SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)
14 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )
“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/309/15 (AD 11) – Tobba għas-sit ta’ Lussemburgu – Rifjut ta’ ammissjoni għall-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni – Limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa għal numru ristrett ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Responsabbiltà – Dannu morali”
Fil-Kawża T‑609/16,
PB, irrappreżentata minn M. Velardo, avocat,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara u L. Radu Bouyon, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/309/15 (AD 11) – Tobba għas-siti ta’ Lussemburgu u ta’ Ispra (Qasam: Tobba Lussemburgu) tat-28 ta’ Settembru 2015 li r-rikorrenti ma tiġix ammessa għall-eżamijiet ta’ selezzjoni organizzati fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) u, min-naħa l-oħra, għall-kisba ta’ kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament ġarrbet,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),
komposta minn S. Gervasoni (Relatur), President, L. Madise u R. da Silva Passos, Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1
Fis-7 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti applikat għall-kompetizzjoni EPSO/AD/309/15 (AD 11) (iktar ’il quddiem il-“kompetizzjoni”), kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet organizzata sabiex tiġi kkostitwita lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali mediċi għall-Kummissjoni Ewropea fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu).
2
Fl-avviż ta’ kompetizzjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-4 ta’ Ġunju 2015 (ĠU 2015, C 183 A, p. 1, iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kompetizzjoni”), għall-ammissjoni fil-kompetizzjoni kien b’mod partikolari meħtieġ dan li ġej:
“–
Konklużi l-istudji universitarji ta’ mill-anqas 4 snin iċċertifikati b’diploma fil-mediċina rikonoxxut uffiċjalment f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;
kif ukoll
–
[d]iploma ta’ speċjalizzazzjoni medika miksuba wara d-diploma msemmija hawn fuq.
[…]
–
Mill-anqas 12-il sena esperjenza professjonali miksuba wara diploma fil-mediċina f’waħda jew iktar mill-oqsma relatati li ġejjin: […] mediċina tax-xogħol, mediċina ġenerali, mediċina interna, mediċina tropikali, l-ergonomija, kontroll mediku ta’ assenzi minħabba mard, is-saħħa pubblika, psikjatrija, mediċina ta’ emerġenza (għal Ispra biss) jew protezzjoni mir-radjazzjoni.”
3
L-Anness I tal-avviż ta’ kompetizzjoni kien jindika li l-amministraturi li jgħaddu mill-kompetizzjoni kienu ser ikunu responsabbli sabiex iwettqu l-kompiti meħtieġa ta’ uffiċjal mediku tal-istituzzjoni, jiġifieri:
–
eżamijiet mediċi tal-membri tal-persunal u tal-applikanti,
–
eżamijiet u konsultazzjonijiet relatati mas-saħħa okkupazzjonali,
–
opinjonijiet mediċi amministrattivi,
–
kontroll mediku ta’ assenzi minħabba mard,
–
kampanji ta’ promozzjoni tas-saħħa,
–
protezzjoni mir-radjazzjoni,
–
parteċipazzjoni fil-ħidma ta’ diversi fora (saħħa u sikurezza fil-post tax-xogħol, l-invalidità, bord ta’ konsulenti mediċi għolja tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea),
–
tmexxija ta’ tim,
–
żamma ta’ kuntatti ma’ tobba esterni u/jew sptarijiet fl-oqsma speċjalizzati tagħhom,
–
ġestjoni ta’ fajls u ta’ proċeduri amministrattivi.
4
L-Anness III tal-avviż ta’ kompetizzjoni, intitolat “Kriterji tal-Għażla”, kien jipprovdi, fir-rigward tas-sit ta’ Lussemburgu, li, waqt is-selezzjoni bbażata fuq kwalifiki, fl-ewwel fażi tal-kompetizzjoni, il-Bord tal-Għażla kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji li ġejjin:
–
mill-inqas ħames snin esperjenza professjonali li għadha għaddejja fil-qasam tas-saħħa okkupazzjonali;
–
mill-inqas tliet snin esperjenza professjonali ta’ kontroll mediku ta’ assenzi minħabba mard;
–
mill-inqas tliet snin esperjenza professjonali fil-mediċina ġenerali;
–
mill-inqas tliet snin esperjenza professjonali fil-protezzjoni mir-radjazzjoni;
–
mill-inqas tliet snin esperjenza professjonali fil-mediċina interna;
–
mill-inqas sentejn esperjenza professjonali fl-ergonomija;
–
mill-inqas sentejn esperjenza professjonali fis-saħħa pubblika;
–
mill-inqas sentejn esperjenza professjonali fil-psikjatrija;
–
mill-inqas sentejn esperjenza professjonali f’mediċina tropikali;
–
esperjenza professjonali fil-ġestjoni ta’ fajls u ta’ proċeduri amministrattivi fil-qasam mediku;
–
esperjenza professjonali fit-tmexxija ta’ tim mediku;
–
mill-inqas tliet snin esperjenza professjonali f’ambjent internazzjonali jew multikulturali, f’wieħed mill-oqsma li ġejjin: saħħa okkupazzjonali, mediċina ġenerali, mediċina interna, mediċina tropikali, ergonomija, kontroll mediku ta’ assenzi minħabba mard, saħħa pubblika, psikjatrija jew protezzjoni mir-radjazzjoni;
–
għarfien ippruvat tal-Ingliż jew tal-Franċiż (livell minimu meħtieġ: livell B2 tal-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi (CEFR));
–
għarfien ippruvat ta’ mill-inqas waħda mil-lingwi li ġejjin: il-Ġermaniż jew l-Olandiż (livell minimu meħtieġ: livell B2 tal-CEFR.
5
L-avviż ta’ kompetizzjoni kien jispeċifika li s-selezzjoni bbażata fuq kwalifiki kellha titwettaq fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-kandidati fit-tab “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” tal-att tal-kandidatura u li l-Bord tal-Għażla kellu jattribwixxi kriterju ta’ piż (minn 1 sa 3) lil kull kriterju ta’ selezzjoni u kellu jagħti lil kull tweġiba tal-kandidati punteġġ minn 0 sa 4, filwaqt li l-addizzjoni tal-punteġġi mwieżna kellha tippermetti l-identifikazzjoni tal-kandidati li l-profili tagħhom jikkorrispondu l-aħjar għall-funzjonijiet li għandhom jitwettqu.
6
Taħt it-titolu “Jien eliġibbli biex napplika?” tal-avviż ta’ kompetizzjoni, taħt it-titolu “Kundizzjonijiet speċifiċi: Lingwi”, bħala kundizzjonijiet għall-ammissjoni għall-kompetizzjoni, huwa meħtieġ, minn naħa, għal-lingwa prinċipali (lingwa 1), livell minimu C1 f’waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, għat-tieni lingwa (lingwa 2), livell minimu B2 fil-Ġermaniż, fl-Ingliż jew fl-Franċiż, filwaqt li din il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1. Taħt dan l-istess titolu, kien indikat li t-tieni lingwa magħżula kellha tkun il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż u li kien indispensabbli, fl-interess tas-servizz, li r-rekluti l-ġodda jkunu immedjatament operattivi u kapaċi, fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum, li jikkomunikaw b’mod effettiv f’waħda minn dawn il-lingwi, li huma lingwi prinċipali ta’ xogħol tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
7
Mill-att tal-kandidatura jirriżulta li r-rikorrenti, ta’ nazzjonalità Griega, għażlet bħala lingwa prinċipali l-Grieg, li huwa l-ilsien art twelidha, u bħala tieni lingwa l-Ġermaniż, li hija użat sabiex tħejji l-kandidatura tagħha u li hija ddikjarat li l-livell ta’ għarfien tagħha ta’ din il-lingwa huwa tal-istess livell tal-Grieg, jiġifieri “C2 - Utent Profiċjenti”.
8
B’ittra tat-23 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti ġiet informata mill-EPSO li hija kienet tissodisfa l-kriterji ta’ ammissjoni u li hija kienet ġiet aċċettata għall-istadju segwenti tal-kompetizzjoni, li huwa s-selezzjoni abbażi ta’ kwalifiki, jiġifieri l-“Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet”.
9
B’deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-rikorrenti ġiet informata li l-Bord tal-Għażla wettaq analiżi ddettaljata tat-tweġibiet li hija kienet ipprovdiet għall-mistoqsijiet tal-“Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” u attribwixxielha 15-il punt, li ma kienx suffiċjenti sabiex tiġi mistiedna fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, peress li l-limitu minimu meħtieġ għall-ammissjoni għall-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni kien ġie stabbilit għal 18-il punt.
10
Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-2 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrenti ressqet talba għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla.
11
Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-23 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrenti ressqet ilment taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”). F’dan l-ilment, hija kkontestat in-numru ta’ punti li ġew attribwiti lilha mill-Bord tal-Għażla għat-tweġibiet tagħha għal erbgħa mill-mistoqsijiet tal-“Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” li kienu jirrigwardaw il-kriterji ta’ esperjenza professjonali fil-mediċina interna, fil-ġestjoni ta’ fajls u ta’ proċeduri amministrattivi fil-qasam mediku, fit-tmexxija ta’ tim mediku u ta’ esperjenza f’ambjent internazzjonali u multikulturali. Hija kkritikat ukoll il-fatt li hija ma setgħetx tħejji l-att tal-kandidatura tagħha fl-ilsien art twelidha, il-Grieg.
12
B’ittra tal-1 ta’ Frar 2016, l-EPSO ċaħad it-talba għal eżami mill-ġdid, filwaqt li informa lir-rikorrenti li l-Bord tal-Għażla kien ikkonferma d-deċiżjoni tiegħu li ma jinkludihiex fil-lista tal-kandidati mistiedna fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni.
13
B’ittra tal-25 ta’ April 2016, l-Awtorità tal-Ħatra informat lir-rikorrenti li l-ilment tagħha kien ġie miċħud (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”). F’din l-ittra, ġie indikat lir-rikorrenti li hija ma setgħetx tikkontesta, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur għall-preżentata ta’ rikors, il-modalitajiet lingwistiċi tal-kandidatura tagħha stabbiliti fl-avviż ta’ kompetizzjoni u li l-Bord tal-Għażla ma kien wettaq l-ebda żball manifest fl-evalwazzjoni tat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet tal-“Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet”.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
14
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fl-4 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors, inizjalment irreġistrat bin-numru F‑39/16. Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġurisdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016, L 200, p. 137), din il-kawża ġiet ittrasferita lill-Qorti Ġenerali fl-istat li din kienet tinsab fid-data tal-31 ta’ Awwissu 2016. Hija ġiet irreġistrata taħt in-numru T‑609/16 u ġiet allokata lid-Disa’ Awla.
15
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
–
tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
–
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ EUR 10000 bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab;
–
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
16
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
–
tiċħad ir-rikors;
–
tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
Fuq it-talbiet għal annullament
17
Insostenn tat-talbiet imressqa kontra d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi.
18
Permezz tal-ewwel motiv, hija teċċepixxi l-illegalità, skont l-Artikolu 277 TFUE, tal-avviż ta’ kompetizzjoni fid-dawl tal-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-Kunsill Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunitá Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 5), kif emendat, kif ukoll fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, kif jirriżultaw mill-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal. Hija tinvoka b’mod partikolari s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali li kkontestaw il-legalità ta’ avviż ta’ kompetizzjoni li jillimita, bħal f’din it-tilwima, għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż il-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-EPSO (sentenzi tal-24 ta’ Settembru 2015, L-Italja u Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑124/13 u T‑191/13, EU:T:2015:690, punt 60; tas-17 ta’ Diċembru 2015, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑295/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:997, punt 100; tas-17 ta’ Diċembru 2015, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑275/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:1000, punt 44, u tas-17 ta’ Diċembru 2015, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑510/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:1001, punt 50).
19
Permezz tat-tieni motiv, hija tinvoka żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Għażla fl-evalwazzjoni tat-tweġibiet li hija tat għall-mistoqsijiet 5a-5b, 10a-10b, 11a-11b u 12a-12b tat-tab “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” tal-att tal-kandidatura tagħha għall-kompetizzjoni.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra l-avviż ta’ kompetizzjoni
20
Ir-rikorrenti tikkontesta l-argument, inkluż fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, fis-sens li l-kritika tas-sistema lingwistika tal-kompetizzjoni għandha tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba li tressqet direttament kontra l-avviż ta’ kompetizzjoni u minħabba li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ tliet xhur kontra dan l-avviż kien skada fid-data tal-preżentata tal-ilment, jiġifieri fit-23 ta’ Diċembru 2015.
21
Fil-fatt, hija ssostni li l-illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni hija f’dan il-każ allegata permezz ta’ eċċezzjoni insostenn tar-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni li għandha interess tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra s-sistema lingwistika prevista mill-avviż ta’ kompetizzjoni, sa fejn il-possibbiltà tikseb punteġġ aħjar fl-eżamijiet tkun ikbar jekk dawn l-eżamijiet ikunu fl-ilsien ta’ art twelid il-kandidat jew fil-lingwa li tagħha dan tal-aħħar ikollu għarfien tal-istess livell. Ir-rikorrenti żżid li hija kisbet interess ċert tikkontesta l-avviż ta’ kompetizzjoni biss mid-deċiżjoni kkontestata, li pproduċiet effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tagħha peress li tbiddel is-sitwazzjoni legali tagħha.
22
Fl-aħħar nett, fuq il-bażi b’mod partikolari tas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Glantenay et vs Il-Kummissjoni (F‑23/12 u F‑30/12, EU:F:2013:127, punt 65), hija tenfasizza li r-rikors tagħha huwa intiż sabiex jikkontesta l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-istadju tal-“Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet”, kif deskritti fl-avviż ta’ kompetizzjoni, u li, f’dan ir-rigward, hija d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li individwalizzat is-sitwazzjoni legali tagħha u ppermettitilha ssir taf b’ċertezza kif u sa fejn l-interessi partikolari tagħha kienu ġew affettwati. Ir-rikorrenti tikkonkludi għalhekk li teżisti, f’din il-kawża, rabta stretta bejn id-deċiżjoni kkontestata u l-illegalità tal-imsemmija modalitajiet ta’ organizzazzjoni li jirrigwardaw l-“Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet”.
23
Il-Kummissjoni tqis li l-motiv huwa inammissibbli fl-intier tiegħu. L-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti għandha, fil-fatt, tiġi interpretata bħala kontestazzjoni diretta tal-Anness II tal-avviż ta’ kompetizzjoni, li hija kontestazzjoni indipendenti minn kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Għażla fir-rigward tar-rikorrenti matul il-proċedura ta’ kompetizzjoni. Issa, ir-rikorrenti la kkontestat u lanqas ma ppreżentat ilment kontra l-avviż ta’ kompetizzjoni fit-termini stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal.
24
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, sabiex l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ avviż ta’ kompetizzjoni tkun ammissibbli, huwa, fi kwalunkwe każ, neċessarju li l-kandidat jistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta stretta bejn l-allegata illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni u d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni. Tali rabta ma teżistix f’din il-kawża, peress li s-sistema lingwistika tal-kompetizzjoni, ikkontestata mir-rikorrenti, ma hijiex ibbażata fuq id-deċiżjoni kkontestata iżda hija bbażata fuq l-avviż ta’ kompetizzjoni. Ir-rikors għandu jiġi analizzat bħala li jikkontesta l-avviż ta’ kompetizzjoni u, ikklassifikat mill-ġdid b’dan il-mod, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra dan l-avviż.
25
F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti kkontestatx regolarment id-dispożizzjonijiet dwar is-sistema lingwistika tal-avviż ta’ kompetizzjoni.
26
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reklutaġġ, li hija operazzjoni amministrattiva kumplessa komposta minn sensiela ta’ deċiżjonijiet, kandidat għal kompetizzjoni jista’, f’rikors ippreżentat kontra att sussegwenti, jinvoka l-irregolarità tal-atti preċedenti li huma marbuta mill-qrib miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Noonan, C‑448/93 P, EU:C:1995:264, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata), u jinvoka, b’mod partikolari, l-illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni li abbażi tiegħu ttieħed l-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2012, BA vs Il-Kummissjoni, F‑29/11, EU:F:2012:172, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27
Il-fatt li l-avviż ta’ kompetizzjoni ma ġiex ikkontestat fit-termini ma jipprekludix li rikorrent jinvoka irregolaritajiet li seħħew matul l-iżvolġiment tal-kompetizzjoni, anki jekk tali irregolaritajiet joriġinaw mit-test tal-avviż ta’ kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il-Kummissjoni, T‑293/03, EU:T:2006:37, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, kif ġustament issostni r-rikorrenti meta tinvoka s-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2012, Honnefelder vs Il-Kummissjoni (F‑42/11, EU:F:2012:196, punt 36), u tas-16 ta’ Settembru 2013, Glantenay et vs Il-Kummissjoni (F‑23/12 u F‑30/12, EU:F:2013:127, punt 65), rikorrent għandu dritt jinvoka irregolaritajiet li jirrigwardaw il-modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-kompetizzjoni meta jippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni individwali li tiċħad il-kandidatura tiegħu, u dan mingħajr ma jista’ jiġi kkritikat li ma ppreżentax ilment jew rikors, fit-termini, kontra d-deċiżjoni li tispeċifika l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Noonan, C‑448/93 P, EU:C:1995:264, punti 17 sa 19).
28
Iktar preċiżament, meta l-motiv ibbażat fuq l-irregolarità tal-avviż ta’ kompetizzjoni, li ma jkunx ġie kkontestat fil-ħin, jikkonċerna l-motivi tad-deċiżjoni individwali kkontestata, l-ammissibbiltà tar-rikors hija aċċettata mill-ġurisprudenza. Fil-fatt, kandidat għal kompetizzjoni ma jistax jiġi mċaħħad mid-dritt li jikkontesta, fl-elementi kollha tagħha, inklużi dawk iddefiniti fl-avviż ta’ kompetizzjoni, il-fondatezza tad-deċiżjoni individwali adottata fir-rigward tiegħu b’eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet iddefiniti f’dan l-avviż, sa fejn tkun din id-deċiżjoni ta’ applikazzjoni biss li tindividwalizza s-sitwazzjoni legali tiegħu u tippermettilu jsir jaf b’ċertezza kif u sa fejn l-interessi partikolari tiegħu huma affettwati (ara s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il‑Kummissjoni, T‑293/03, EU:T:2006:37, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29
Għall-kuntrarju, fin-nuqqas ta’ rabta stretta bejn il-motivi stess tad-deċiżjoni kkontestata u l-motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni li ma jkunx ġie kkontestat fil-ħin, dan il-motiv tal-aħħar għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, skont ir-regoli ta’ ordni pubbliku dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors, li ma tistax issir deroga minnhom, f’każ bħal dan, mingħajr ma jiġi ppreġudikat il-prinċipju ta’ ċertezza legali (sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il-Kummissjoni, T‑293/03, EU:T:2006:37, punt 42; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2004, Falcone vs Il-Kummissjoni, T‑207/02, EU:T:2004:315, punt 22).
30
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, teżistix rabta stretta bejn il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata u l-motiv ibbażat fuq l-illegalità tad-dispożizzjoni relatata mas-sistema lingwistika inkluża fl-avviż ta’ kompetizzjoni.
31
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, taħt it-titolu “Jien eliġibbli biex napplika?” tal-avviż ta’ kompetizzjoni, taħt it-titolu “Kundizzjonijiet speċifiċi: Lingwi”, bħala kundizzjonijiet ta’ ammissjoni għall-kompetizzjoni, kien meħtieġ, minn naħa, għal-lingwa 1, livell minimu C1 f’waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, għal-lingwa 2, livell minimu B2 fil-Ġermaniż, fl-Ingliż jew fil-Franċiż, filwaqt li din il-lingwa 2 kellha tkun differenti mil-lingwa 1. Barra minn hekk, taħt dan l-istess titolu, kien indikat li “[…]t-tieni lingwa magħżula [kellha] tkun il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż”. Kien indikat, fl-Anness II tal-avviż ta’ kompetizzjoni, li dawn il-lingwi kienu l-lingwi prinċipali ta’ xogħol tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u li kien indispensabbli, fl-interess tas-servizz, li r-rekluti l-ġodda jkunu immedjatament operattivi u kapaċi, fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum, li jikkomunikaw b’mod effettiv f’waħda minn dawn il-lingwi. L-avviż ta’ kompetizzjoni kien jagħmel riferiment, f’dan l-istess anness, għas-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑566/10 P, EU:C:2012:752), u kien jispeċifika li l-att tal-kandidatura kellu jitħejja f’waħda minn dawn il-lingwi. Barra minn hekk, ġie speċifikat, f’dan l-istess anness, li l-lingwa ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-istituzzjoni, inkluż dik għat-tħejjija tal-atti tal-kandidatura, kellha tkun il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż.
32
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma hija bbażata fuq elementi relatati mas-sistema lingwistika tal-kompetizzjoni, iżda hija bbażata biss fuq in-numru insuffiċjenti ta’ punti attribwiti għat-tweġibiet mogħtija mir-rikorrenti taħt it-tab “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet”, li jirrigwardaw l-esperjenza professjonali tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni.
33
Ir-referenza, f’dan ir-rigward, għall-punt 38 tas-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2014, Da Cunha Almeida vs Il-Kummissjoni (F‑5/13, EU:F:2014:176), ma hijiex rilevanti. Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, ir-rikorrent kellu interess iqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra s-sistema lingwistika prevista mill-avviż ta’ kompetizzjoni sa fejn il-possibbiltà li jikseb punteġġ aħjar fl-eżamijiet kienet tkun ikbar kieku dawn l-eżamijiet kienu ppreżentati fl-ilsien ta’ art twelid il-kandidat jew fil-lingwa li tagħha dan tal-aħħar kellu għarfien tal-istess livell. B’mod partikolari, ir-rikorrent kien qiegħed jikkontesta punteġġ insuffiċjenti fit-test ta’ raġunament verbali li huwa kien għamel fit-tieni lingwa tiegħu. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għalhekk ikkunsidra li mis-sistema lingwistika tal-kompetizzjoni kienet irriżultat diskriminazzjoni peress li l-Kummissjoni kienet iffavorixxiet lill-kandidati li kienu iktar komdi f’waħda mit-tliet lingwi li setgħu jintgħażlu bħala t-tieni lingwa meta mqabbla mal-kandidati l-oħra li, għalkemm kellhom l-għarfien lingwistiku meħtieġ mir-Regolamenti tal-Persunal, l-għarfien tagħhom ta’ waħda mil-lingwi tal-kompetizzjoni kien inqas minn dak tal-ewwel kategorija ta’ kandidati.
34
Issa, f’dan il-każ, b’differenza mis-sentenza ċċitata fil-punt 33 iktar ’il fuq, mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li ċ-ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrenti tirriżulta, anki parzjalment, minn xi nuqqas ta’ għarfien tagħha tal-Ġermaniż, li hija l-lingwa li hija għażlet minn fost it-tliet lingwi msemmija iktar ’il fuq għat-tħejjija tal-att tal-kandidatura tagħha.
35
Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti ma tallegax li kellha diffikultajiet fit-tħejjija tal-att tal-kandidatura tagħha bil-Ġermaniż jew li hija kisbet punteġġ ta’ 15-il punt biss minħabba restrizzjonijiet marbuta mat-tħejjija f’din il-lingwa. Hija sempliċement issostni li, bħala regola ġenerali, kandidat li ma għandux l-għażla tal-lingwa li biha huwa jħejji l-att tal-kandidatura tiegħu u li jsib ruħu ristrett, bħalha, juża lingwa oħra li ma tkunx l-ilsien ta’ art twelidu huwa neċessarjament iddiskriminat meta mqabbel mal-kandidati l-oħra li jistgħu liberament jagħżlu waħda mit-tliet lingwi msemmija fl-avviż ta’ kompetizzjoni. Hija ma tindikax għaliex, f’din it-tilwima, it-tħejjija tal-att tal-kandidatura tagħha bil-Ġermaniż ippenalizzatha, u tirrileva biss li ma jistax jiġi eskluż li l-evalwazzjonijiet manifestament żbaljati tal-Bord tal-Għażla kienu kkawżati mill-obbligu tat-tħejjija tal-kandidatura tagħha bil-Ġermaniż. Il-Kummissjoni, ġustament, tenfasizza fuq dan il-punt li r-rikorrenti fl-ebda mument ma tipproduċi elementi konkreti insostenn tal-fatt li, li kieku hija ħejjiet l-att tal-kandidatura tagħha bil-Grieg, hija kien ikollha l-possibbiltà li tiġi mistiedna għall-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni.
36
Min-naħa l-oħra, mill-att tal-kandidatura tar-rikorrenti u b’mod iktar partikolari mit-taqsima “Għarfien lingwistiku” tal-formola tal-kandidatura, jirriżulta li l-livell ta’ Ġermaniż indikat kien għoli ħafna, jiġifieri l-livell C2, li jikkorrispondi għal “Utent Profiċjenti”. Ir-rikorrenti għalhekk irrikonoxxiet hija stess li hija kellha għarfien perfett tal-Ġermaniż. Il-Kummissjoni tirrileva wkoll, mingħajr ma hija kontrodetta, li r-rikorrenti studjat f’università fil-Ġermanja u ħadmet għal iktar minn erbatax-il sena f’dan il-pajjiż. Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti li ċ-ċaħda tal-kandidatura tagħha setgħet irriżultat mill-użu tal-Ġermaniż, tal-Ingliż u tal-Franċiż għat-tħejjija tal-kandidatura, skont l-Anness II tal-avviż ta’ kompetizzjoni, għandu jiġi miċħud.
37
Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, skont il-prinċipji mfakkra mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 26 sa 29 iktar ’il fuq, ma teżistix rabta stretta bejn l-illegalità invokata tal-avviż ta’ kompetizzjoni u l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.
38
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Għażla
39
Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-punteġġ li l-Bord tal-Għażla attribwixxielha fil-kuntest tal-“Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” huwa manifestament żbaljat u li, li kieku l-Bord tal-Għażla kien ħa korrettament inkunsiderazzjoni l-esperjenza u l-kwalifiki tagħha, hija setgħet faċilment tikseb it-tmintax-il punt meħtieġa għall-ammissjoni għall-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni.
40
Mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti jirriżulta b’mod iktar preċiż li t-tieni motiv jinkludi erba’ ilmenti, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza tar-rikorrenti fil-qasam tal-mediċina interna, it-tieni wieħed, fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza tar-rikorrenti fil-ġestjoni ta’ fajls u ta’ proċeduri amministrattivi fil-qasam mediku, it-tielet wieħed, fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza tar-rikorrenti fil-qasam tat-tmexxija ta’ tim mediku u, fl-aħħar nett, ir-raba’ wieħed, fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza tar-rikorrenti f’ambjent internazzjonali u multikulturali.
41
Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom il-Bordijiet tal-Għażla, l-evalwazzjonijiet tagħhom jistgħu jiġu kkunsidrati bħala vvizzjati minn żball manifest biss meta r-rikorrent jipproduċi elementi li jċaħħduhom minn kull plawżibbiltà. Issa, ir-rikorrenti invokat biss il-pożizzjoni personali tagħha dwar il-mod kif il-kwalifiki tagħha kellhom jiġu evalwati, li ma jikkostitwixxix element suffiċjenti.
42
Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Bord tal-Għażla għandu jivverifika li l-kandidati jkollhom l-għarfien u l-esperjenza professjonali neċessarji għall-funzjonijiet relatati mal-pożizzjoni li għandha timtela msemmija fl-avviż ta’ kompetizzjoni inkwistjoni. Huwa għandu jwettaq ukoll eżami komparattiv tal-għarfien u tal-ħiliet tal-kandidati sabiex jinżammu dawk l-iktar adegwati fir-rigward tal-funzjonijiet li għandhom jiġu eżerċitati (ara s-sentenza tal-24 ta’ April 2013, BX vs Il-Kummissjoni, F‑88/11, EU:F:2013:51, punt 39 u l-ġurisprudenza stabbilita).
43
F’dan il-kuntest, il-Bord tal-Għażla għandu jiggarantixxi li l-evalwazzjonijiet tiegħu tal-kandidati kollha eżaminati jitwettqu f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza u ta’ oġġettività u l-kriterji ta’ evalwazzjoni għandhom ikunu uniformi u għandhom jiġu applikati b’mod koerenti għall-kandidati kollha (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2015, Gioria vs Il-Kummissjoni, F‑82/14, EU:F:2015:108, punt 50).
44
F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Għażla għandu setgħa diskrezzjonali, fl-evalwazzjoni tal-esperjenzi professjonali preċedenti tal-kandidati, kemm fir-rigward tan-natura u tat-tul tagħhom kif ukoll fir-rigward tar-rapport xi ftit jew wisq mill-qrib li jistgħu jippreżentaw mar-rekwiżiti tal-pożizzjoni li għandha timtela (sentenzi tal-21 ta’ Novembru 2000, Carrasco Benítez vs Il-Kummissjoni, T‑214/99, EU:T:2000:272, punt 70; tat-28 ta’ Novembru 2002, Pujals Gomis vs Il-Kummissjoni, T‑332/01, EU:T:2002:289, punt 40, u tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il-Kummissjoni, T‑293/03, EU:T:2006:37, punt 65).
45
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali preċedenti tal-kandidati, il-Qorti Ġenerali għandha tivverifika biss li l-eżerċizzju mill-Bord tal-Għażla tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu ma jkunx ġie vvizzjat minn żball manifest (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1990, Gonzalez Holguera vs Il-Parlament, T‑115/89, EU:T:1990:84, punt 54, u tal-11 ta’ Frar 1999, Mertens vs Il-Kummissjoni, T‑244/97, EU:T:1999:27, punt 44), li jċaħħad lid-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla mill-plawżibbiltà tagħha (sentenza tal-24 ta’ April 2013, Demeneix vs Il-Kummissjoni, F‑96/12, EU:F:2013:52, punt 45).
46
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 1990, Burban vs Il-Parlament, T‑133/89, EU:T:1990:36, punti 31 u 34, u tat-28 ta’ Novembru 2002, Pujals Gomis vs Il-Kummissjoni, T‑332/01, EU:T:2002:289, punti 41 sa 44), huwa r-rikorrent li għandu jipprovdi lill-Bord tal-Għażla l-informazzjoni u d-dokumenti kollha li huwa jqis utli għall-eżami, minn dan tal-aħħar, tal-kandidatura tiegħu.
47
Huwa għalhekk li, f’dan il-każ, inġibdet l-attenzjoni tal-kandidati, fil-punt 1.3 tar-Regoli ġenerali li jirregolaw il-kompetizzjonijiet miftuħa (ĠU 2015, C 70 A, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regoli ġenerali”) għall-fatt li, sabiex juru li għandhom l-esperjenza professjonali meħtieġa, huma kellhom jipproduċu d-dokumenti ta’ sostenn bl-indikazzjoni b’mod partikolari tad-dati tal-bidu u tat-tmiem tas-servizzi kif ukoll in-natura tal-funzjonijiet eżerċitati. Barra minn hekk, skont l-istess punt 1.3 tal-avviż ta’ kompetizzjoni, li jirrigwarda l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-kompetizzjonijiet speċjalizzati, kien speċifikat li l-istudji, it-taħriġ, il-perijodi ta’ prova, il-perijodi ta’ prattika, il-kompiti ta’ riċerka u l-esperjenzi professjonali kellhom jiġu deskritti b’mod iddettaljat fl-att tal-kandidatura u kellhom jiġu sostnuti minn dokumenti ta’ sostenn korrispondenti. Il-punti 2.1.4 u 2.1.7 tar-Regoli ġenerali kienu jeżiġu li l-kandidati, sabiex il-Bord tal-Għażla jkun jista’ jivverifika l-korrispondenza bejn il-kundizzjonijiet imsemmija fl-avviż ta’ kompetizzjoni u l-kwalifiki tagħhom, jinkludu informazzjoni rilevanti dwar id-diplomi, l-esperjenza professjonali, ir-raġunijiet għall-applikazzjoni u l-għarfien tal-lingwi tal-Unjoni tal-kandidat u jehmżu d-dokumenti ta’ sostenn mal-att tal-kandidatura tagħhom.
48
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Bord tal-Għażla għandu biss l-obbligu li jieħu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet u s-dokumenti, prodotti mill-kandidat insostenn tal-att tal-kandidatura tiegħu, sabiex jevalwa l-esperjenza professjonali tiegħu fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti għall-kompetizzjoni. Bl-ebda mod ma huwa obbligat li jistieden lill-kandidat jipprovdi dokumenti addizzjonali (sentenzi tas-16 ta’ Settembru 1998, Jouhki vs Il-Kummissjoni, T‑215/97, EU:T:1998:219, punt 58, u tat-28 ta’ Novembru 2002, Pujals Gomis vs Il-Kummissjoni, T‑332/01, EU:T:2002:289, punt 43) jew li jwettaq huwa stess riċerka sabiex jivverifika jekk il-persuna kkonċernata tissodisfax il-kundizzjonijiet kollha tal-avviż ta’ kompetizzjoni (sentenza tat-28 ta’ Novembru 2002, Pujals Gomis vs Il-Kummissjoni, T‑332/01, EU:T:2002:289, punt 43).
49
Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ilmenti mqajma mir-rikorrenti.
– Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali tar-rikorrenti fil-qasam tal-mediċina interna
50
Fir-rigward tal-esperjenza professjonali tagħha fil-qasam tal-mediċina interna, ir-rikorrenti ssostni li mit-taqsima 5, intitolata “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” tal-att tal-kandidatura tagħha, taħt it-titolu “Esperjenza professjonali”, jirriżulta li hija kellha esperjenza professjonali fil-qasam tal-mediċina interna ta’ kważi erbatax-il sena.
51
Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-punt 6 tal-Anness III tal-avviż ta’ kompetizzjoni kien jipprevedi l-attribuzzjoni ta’ punti lill-kandidati li jkollhom esperjenza professjonali ta’ mill-inqas tliet snin fil-mediċina interna.
52
Il-Bord tal-Għażla ddeċieda li ma jagħti l-ebda punt lir-rikorrenti taħt dan it-titolu minħabba, b’mod partikolari, li l-esperjenza professjonali ċċitata fit-taqsima 5 tal-att tal-kandidatura kienet identika għal dik indikata fit-taqsima 3 tal-istess dokument dwar l-esperjenza professjonali fil-mediċina ġenerali, li għaliha r-rikorrenti ġiet attribwita erba’ punti, jiġifieri l-punteġġ massimu. Barra minn hekk, huwa kkonstata li ma kienx hemm biżżejjed informazzjoni addizzjonali li tippermetti li jiġi dedott li din kienet attività professjonali distinta mwettqa matul il-perijodu kkonċernat.
53
Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li mill-att tal-kandidatura jirriżulta li r-rikorrenti ma għandhiex erbatax-il sena esperjenza fil-qasam tal-mediċina interna.
54
Fil-fatt, minn Settembru 1998 sa April 2005, ir-rikorrenti tiddikjara li ħadmet f’istituzzjonijiet mediċi differenti bħala “tabib fil-proċess li tispeċjalizza fil-mediċina interna”. Issa, din l-indikazzjoni waħedha ma ppermettietx lill-Bord tal-Għażla jikkunsidra li r-rikorrenti kellha esperjenza professjonali ta’ mill-inqas tliet snin fil-mediċina interna. Għalhekk, din l-informazzjoni ma tindikax li r-rikorrenti eżerċitat f’din l-okkażjoni l-funzjonijiet kollha ta’ tabib speċjalizzat fil-mediċina interna bħal dawk imsemmija fl-avviż ta’ kompetizzjoni. Il-Bord tal-Għażla seta’, għaldaqstant, iqis li dan il-perijodu ta’ attività ma setax jiġi kkunsidrat bħala perijodu ta’ esperjenza professjonali rilevanti.
55
Fir-rigward tal-perijodu bejn Ġunju 2004 u Ġunju 2012, ir-rikorrenti tindika li hija okkupat il-pożizzjonijiet ta’ “tabib tal-emerġenza/tabib tal-għassa”, ta’ “tabib fid-dipartiment tal-kardjoloġija” u ta’ “tabib li jwettaq funzjonijiet ta’ kap”. Dawn l-indikazzjonijiet ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-attivitajiet eżerċitati mir-rikorrenti matul dan il-perijodu kienu relatati mal-esperjenza professjonali fil-mediċina interna meħtieġa mill-avviż ta’ kompetizzjoni.
56
Għalhekk, l-indikazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti ma jippermettux li dan il-perijodu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tat-tul tal-esperjenza professjonali tagħha għat-taqsima relatata mal-mediċina interna. Fil-fatt, ir-rikorrenti sempliċement tesponi fil-qosor l-esperjenza professjonali kollha tagħha matul dawn l-erbatax-il sena ta’ prattika medika mingħajr ma tispjega fid-dettall liema, mill-attivitajiet tagħha, jaqgħu, mhux taħt il-mediċina ġenerali, iżda taħt il-mediċina interna.
57
Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Għażla ġustament ikkunsidra li r-rikorrenti ma pproduċietx biżżejjed elementi addizzjonali li jippermettu li jiġi dedott li l-esperjenza professjonali indikata fit-taqsima 5 tal-att tal-kandidatura ma kinitx identika għal dik indikata fit-taqsima 3 tal-istess dokument.
58
Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li l-Bord tal-Għażla ġustament iddeċieda li ma setax, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, jieħu inkunsiderazzjoni l-istess attività professjonali mwettaq matul l-istess perijodu taħt żewġ taqsimiet differenti.
59
Għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Għażla seta’, mingħajr ma jwettaq żball manifest, jikkunsidra li l-esperjenza professjonali tar-rikorrenti ma kinitx tiġġustifika, minbarra l-għoti tal-punteġġ massimu għall-esperjenza professjonali fil-mediċina ġenerali, punti addizzjonali għall-esperjenza professjonali tagħha fil-mediċina interna.
60
Konsegwentement, l-ewwel ilment tal-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.
– Fuq it-tieni ilment, ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali tar-rikorrenti fil-ġestjoni ta’ fajls u ta’ proċeduri amministrattivi fil-qasam mediku
61
Fir-rigward tat-taqsima 10 tal-att tal-kandidatura tagħha u b’mod partikolari tal-“Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet”, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Għażla, b’mod żbaljat, ma kkunsidrax l-esperjenza professjonali tagħha fil-ġestjoni ta’ fajls u ta’ proċeduri amministrattivi fil-qasam mediku.
62
Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-aħħar inċiż tal-Anness I u l-punt 11 tal-Anness III tal-avviż ta’ kompetizzjoni kienu jipprevedu l-attribuzzjoni ta’ punti lill-kandidati li għandhom esperjenza professjonali fil-ġestjoni ta’ fajls u ta’ proċeduri amministrattivi fil-qasam mediku.
63
Insostenn tal-argument tagħha, ir-rikorrenti ssostni li mit-taqsima 10b tal-att tal-kandidatura tagħha jirriżulta li hija għandha esperjenza professjonali ta’ iktar minn erba’ snin fil-qasam tal-ġestjoni ta’ fajls u ta’ proċeduri amministrattivi fil-qasam mediku.
64
Madankollu, il-fajl tal-kandidatura tar-rikorrenti ma jindikax li hija kellha, fil-mument meta ppreżentat l-att tal-kandidatura tagħha, l-esperjenza professjonali xierqa.
65
Fil-fatt, l-esperjenzi enfasizzati fl-att tal-kandidatura tar-rikorrenti bejn Ġunju 2001 u Settembru 2006, li jirrigwardaw it-taħriġ tagħha fil-mediċina interna, l-esperjenza tagħha fil-mediċina ta’ emerġenza u fil-kardjoloġija, ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jagħtuha l-esperjenza meħtieġa.
66
Għandu jiġi osservat, barra minn hekk, li r-rikorrenti tindika fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha li mill-att tal-kandidatura jirriżulta li hija stabbilita bħala tabib indipendenti sa mill-2014 u, għaldaqstant, tamministra hija stess il-fajls u l-proċeduri amministrattivi tagħha, b’mod partikolari waqt l-eżamijiet mediċi annwali għall-persuni li jimpjegaw. Madankollu, id-dettalji pprovduti mir-rikorrenti, fuq dan il-punt, jirrigwardaw biss sempliċi kompiti inerenti għall-attività prinċipali fil-qasam tal-mediċina. Anki jekk jiġi aċċettat li setgħet taqa’ fil-qasam imsemmi mill-avviż ta’ kompetizzjoni tali attività, fi kwalunkwe każ, ma tattribwixxix lir-rikorrenti l-esperjenza professjonali meħtieġa f’dan il-qasam.
67
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva, ġustament, li l-esperjenza professjonali ċċitata fit-taqsima 10 tal-att tal-kandidatura kienet l-istess bħal dik indikata fit-taqsimiet 3 u 5 tal-istess dokument, peress li din kienet tirrigwarda l-istess perijodu u inkisbet mal-istess persuni li jimpjegaw. Għaldaqstant, din l-esperjenza ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni taħt taqsimiet differenti.
68
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Għażla seta’, mingħajr ma jwettaq żball manifest, jikkunsidra li l-esperjenza professjonali tar-rikorrenti ma kinitx tikkorrispondi għal esperjenza professjonali rilevanti fil-qasam tal-ġestjoni ta’ fajls u ta’ proċeduri amministrattivi fil-qasam mediku.
69
It-tieni ilment tat-tieni motiv għandu għalhekk jiġi miċħud.
– Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali tar-rikorrenti fit-tmexxija ta’ tim mediku
70
Fir-rigward tat-taqsima 11 tal-att tal-kandidatura u b’mod partikolari tal-“Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet”, ir-rikorrenti tenfasizza li hija kellha, meta ppreżentat il-kandidatura tagħha, erba’ snin esperjenza professjonali fit-tmexxija ta’ tim mediku.
71
Qabelxejn, għandu jitfakkar li d-disa’ inċiż tal-Anness I u l-punt 12 tal-Anness III tal-avviż ta’ kompetizzjoni kienu jipprevedu l-attribuzzjoni ta’ punti lill-kandidati li għandhom esperjenza professjonali fit-tmexxija ta’ tim mediku.
72
Il-Bord tal-Għażla ddeċieda li ma jagħti l-ebda punt lir-rikorrenti minħabba li l-att tal-kandidatura ma kienx suffiċjentement iddettaljat u, b’mod partikolari, minħabba li r-rikorrenti ma kinitx ipproduċiet elementi dwar ir-rwol tagħha, ir-responsabbiltajiet tagħha u l-persuni li hija kienet tmexxi.
73
Madankollu, mill-att tal-kandidatura tar-rikorrenti jirriżulta b’mod ċar li t-tweġiba tagħha għat-taqsima kkonċernata inkludiet id-dettalji li jippermettu li jiġi stabbilit li hija kellha esperjenza professjonali fit-tmexxija ta’ tim mediku. Kuntrarjament għal dak iddikjarat mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti indikat, fit-tweġiba tagħha, ir-rwol tagħha, ir-responsabbiltajiet tagħha u l-persuni li hija kienet tmexxi.
74
Fil-fatt, l-ewwel nett, ir-rikorrenti speċifikat li okkupat pożizzjoni ta’ Funktionsoberärztin minn Marzu 2008 sa Ġunju 2012 fil-Klinikum Mutterhaus der Borromäerinnen (iċ-Ċentru Mediku Prinċipali tas-Sorijiet tal-Karità ta’ San Borromeo) ta’ Trier (il-Ġermanja), jiġifieri pożizzjoni b’responsabbiltà partikolari f’dan l-isptar. It-tieni nett, hija esponiet ir-responsabbiltajiet tagħha billi indikat li, f’dan l-isptar, hija kienet amministrat is-servizz tal-pacemakers u qattgħet sitt xhur fid-dipartiment tal-onkoloġija. It-tielet nett, hija speċifikat fit-tweġiba tagħha t-tip ta’ persuni li hija kienet tmexxi, jiġifieri “tobba li qegħdin jispeċjalizzaw”.
75
Fir-rigward tal-pożizzjoni ta’ Funktionsoberärztin, okkupata minn Marzu 2008 sa Ġunju 2012, li r-rikorrenti tiddeskrivi bħala pożizzjoni ta’ “tabib li jwettaq funzjonijiet ta’ kap”, il-Kummissjoni ssostni fil-kontroreplika, b’riferiment għal artiklu akkademiku Ġermaniż, li Funktionsoberärztin ma jfissirx “tabib li jwettaq funzjonijiet ta’ kap” u li ma teżistix deskrizzjoni ddefinita tajjeb tal-kompiti mwettqa minn Funktionsoberärztin fl-isptarijiet Ġermaniżi. Issa, mill-qari tal-artiklu prodott mill-Kummissjoni jirriżulta li tali pożizzjoni tista’ tiġi ddefinita b’żewġ modi. Minn naħa, il-Funktionsoberärztin jista’ jokkupa r-rwol ta’ konsulent taħt is-superviżjoni ta’ tobba b’iktar esperjenza. Min-naħa l-oħra, f’ċerti sptarijiet Ġermaniżi, ir-rwol ta’ Funktionsoberärztin jista’ jikkorrispondi għal rwol ta’ “tabib ta’ livell għoli” bir-responsabbiltajiet kollha li jakkumpanjaw dan it-titolu. Issa, mir-risposti tar-rikorrenti jirriżulta li, f’dan il-każ, hija tinsab iktar fit-tieni kategorija, jiġifieri ta’ tabib li għandu r-responsabbiltà, jekk mhux ta’ “kap”, tal-inqas tat-tmexxija ta’ tim jew ta’ tabib b’responsabbiltajiet partikolari.
76
L-attività professjonali eżerċitata f’dan iż-żmien mir-rikorrenti kienet tikkorrispondi għalhekk għat-tip ta’ esperjenza professjonali mitluba fil-kuntest tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, din l-informazzjoni turi li r-rikorrenti eżerċitat f’din l-okkażjoni funzjonijiet ta’ tmexxija ta’ tim mediku bħal dawk deskritti fl-imsemmi avviż. Il-Kummissjoni ma tikkontestax barra minn hekk li r-rikorrenti ssorveljat tobba li qegħdin jispeċjalizzaw, jew li amministrat is-servizz tal-pacemakers, iżda tikkontesta biss il-portata tal-formulazzjoni tal-pożizzjoni okkupata mir-rikorrenti. Minbarra dan, la l-Bord tal-Għażla, la l-EPSO u lanqas il-Kummissjoni ma kienu kkontestaw id-definizzjoni stess tal-Funktionsoberärztin, la fir-risposta għat-talba għal eżami mill-ġdid, la fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment u lanqas fir-risposta.
77
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Għażla tat-tweġibiet tar-rikorrenti għall-mistoqsija 11 tal-“Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” hija vvizzjata minn żball manifest.
78
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet ilment tat-tieni motiv għandu jintlaqa’.
– Fuq ir-raba’ ilment, ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali tar-rikorrenti f’ambjent internazzjonali jew multikulturali
79
Fir-rigward tat-taqsima 12 tal-att tal-kandidatura u b’mod partikolari tal-“Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet”, ir-rikorrenti tenfasizza li hija kellha, meta ppreżentat il-kandidatura tagħha, minn tal-inqas tliet snin esperjenza professjonali f’ambjent internazzjonali jew multikulturali.
80
Qabelxejn, għandu jiġi speċifikat li l-punt 13 tal-Anness III tal-avviż ta’ kompetizzjoni kien jipprevedi l-attribuzzjoni ta’ punti lill-kandidati li għandhom esperjenza professjonali ta’ mill-inqas tliet snin f’ambjent internazzjonali jew multikulturali f’wieħed minn dawn l-oqsma li ġejjin: saħħa okkupazzjonali, mediċina ġenerali, mediċina interna, mediċina tropikali, ergonomija, kontroll mediku ta’ assenzi minħabba mard, saħħa pubblika, psikjatrija jew protezzjoni mir-radjazzjoni.
81
Il-Bord tal-Għażla ddeċieda li ma jagħti l-ebda punt lir-rikorrenti minħabba li mill-att tal-kandidatura kien jirriżulta li r-rikorrenti kienet ħadmet f’ambjent monolingwistiku (il-Ġermaniż), li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala esperjenza rilevanti.
82
Mill-att tal-kandidatura tar-rikorrenti jirriżulta li hija okkupat pożizzjonijiet ta’ tabib tal-għassa, ta’ tabib tal-emerġenza u ta’ tabib fil-proċess li tispeċjalizza fil-mediċina interna f’diversi istituzzjonijiet mediċi Ġermaniżi, b’mod partikolari fis-servizz ta’ għassa ta’ Trier, fl-isptar universitarju ta’ Mannheim (il-Ġermanja) u anki mas-Salib l-Aħmar Ġermaniż. Barra minn hekk, hija tispeċifika li, “matul it-taħriġ tagħha fil-mediċina interna mwettaq fl-isptarijiet fil-Ġermanja, [hija] ħadmet f’ambjent internazzjonali u multikulturali”.
83
Dawn l-indikazzjonijiet ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-attività eżerċitata mir-rikorrenti matul dan il-perijodu tista’ titqies bħala esperjenza professjonali f’ambjent multikulturali u internazzjonali.
84
Għalkemm ir-rikorrenti tenfasizza, fil-punt 52 tar-rikors, li fis-snin li qattgħet fi sptarijiet fil-Ġermanja hija kienet f’timijiet mediċi internazzjonali u multikulturali, dawn l-elementi ma jidhrux fl-att tal-kandidatura tagħha. Barra minn hekk, anki jekk jiġi aċċettat li t-taħriġ universitarju u l-esperjenza professjonali tar-rikorrenti fil-Ġermanja jikkostitwixxu esperjenza multikulturali minħabba l-oriġini Griega tal-persuna kkonċernata, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din l-esperjenza ma jfissirx li għandha esperjenza professjonali internazzjonali suffiċjenti fil-kuntest ta’ din il-kompetizzjoni. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-esperjenza miksuba mill-kandidati fi sptarijiet nazzjonali ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, peress li sptar ma jikkostitwixxix ambjent ta’ xogħol internazzjonali u multikulturali. Fi kwalunkwe każ, jekk ir-rikorrenti kienet ħadmet f’ambjent internazzjonali matul dan il-perijodu, hija kellha tindika dan fl-att tal-kandidatura tagħha.
85
Fir-rigward tal-perijodu ta’ xogħol imwettaq mir-rikorrenti fl-isptar tal-Lussemburgu, il-Bord tal-Għażla ma wettaq l-ebda żball manifest meta naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni din l-esperjenza, peress li din l-attività ma ssemmietx fit-tweġiba għall-mistoqsija 12 tal-“Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet”. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 1990, Burban vs Il-Parlament, T‑133/89, EU:T:1990:36, punti 31 u 34, u tat-28 ta’ Novembru 2002, Pujals Gomis vs Il-Kummissjoni, T‑332/01, EU:T:2002:289, punti 41 sa 44), huwa l-kandidat għal kompetizzjoni li għandu jipprovdi lill-Bord tal-Għażla l-informazzjoni u d-dokumenti kollha li huwa jqis utli għall-eżami tal-kandidatura. Barra minn hekk, kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, kienet inġibdet l-attenzjoni tal-kandidati, fil-punt 2.4 tar-Regoli ġenerali, dwar il-fatt li “[l]-għażla [saret] biss fuq il-bażi tat-tweġibiet mogħtija għal mistoqsijiet speċifiċi fit-tab ‘talent screener’ tal-formola tal-applikazzjoni onlajn”. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-rikorrenti ma tistax tindika l-esperjenza tagħha fil-Lussemburgu bħala perijodu ta’ esperjenza professjonali internazzjonali jew multikulturali sabiex tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla.
86
Għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Għażla seta’, mingħajr ma jwettaq żball manifest, jikkunsidra li r-rikorrenti ma kinitx kisbet esperjenza professjonali f’ambjent multikulturali jew internazzjonali kif intiż mill-avviż ta’ kompetizzjoni.
87
Konsegwentement, ir-raba’ ilment tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud.
88
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, kif ukoll mill-eżami tat-tielet ilment, jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla tat-tweġibiet tar-rikorrenti għall-mistoqsija 11 tal-“Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” hija manifestament żbaljata. Żball bħal dan, li kien jirrigwarda taqsima li permezz tagħha l-kandidati setgħu jiksbu massimu ta’ 8 punti, kien ta’ natura li jxekkel l-evalwazzjoni globali mwettqa mill-Bord tal-Għażla tal-esperjenza tar-rikorrenti, li huwa rifless fil-punteġġ finali li din kisbet permezz tal-mistoqsijiet kollha magħmula f’dan il-kuntest. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li, fl-assenza ta’ dan l-iżball, ir-rikorrenti setgħet tilħaq il-limitu ta’ 18-il punt li jippermetti li tiġi mistiedna tipparteċipa fl-eżamijiet l-oħra tal-kompetizzjoni.
89
Għalhekk, it-tieni motiv għandu jintlaqa’ sa dan il-punt u, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.
Fuq it-talbiet għal kumpens
90
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ EUR 10000 bħala kumpens għad-dannu morali li hija tqis li ġarrbet. Il-Kummissjoni tirribatti li, fl-assenza ta’ illegalità li tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata, dawn it-talbiet għandhom jiġu miċħuda. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li din id-deċiżjoni hija illegali, l-annullament tagħha jkun biżżejjed bħala kumpens għad-dannu morali allegat.
91
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu l-kumpens xieraq u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2004, Montalto vs Il-Kunsill, T‑116/03, EU:T:2004:325, punt 127; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1987, Hochbaum u Rawes vs Il-Kummissjoni, 44/85, 77/85, 294/85 u 295/85, EU:C:1987:348, punt 22).
92
Madankollu, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu kumpens xieraq meta, minn naħa, l-att ikkontestat jinkludi evalwazzjoni espressament negattiva tal-kapaċitajiet tar-rikorrent li jistgħu jikkawżawlu preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il-Kummissjoni, C‑343/87, EU:C:1990:49, punti 27 sa 29; tat-23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs I-Kummissjoni, T‑197/98, EU:T:2000:86, punt 98, u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Cwik vs Il-Kummissjoni, T‑155/03, T‑157/03 u T‑331/03, EU:T:2005:447, punti 205 u 206) u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrent juri li ġarrab dannu morali distint mill-illegalità li hija l-bażi tal-annullament u li ma jistax jiġi kkumpensat b’mod sħiħ b’dan l-annullament (sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2006:148, punt 131, u tad-19 ta’ Novembru 2009, Michail vs Il-Kummissjoni, T‑49/08 P, EU:T:2009:456, punt 88).
93
Minn naħa, għandu jiġi eżaminat għalhekk jekk, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata tinkludix evalwazzjoni negattiva li tista’ tippreġudika lir-rikorrenti.
94
L-ewwel nett, fir-rigward tat-taqsima 5 tal-att tal-kandidatura, dwar l-esperjenza tar-rikorrenti fil-mediċina interna, il-Bord tal-Għażla indika li “l-istess esperjenza professjonali ma [setgħetx] tittieħed inkunsiderazzjoni darbtejn”. It-tieni nett, fir-rigward tat-taqsima 10 tal-istess dokument, dwar l-esperjenza tar-rikorrenti fil-ġestjoni ta’ fajls u ta’ proċeduri amministrattivi fil-qasam mediku, il-Bord tal-Għażla speċifika li “ma kienx hemm biżżejjed indikazzjonijiet sabiex [huwa] ikun jista’ […] jasal għall-konklużjoni li kienet attività professjonali distinta eżerċitata matul il-perijodu kkonċernat”. It-tielet nett, fir-rigward tat-taqsima 11 ta’ dan id-dokument, il-Bord tal-Għażla rrileva li“l-informazzjoni ma kinitx iddettaljata biżżejjed”. Fl-aħħar, fir-raba’ nett, fir-rigward tat-taqsima 12 tal-imsemmi dokument, huwa qies li “il-fatt li taħdem f’ambjent monolingwistiku (il-Ġermaniż) ma [kienx] ġie kkunsidrat bħala esperjenza rilevanti”.
95
Għalhekk, anki jekk jiġi aċċettat li l-punteġġ mogħti mill-Bord tal-Għażla seta’ kkawża lir-rikorrenti sentiment ta’ inġustizzja, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla ma tinkludi l-ebda tip ta’ evalwazzjoni negattiva li tista’ tagħmel ħsara jew tippreġudika r-reputazzjoni tagħha.
96
Konsegwentement, dawn l-evalwazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma espressament negattivi fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq.
97
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-eżistenza ta’ dannu morali distint mill-att li huwa l-bażi tal-annullament, għandu jiġi kkonstatat li d-dannu morali mġarrab mir-rikorrenti jirriżulta direttament mill-esklużjoni irregolari tagħha mill-kompetizzjoni. Dan huwa konsegwenza diretta tal-iżball manifest imwettaq mill-Bord tal-Għażla u ma jikkostitwixxix dannu distint mill-illegalità li hija l-bażi tal-annullament. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda element speċifiku li jista’ jistabbilixxi li tali dannu huwa distint mill-imsemmija illegalità.
98
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li kwalunkwe dannu morali li setgħet ġarrbet ir-rikorrenti minħabba l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata huwa kkumpensat b’mod xieraq u suffiċjenti permezz tal-annullament tagħha.
99
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda.
100
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors għandu jintlaqa’ sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u l-kumplament tiegħu għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
101
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.
102
Peress li l-Kummissjoni tilfet il-parti l-kbira tat-talbiet tagħha, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Id-deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2015 li permezz tagħha l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/309/15 (AD 11) – Tobba għas-siti tal-Lussemburgu u ta’ Ispra (Qasam: Tobba Lussemburgu) irrifjuta li jammetti lil PB għall-eżamijiet ta’ selezzjoni organizzati fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) hija annullata.
2)
Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3)
Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.
Gervasoni
Madise
da Silva Passos
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Diċembru 2017.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.