5.9.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 326/29
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Lulju 2016 – MS vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-17/16)
(2016/C 326/51)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: MS (Castries, Franza) (rappreżentanti: L. Levi u M. Vandenbussche, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;
konsegwentement:
—
tirrikonoxxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni Ewropea abbażi tal-Artikolu 268 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE;
—
tordna l-produzzjoni tad-dokumenti ddikjarati kunfidenzjali mill-Kummissjoni u li jikkostitwixxu s-sostenn meħtieġ mid-deċiżjoni ta’ tkeċċija;
—
tordna l-kumpens għad-dannu morali li jirriżulta mill-aġir illegali tal-Kummissjoni, evalwat ex aequo et bono għal EUR 20 000;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tippubblika ittra ta’ apoloġija lir-rikorrent u li tintegrah fi ħdan Team Europe;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni li jikkostitwixxu ksur serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi li jinvolvu r-responsabbiltà extrakuntrattwali tal-Kummissjoni. Fl-ewwel lok, ir-rikorrent iqis li l-Kummissjoni ma kinitx infurmatu regolarment dwar l-allegazzjonijiet u l-provi mressqa kontrih u ma tagħtux l-opportunità li jagħmel b’mod utli l-osservazzjonijiet tiegħu fuqhom qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, bi ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-prinċipji ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, tar-rispett għad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 16 tal-Kodiċi Ewropew ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma eżaminatx b’attenzjoni u b’imparzjalità il-provi rilevanti kollha tal-każ qabel ma ddeċidiet dwar it-tkeċċija tar-rikorrent min-netwerk Team Europe, bi ksur tal-prinċipju ta’ diliġenza stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta u tal-Artikoli 8, 9 u 11 tal-Kodiċi. Meta għamlet dan, il-Kummissjoni kisret ukoll il-preżunzjoni tal-innoċenza tar-rikorrent stabbilit fl-Artikolu 48 tal-Karta. Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni ma kinitx immotivat b’mod regolari d-deċiżjoni tagħha, u indikat allegazzjonijiet vagi u, barra minn hekk, ineżatti, bi ksur tal-Artikolu 41(2) tal-Karta u l-Artikolu 18 tal-Kodiċi. Fl-aħħar lok, id-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni kienet manifestament infondata u sproporzjonata fiċ-ċirkustanzi tal-każ.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq id-dannu reali u ċert li r-rikorrent issubixxa li ġej mill-aġir ikkritikat tal-Kummissjoni, li jikkontesta l-integrità morali u professjonali tar-rikorrent.