29.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 78/34
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Jannar 2016 – De Masi vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-11/16)
(2016/C 078/47)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrent: Fabio De Masi (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: Prof. A. Fischer-Lescano)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tad-9 ta’ Diċembru 2015 dwar talba għal aċċess għad-dokumenti tal-grupp Code of Conduct;
—
tannulla d-deċizjoni tal-konvenuta dwar l-aċċess restrittiv għad-dokumenti tal-grupp Code of Conduct tad-9 ta’ Novembru 2015;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-kawża u tal-eventwali intervenjenti skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrent jibbaża r-rikors tiegħu fuq erba’ motivi, fejn tnejn minnhom huma ppreżentati kontra d-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2015 u t-tnejn l-oħra huma ppreżentati kontra d-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2015:
—
Fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2015
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (1)
Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2015 tikser id-dritt għal deċiżjoni xierqa dwar it-talba konfermattiva tiegħu, dritt mogħti lilu mid-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(3) TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001
Minbarra dan ir-rikorrent jafferma li meta rrifjutatlu kwalunkwe aċċess għad-dokumenti li l-konvenuta ħarġet fir-rigward tal-grupp “kodiċi ta’ kondotta” (fiskalità tal-impriżi) stabbilit mill-Kunsill, il-Kummissjoni kisret ukoll id-dritt tiegħu li jikkonsulta d-dokumenti tagħha, dritt li huwa ggarantit lilu miż-żewġ dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.
—
Fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2015
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artiklu 230 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 10(2) TUE kkunsidrati fid-dawl tal-obbligi ta’ informazzjoni
Ir-rikorrent jallega li d-dritt primarju jagħtih, fil-kwalità tiegħu bħala membru tal-Parlament Ewropew, dritt suġġettiv ta’ aċċess sħiħ għad-dokumenti sa fejn dawn huma neċessarji għall-eżerċizzju tal-istħarriġ parlamentari.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-ftehim qafas interistituzzjonali fuq ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni
Fl-aħħar nett ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2015 minbarra dan tikser il-ftehim qafas interistituzzjonali msemmi iktar ’il fuq, li fl-applikazzjoni tiegħu l-iskop tal-Artikolu 230 TFUE, jiġifieri aċċess daqstant wiesgħa daqs kemm huwa possibbli għad-dokumenti, għandu jiġi osservat.
(1) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).
Full & Egal Universal Law Academy