijiex issodisfatta u, għaldaqstant, li r-rikorrenti ma jistgħux jibbenefikaw minn allowance tal-edukazzjoni għall-ulied dipendenti tagħhom irreġistrati, fl-École internationale Le Verseau u fl-Athénée Ganenou, rispettivament.
27
Din il-konklużjoni ma hijiex kontradetta mill-argumenti invokati mir-rikorrenti.
28
Qabel kollox, ir-rikorrenti jsostnu li l-kunċett ta’ “spejjeż [skolastiċi]” jirrigwarda spejjeż sostnuti mill-uffiċjal għall-ulied dipendenti tiegħu fl-iskejjel li joffru l-programm pedagoġiku tal-għażla tagħhom.
29
L-Artikolu 3 tad-DĠI jipprevedi:
“Fil-parametri tal-limiti previsti fl-ewwel u fit-tielet subparagrafi tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-allowance tal-edukazzjoni B tkopri:
a)
l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni u ta’ attendenza fl-istabbilimenti ta’ edukazzjoni[;]
b)
l-ispejjeż ta’ trasport[;]
bl-esklużjoni tal-ispejjeż l-oħra kollha, u b’mod partikolari:
—
tal-ispejjeż obbligatorji bħal ma huma l-ispejjeż għax-xiri ta’ kotba, ta’ materjal skolastiku, ta’ tagħmir sportiv, il-kopertura ta’ assigurazzjoni skolastika u ta’ spejjeż mediċi, l-ispejjeż ta’ eżamijiet, l-ispejjeż sostnuti għal attivitajiet skolastiċi esterni komuni (bħal ma huma l-ħarġiet, iż-żjarat u l-vjaġġi skolastiċi, il-korsijiet sportivi eċċ.), kif ukoll l-ispejjeż l-oħra relatati mat-twettiq tal-programm skolastiku tal-istabbiliment ta’ edukazzjoni li l-istudent jattendi,
—
tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni tal-wild fi vjaġġi organizzati lejn lokalitajiet għall-isports tax-xitwa, lokalitajiet ħdejn il-baħar u lokalitajiet fil-kampanja, kif ukoll f’attivitajiet simili.”
30
Għalhekk għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 3 tad-DĠI, l-ispejjeż skolastiċi jkopru l-“ispejjeż ta’ reġistrazzjoni u ta’ attendenza ta’ stabbilimenti ta’ edukazzjoni”. Issa, kif ifformulati, l-ispejjeż skolastiċi jkopru kemm l-ispejjeż li jippermettu lil student ikollu aċċess għal stabbiliment ta’ edukazzjoni (spejjeż ta’ reġistrazzjoni) kif ukoll l-ispejjeż li jippermettulu jsegwi l-korsijiet u jipparteċipa b’mod utli fil-programmi ta’ dan l-istess stabbiliment (spejjeż ta’ attendenza). (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Bovagnet vs Il‑Kummissjoni, F‑89/10, EU:F:2011:129, punt 23).
31
Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ir-reġistrazzjoni u l-edukazzjoni pprovduta fl-École internationale Le Verseau u fl-Athénée Ganenou lill-ulied dipendenti tar-rikorrenti ma humiex ikkundizzjonati għall-ħlas ta’ somma flus lil dawn l-istabbilimenti jew lil korpi terzi, bħal ma huma assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, li tkopri l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni u ta’ attendenza tal-iskejjel imsemmija. Barra minn hekk, il-każ oppost, kif jirriżulta miċ-Ċirkulari Nru 4516 ma jkunx konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-Komunità Franċiża.
32
Għandu wkoll jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma kkontradixxewx l-osservazzjoni tal-Parlament li n-nuqqas ta’ ħlas tas-somom ikkonċernati lill-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru rispettivi ma jista’ fl-ebda każ jikkostitwixxi, għall-istudent, raġuni għal sanzjoni bħar-rifjut ta’ reġistrazzjoni jew l-esklużjoni.
33
F’dan ir-rigward għandu wkoll isir riferiment għaċ-Ċirkulari Nru 4516 li fiha, fir-rigward tal-ħlas tal-ispejjeż li l-iskola tista’ titlob, bħal ma huma l-ispejjeż għall-“pixxina u [għall-]attivitajiet kulturali u sportivi” huwa stipulat fil-Kapitolu II, taħt it-titolu “Nuqqas ta’ ħlas ta’ spejjeż”, dan li ġej:
“Fil-każ ta’ nuqqas jew ta’ rifjut ta’ ħlas, l-iskola ma tistax la tirrifjuta li tirreġistra jew li tirreġistra mill-ġdid student, la teskludih defenittivament, la tikkastigah u laqas tirrifjuta li tagħtih lura r-rendikont tar-riżultati tiegħu jew id-diploma tiegħu. Skont il-każ, proċedura ta’ talba għal irkupru hija prevista fi ħdan kull waħda mill-awtoritajiet responsabbli.”
34
Minn dan isegwi li l-argument ibbażat fuq il-kunċett ta’ “spejjeż [skolastiċi]” bl-ebda mod ma jibdel il-fatt li, f’dan il-każ, fl-assenza ta’ spejjeż ta’ reġistrazzjoni u ta’ attendenza, l-École internationale Le Verseau u l-Athénée Ganenou ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “skola primarja jew sekondarja li tieħu l-miżati” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.
35
Sussegwentement, ir-rikorrenti josservaw li, peress li l-kunċett ta’ “spejjeż [skolastiċi]” huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-kontenut ta’ dan tal-aħħar ma jistax jiddependi fuq denominazzjonijiet eżistenti jew klassifikazzjonijiet magħmula fuq livell nazzjonali iżda biss fuq in-natura stess tal-ispiża li trid tiġi rrimborsata u tal-komponenti tagħha (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Bovagnet vs Il‑Kummissjoni, F‑89/10, EU:F:2011:129, punt 22).
36
Ir-rikorrenti ġustament josservaw li l-kunċett ta’ “spejjeż [skolastiċi]” huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, u għaldaqstant, li d-denominazzjonijiet jew klassifikazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-ispejjeż skolastiċi ma humiex determinanti. Madankollu, minn dan isegwi wkoll li d-denominazzjoni jew il-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjonijiet mħallsa mill-ġenituri lill-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru kkonċernati ma tibdel xejn mill-fatt li la l-École internationale Le Verseau u lanqas l’Athénée Ganenou ma jitolbu spejjeż ta’ reġistrazzjoni jew ta’ attendenza. Minn dan isegwi neċessarjament li l-kontribuzzjonijiet mitluba mill-imsemmija assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru għall-parteċipazzjoni tal-ulied fil-programm speċifiku u għall-edukazzjoni mhux issussidjata ta’ dawn l-iskejjel ma jistgħux lanqas jirrigwardaw spejjeż ta’ reġistrazzjoni u ta’ attendenza tal-imsemmija skejjel, kif tikkonferma, barra minn hekk, iċ-Ċirkulari Nru 4516. Għalhekk, il-kontribuzzjonijiet mitluba f’dan il-każ minn dawn l-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru ma jistgħux fi kwalunkwe każ jiġu kklassifikati bħala “spejjeż [skolastiċi]” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u kif ippreċiżat fl-Artikolu 3 tad-DĠI.
37
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-ispejjeż esklużi mir-rimbors, elenkati fl-Artikolu 3 tad-DĠI, huma spejjeż estranji għall-attività ta’ edukazzjoni u għalhekk fir-realtà fakultattivi, filwaqt li l-ispejjeż relatati mal-fondi mħallsa mill-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru huma spejjeż li għandhom jitħallsu bil-quddiem, bħala parti mill-miżati ta’ reġistrazzjoni u ta’ attendenza.
38
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 tad-DĠI jagħmel distinzjoni bejn “l-ispejjeż l-oħra kollha”, li dan jeskludi minn kull rimbors u li tagħhom huwa jagħti ċerti eżempji, u l-“ispejjeż ta’ reġistrazzjoni u ta’ attendenza ta’ stabbilimenti ta’ edukazzjoni” kif ukoll l-“ispejjeż ta’ trasport”, li fir-rigward tagħhom huwa possibbli rimbors limitat. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-espressjoni “l-ispejjeż l-oħra kollha” ma tirrigwardax biss “spejjeż estranji għall-attività ta’ edukazzjoni”. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tkopri espressament l-“ispejjeż l-oħra relatati mat-twettiq tal-programm skolastiku tal-istabbiliment ta’ edukazzjoni li l-istudent jattendi”.
39
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ddikjaraw li, fl-École internationale Le Verseau u fl-Athénée Ganenou, l-edukazzjoni obbligatorja kienet ikkompletata permezz ta’ tagħlim li jagħmel parti mill-programm pedagoġiku ta’ kull waħda minn dawn l-iskejjel u li, għal dan il-għan, huma ħallsu lill-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru kkonċernati ammonti li jkopru l-parteċipazzjoni ta’ wliedhom fil-programm speċifiku u ta’ edukazzjoni mhux issussidjata ta’ dawn l-iskejjel.
40
Minn dawn id-dikjarazzjonijiet jirriżulta li, peress li l-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru kkonċernati ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala spejjeż skolastiċi, huma jikkostitwixxu spejjeż iġġenerati minn rekwiżiti u attivitajiet relatati mat-twettiq tal-programm skolastiku, jiġifieri l-parteċipazzjoni tal-ulied fil-programm speċifiku u ta’ edukazzjoni mhux issussidjata tal-iskejjel inkwistjoni, u għandhom jiġu kkunsidrati bħala “spejjeż […] oħra relatati mat-twettiq tal-programm skolastiku tal-istabbiliment ta’ edukazzjoni li l-istudent jattendi” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tad-DĠI, li, skont l-istess dispożizzjoni, ma humiex koperti mill-allowance tal-edukazzjoni B.
41
Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi
– L-argumenti tal-partijiet
42
Skont ir-rikorrenti, il-Parlament tahom garanziji preċiżi li nisslu fihom it-tama li kienu ser jiksbu l-ħlas tal-allowances tal-edukazzjoni inkwantu dawn l-ispejjeż kienu ġew irrimborsati fis-snin preċedenti. Huma jikkontestaw l-argument tal-Parlament li l-allowance tal-edukazzjoni hija suġġetta għal evalwazzjoni annwali. Fil-fehma tagħhom, din hija iktar eżami annwali tal-politika ta’ rimbors tal-ispejjeż skolastiċi, fatt li jwassal sabiex jiġi aċċettat li l-Parlament għandu d-dritt ibiddel radikalment il-pożizzjoni tal-amministrazzjoni fir-rigward ta’ sitwazzjoni purament identika, fatt li jmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali.
43
Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
44
Id-dritt li wieħed jitlob il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jippreżupponi l-konkorrenza ta’ tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, min-naħa ta’ sorsi awtorizzati u affidabbli, għandhom ikunu ngħataw lill-persuna kkonċernata mill-amministrazzjoni. It-tieni nett, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattiva leġittima fil-persuna li lilha dawn huma indirizzati. It-tielet nett, il-garanziji mogħtija għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2002, G vs Il‑Kummissjoni, T‑199/01, EU:T:2002:271, punt 38).
45
F’dan il-każ, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, anki fuq il-preżunzjoni li garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti kienu ġew mogħtija mill-Parlament lir-rikorrenti fir-rigward tar-rimbors tal-kontribuzzjonijiet imħallsa minnhom lill-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru kkonċernati għall-parteċipazzjoni tal-ulied dipendenti tagħhom fil-programm speċifiku u ta’ edukazzjoni mhux issussidjata tal-iskejjel inkwistjoni, tali garanziji ma jkunux osservaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal hekk kif ġie indikat fil-punti 19 sa 41 hawn fuq. Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi ma jista’ jiġi kkonstatat.
46
Fi kwalunkwe każ, mill-atti tal-proċess bl-ebda mod ma jirriżulta li l-amministrazzjoni kienet tat garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti lir-rikorrenti. Il-formola speċifika ppreparata mill-amministrazzjoni għall-iskejjel kellha tippermetti li jiġi stabbilit iktar faċilment, permezz ta’ mistoqsijiet relatati mal-ispejjeż skolastiċi differenti mitluba mill-iskejjel, u fin-nuqqas ta’ fattura ddettaljata min-naħa tagħhom, jekk l-iskejjel kinux talbu spejjeż ta’ reġistrazzjoni u ta’ attendenza li kellhom skont il-każ ikunu suġġetti għal rimbors min-naħa tal-amministrazzjoni. Issa, din il-formola ma wrietx il-ħlas ta’ spejjeż ta’ reġistrazzjoni min-naħa tar-rikorrenti.
47
Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li l-bidla fil-prattika amministrattiva tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa inammissibbli peress li dan ma ġiex imqajjem fl-ilment u għalhekk ma huwiex konformi mar-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment amministrattiv imressaq minn qabel u r-rikors.
48
Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment, fis-sens tal-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u r-rikors sussegwenti teżiġi, taħt piena ta’ inammissibbiltà, li motiv imqajjem quddiem il-qorti tal-Unjoni kien diġà tqajjem fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, sabiex l-Awtorità tal-Ħatra kienet f’pożizzjoni li tkun taf il-kritika li l-persuna kkonċernata għamlet kontra d-deċiżjoni kkontestata (ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2004, Schmitt vs AER, T‑175/03, EU:T:2004:214, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
49
Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba
50
Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet, l-ewwel waħda hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u t-tieni waħda fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
– L-argumenti tal-partijiet
51
Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ir-rikorrenti jsostnu li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika identika għal dik ta’ ġenituri li rċevew, fis-snin preċedenti, ir-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi għall-ulied dipendenti tagħhom irreġistrati fl-iskejjel ikkonċernati kif ukoll għal dik ta’ ġenituri li jaħdmu mal-Kummissjoni Ewropea, li jkomplu jirċievu r-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi għall-ulied dipendenti tagħhom irreġistrati f’dawn l-istess skejjel.
52
Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ir-rikorrenti jsostnu li t-terminu ta’ sitt xhur li għadda bejn it-talba għal rimbors u d-deċiżjonijiet ikkontestati ma huwiex raġonevoli sa fejn l-aġir preċedenti tal-Parlament ma kienx iħalli dubju dwar ir-rimbors tal-ispejjeż inkwistjoni. Barra minn hekk, huma jesprimu dubji dwar l-oġġettività u l-attenzjoni li bihom il-Parlament evalwa l-fatti meta rabat l-għoti tal-allowance tal-edukazzjoni mal-għażla personali ta’ ġenitur fuq il-programm pedagoġiku magħżul għall-wild tiegħu, fatt li jmur kontra l-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u kontra n-natura awtonoma tal-kunċett ta’ “spejjeż [skolastiċi]”.
53
Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
54
Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tielet motiv, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jappartjeni għall-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u li dan jinkiser meta jiġi applikat trattament differenti fir-rigward ta’ żewġ kategoriji ta’ persuni, li s-sitwazzjonijiet fattwali u ġuridiċi tagħhom ma humiex essenzjalment differenti. Għaldaqstant, dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet simili ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti, sakemm tali differenza ma tkunx iġġustifikata oġġettivament. Sabiex tiġi aċċettata, id-differenza għandha tkun iġġustifikata abbażi ta’ kriterju oġġettiv u raġonevoli u għandha tkun proporzjonata mal-għan segwit (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2003, C vs Il‑Kummissjoni, T‑307/00, EU:T:2003:21, punt 48).
55
Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, uffiċjal jew membru tal-persunal temporanju ma jistax jinvoka illegalità sabiex jikseb vantaġġ. Fil-fatt, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha tiġi rrikonċiljata mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità li abbażi tiegħu ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità mwettqa favur xi ħadd ieħor (sentenzi tal-4 ta’ Lulju 1985, Williams vs Il‑Qorti tal-Awdituri, C‑134/84, EU:C:1985:297, punt 14; tat-2 ta’ Ġunju 1994, de Compte vs Il‑Parlament, C‑326/91 P, EU:C:1994:218, punti 51 u 52, u tal-1 ta’ Lulju 2010, Časta vs Il‑Kummissjoni, F‑40/09, EU:F:2010:74, punt 88).
56
Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li l-ewwel motiv ġie miċħud, l-ewwel parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ uffiċjali oħrajn, hija ineffettiva (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2014, Van Asbroeck vs Il‑Parlament, F‑102/12, EU:F:2014:4, punti 37 u 38).
57
Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, għalkemm, skont il-prinċipju ta’ uniċità tas-servizz pubbliku, kif stabbilit fl-Artikolu 9(3) tat-Trattat ta’ Amsterdam, l-uffiċjali kollha tal-Unjoni huma suġġetti għall-istess Regolamenti tal-Persunal, tali prinċipju ma jimplikax li l-istituzzjonijiet għandhom jużaw b’mod identiku s-setgħa diskrezzjonali li ġiet irrikonoxxuta lilhom mir-Regolamenti tal-Persunal peress li, għall-kuntrarju, fil-ġestjoni tal-persunal tagħhom, dawn tal-aħħar igawdu minn “prinċipju ta’ awtonomija” (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, V vs Il‑Parlament, F‑46/09, EU:F:2011:101, punt 135).
58
Għaldaqstant, b’applikazzjoni tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, id-DĠI għandhom jiġu adottati mill-Awtorità tal-Ħatra ta’ kull istituzzjoni u jistgħu għalhekk ivarjaw minn istituzzjoni għall-oħra.
59
Fir-rigward tat-tieni parti tat-tielet motiv, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tal-Unjoni tiżgura l-osservanza tiegħu u li huwa inkorporat bħala komponent tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, mill-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il‑Kummissjoni, T‑394/03, EU:T:2006:111, punt 162).
60
Madankollu, il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, bħala regola ġenerali ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, huwa biss meta d-dewmien eċċessiv jista’ jaffettwa l-kontenut stess tad-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura amministrattiva li n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli jaffettwa l-validità tal-proċedura amministrattiva.
61
F’dan il-każ, mill-eżami tal-ewwel motiv (ara l-punti 19 sa 41 hawn fuq) jirriżulta li, anki jekk jitqies li ż-żmien meħud mill-Parlament sabiex jipproċessa t-talbiet għal rimbors tar-rikorrenti għandu jiġi kkunsidrat bħala eċċessiv, dan ma kellu ebda impatt fuq il-kontenut stess tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Parlament, minħabba ż-żmien eċċessiv li għadda sabiex jipproċessa t-talbiet, iddeċieda li jagħti, b’mod volontarju u eċċezzjonali, l-allowance tal-edukazzjoni għas-sena 2014/2015.
62
Għaldaqstant it-tielet motiv għandu jiġi miċħud ukoll.
63
Konsegwentement, għandhom jiġu miċħuda t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.
Fuq it-talbiet intiżi sabiex il-Parlament jiġi kkundannat iħallas lir-rikorrenti l-allowance tal-edukazzjoni għas-sena 2015/2016
64
Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Parlament iħallas l-allowance tal-edukazzjoni għas-sena 2015/2016
65
Fid-dawl tal-fatt li t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati ġew miċħuda, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar dawn it-talbiet.
66
Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
Fuq l-ispejjeż
67
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.
68
Mir-raġunijiet mogħtija f’din is-sentenza jirriżulta li r-rikorrenti tilfu. Barra minn hekk, il-Parlament, fit-talbiet tiegħu, talab espressament li r-rikorrenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż. Konsegwentement, ir-rikorrenti huma kkundannati għall-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Ir-rikors huwa miċħud.
2)
Irit Azoulay, Andrew Boreham, Mirja Bouchard u Darren Neville huma kkundannati għall-ispejjeż.
Collins
Barents
Passer
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ April 2017.
Firem
( *1 ) * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.