7.3.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 90/23
Rikors ippreżentat fit-8 ta’ jannar 2016 – Apimab Laboratories et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-14/16)
(2016/C 090/32)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Apimab Laboratoires (Clermont-l’Hérault, Franza), Sarl BBI – Blanche Bresson Institut (Barbentane, Franza), Institut de recherche biologique – IRB (Montaigu, Franza), Laboratoires Arkopharma (Carros, Franza), Laboratoires Juva Santé (Pariġi, Franza), Ortis (Bütgenbach, il-Belġju), Pierre Fabre Médicament (Boulogne-Billancourt, Franza), Pollenergie (Saint-Hilaire-de-Lusignan, Franza) (rappreżentant: A. de Brosses, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
taqta’ u tiddeċiedi li r-Regolament Nru 2015/1933, tad-27 ta’ Ottubru 2015 ġie adottat mingħajr ebda konsultazzjoni minn qabel mal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel u, għaldaqstant, bi ksur tal-proċedura applikabbli għall-adozzjoni tiegħu;
—
taqta’ u tiddeċiedi li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta adottat ir-Regolament Nru 2015/1993 mingħajr evalwazzjoni xjentifika tar-riskju, bi ksur tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 178/2002;
—
taqta’ u tiddeċiedi li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi llimitat, fir-Regolament Nru 2015/1933 tas-27 ta’ Ottubru 2015, il-livelli massimi ta’ benżo(a)piren f’ċerti dans certains supplimenti tal-ikel għal 10 mikrogrammi jekk użat waħdu jew għal 50 mikrogrammi jekk imħallat ma’ sustanzi oħra;
—
taqta’ u tiddeċiedi li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi llimitat, fir-Regolament Nru 2015/1933 tas-27 ta’ Ottubru 2015, il-livelli massimi ta’ benżo(a)piren f’ċerti supplimenti tal-ikel għal 10 mikrogrammi jekk użat waħdu jew għal 50 mikrogrammi jekk imħallat ma’ sustanzi oħra;
—
taqta’ u tiddeċiedi li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, billi llimitat, fir-Regolament Nru 2015/1933 tas-27 ta’ Ottubru 2015, il-livelli massimi ta’ benżo(a)piren f’ċerti supplimenti tal-ikel għal 10 mikrogrammi jekk użat waħdu jew għal 50 mikrogrammi jekk imħallat ma’ sustanzi oħra.
Konsegwentement:
—
tannulla r-Regolament Nru 2015/1933, tas-27 ta’ Ottubru 2015, għal dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar is-supplimenti tal-ikel;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tar-regoli ta’ proċedura li jirriżultaw mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93, tat-8 ta’ Frar 1993, li jistabblixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (iktar ’il quddiem ir-“regolament qafas”), waqt l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/1933, tas-27 ta’ Ottubru 2015, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi ta’ idrokarburi aromatiċi poliċikliċi fil-fibra tal-kawkaw, fiċ-ċipps tal-banana, fis-supplimenti tal-ikel, fil-ħxejjex aromatiċi mnixxfin u fil-ħwawar imnixxfin (iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni waqt l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat u fuq il-ksur tal-Artikolu 2 tar-regolament qafas, li jiġġustifika l-annullament tar-regolament ikkontestat minħabba nuqqas ta’ bażi legali.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni, inkwantu hija ma kkonsultatx lill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel u ma wettqet ebda evalwazzjoni xjentifika minn qabel, u dan jikser ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 178/2002 li jimponi evalwazzjoni tar-riskji minn qabel.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, inkwantu r-regolament ikkontestat huwa bbażat b’mod impliċitu fuq il-konstatazzjoni li l-konsumatur jibla’ kwantitajiet simili ta’ idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (HAP) permezz tas-supplimenti tal-ikel bħalma jibla’ permezz tal-ikel normali, iżda dan ma huwiex il-każ.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu l-iffissar tal-livelli massimi ta’ HAP imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika.
6.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, inkwantu r-regolament ikkontestat ma ħax inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn is-supplimenti tal-ikel u prodotti oħra tal-ikel, billi ffissa l-livelli massimi ta’ HAP f’konformità mat-tip ta’ prodott ta’ ikel ikkonċernat.
Full & Egal Universal Law Academy