18.4.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 136/36
Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Jannar 2016 – TestBioTech vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-33/16)
(2016/C 136/51)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: TestBioTech (München, il-Ġermanja) (rappreżentanti: K. Smith, QC, J. Stevenson, barrister, R. Stein, solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Novembru 2015, li ċaħdet it-talba tar-rikorrenti għal reviżjoni interna tad-Deċiżjonijiet ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/686 (1), (UE) 2015/696 (2) u (UE) 2015/698 (3) tal-24 ta’ April 2015 li jagħtu tliet awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq taħt ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament IĠM”) lil Monsanto jew lil Pioneer għall-fażola tas-sojja ġenetikament immodifikati tagħhom MON 87769, MON 87705 u/jew 305423;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tar-rikorrenti; u
—
tordna kull miżura oħra xierqa.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament ta’ Aarhus (5) moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) u (g) u l-premessi 11 u 18 sa 21 tal-istess regolament, inkwantu kkonkludiet li l-maġġoranza assoluta tar-reviżjonijiet interni kienu relatati ma’ affarijiet li kienu jaqgħu barra mill-portata tar-Regolament ta’ Aarhus.
—
Organizzazzjoni nongovernattiva eliġibbli għandha d-dritt li tressaq talba għal reviżjoni interna ta’ att amministrattiv adottat taħt id-dritt ambjentali. Ir-Regolament IĠM jikkostitwixxi att li jaqa’ taħt dan id-dritt. Konsegwentement, l-organizzazzjoni tista’ titlob reviżjoni ta’ kull att amministrattiv magħmul taħt dan ir-regolament, inkluża awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq.
—
Fid-dawl kemm tat-termini, tas-suġġett u tal-għan tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, tal-25 ta’ Ġunju 1988 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (UNECE), u tar-Regolament ta’ Aarhus, kif ukoll tal-Linji Gwida għall-implementazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ma hemm l-ebda bażi għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li tista’ tifframmenta deċiżjonijiet adottati taħt ir-Regolament IĠM fis-sens li jaqgħu kemm taħt il-portata u kif ukoll barra mill-portata tar-Regolament ta’ Aarhus.
—
L-organiżmi ġenetikament immodifikati huma elementi tal-ambjent. L-argument tal-Kummissjoni li l-impatt ta’ tali organiżmi fuq is-saħħa tal-bniedem ma huwiex kwistjoni ambjentali u għaldaqstant ma huwiex kopert mir-Regolament ta’ Aarhus huwa essenzjalment żbaljat.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament ta’ Aarhus minħabba n-nuqqas tagħha li twieġeb it-talba għal reviżjoni interna, imressqa fid-29 ta’ Mejju 2015, qabel is-16 ta’ Novembru 2015.
—
Il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fis-16 ta’ Novembru 2015, erbgħa u għoxrin ġimgħa wara li tressqet it-talba għal reviżjoni interna. Il-Kummissjoni naqset milli tipprovdi spjegazzjoni adegwata għalfejn kisret ir-rekwiżit normali li tingħata tweġiba fi tnax-il ġimgħa u, fi kwalunkwe każ, naqset milli tissodisfa t-terminu assolut li twieġeb fi tmintax-il ġimgħa.
(1) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/686, tal-24 ta’ April 2015, li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jkun fihom, li jkunu jikkonsistu jew li jkunu prodotti mill-fażola tas-sojja MON 87769 (MON-87769-7) modifikata ġenetikament skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 112, p. 16).
(2) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/696, tal-24 ta’ April 2015, li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew huma prodotti mill-fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON87705 (MON-877Ø5-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 112, p. 60).
(3) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/698, tal-24 ta’ April 2015, li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew huma prodotti mill-fażola tas-sojja modifikata ġenetikament 305423 (DP-3Ø5423-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 112, p. 71).
(4) Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 432)
(5) Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 264, p. 13).
Full & Egal Universal Law Academy