14.3.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 98/57
Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Jannar 2015 – Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-32/16)
(2016/C 098/73)
Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Ċeka (rappreżentanti: M. Smolek, J. Vláčil, aġenti)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2098, tat-13 ta’ Novembru 2015, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), sa fejn din teskludi infiq li jammonta għal EUR 584 299,25 sostnut mir-Repubblika Ċeka, u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni.
—
Il-Kummissjoni ddeċidiet li teskludi l-infiq mill-finanzjament tal-Unjoni minkejja li ma kienx hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali. Fil-fatt, il-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li l-applikazzjoni ta’ età massima iżgħar fil-każ ta’ appoġġ għal irtirar kmieni kienet teħtieġ bidla fil-programm għall-żvilupp rurali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.
2.
Fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali ma tiqax l-ewwel motiv, ir-rikorrenti tressaq it-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013.
—
Anki jekk l-applikazzjoni ta’ età massima iżgħar fil-każ ta’ appoġġ għal irtirar kmieni mingħajr bidla fil-programm għall-żvilupp rurali kienet tikkostitwixxi ksur tar-Regolament Nru 1698/2005 (quod non), il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-gravità ta’ dan il-ksur u tad-dannu finanzjarju sostnut mill-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, il-gravità tal-eventwali ksur hija minima u l-Unjoni Ewropea ma sofriet ebda dannu finanzjarju.
Full & Egal Universal Law Academy