29.3.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 111/29
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Jannar 2016 – Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-26/16)
(2016/C 111/35)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: G. Kanellopoulos, O. Tsirkinidou u A. Ev. Basilopoulou)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni, ikkontestata, tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Novembru 2015, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), innotifikata bin-numru C(2015) 7716 (ĠU L 303, 20.11.2015, p. 35), fil-parti fejn jiġu imposti fuq ir-Repubblika Ellenika b’riżultat tal-verifiki IR/2009/004/GR u IR/2009/0017/GR rettifiki finanzjarji una tantum u fil-forma ta’ somma f’daqqa minħabba dewmien fil-proċeduri ta’ rkupru, talli ma pprovdietx informazzjoni u, b’mod ġenerali, minħabba nuqqasijiet fil-proċedura ta’ ġestjoni tad-dejn għal total ta’ EUR 11 534 827,97, flimkien mal-ispjegazzjonijiet annessi mal-istess proċedura; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
B’mod partikolari, fir-rigward tar-rettifika finanzjarja fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ 10 % imposta għas-sena finanzjarja 2011, ir-Repubblika Ellenika tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali għall-impożizzjoni ta’ rettifiki finanzjarji fil-forma ta’ somma f’daqqa.
2.
It-tieni motiv, fir-rigward tal-allegat dewmien fil-proċedura ta’ rkupru, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, fuq it-tempestività tal-azzjoni amministrattiva tal-Kummissjoni u fi kwalunkwe każ fuq ksur tat-terminu raġonevoli għall-imsemmija azzjoni, fejn jiġi kkritikat il-fatt li l-impożizzjoni ta’ rettifiki fl-2015, għal nuqqasijiet fis-sistema ta’ verifika relatati ma’ każijiet li jippreċedu saħansitra s-sena 2000, wara konstatazzjonijiet preżunti għall-ewwel darba fl-2011, li lilhom il-Kummissjoni attribwiet importanza sproporzjonata, jiksru d-drittijiet tad-difiża tal-awtoritajiet Griegi.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq allegati nuqqasijiet fil-proċedura ta’ rkupru permezz ta’ tpaċija, inkwantu d-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija għal kollox nieqsa minn motivazzjoni suffiċjenti u ddefinita, u fi kwalunkwe każ ingħatat abbażi ta’ żball evidenti ta’ evalwazzjoni.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32(1) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 (1) fir-rigward tal-kalkolu, fil-fehma tal-Kummissjoni żbaljat, tal-interessi llikwidati konformement mal-kriterju tal-50/50 imsemmi fl-Artikolu 31(5) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 u fuq in-nuqqas ta’ konformità konsegwenti tagħhom mal-Anness III.
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kumplament tad-deċiżjoni ta’ implementazzjoni kkontestata tal-Kummissjoni, dwar l-impożizzjoni ta’ rettifiki una tantum fil-każ ta’ fatti speċifiċi suġġetti għal verifika, jitressaq il-ħames motiv, li, wara li saru osservazzjonijiet preliminari fuq il-każijiet kollha, jirreferi b’mod separat għal kull waħda mir-rettifiki imposti, u huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, fuq l-indeterminatezza, fuq in-nuqqas totali ta’ motivazzjoni suffiċjenti u ddefinita, fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni moltepliċi tal-Kummissjoni, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalità u fuq il-ksur tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fl-impożizzjoni tal-ammonti kontenzjużi fuq ir-Repubblika Ellenika.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 209, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy