4.4.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 118/32
Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Jannar 2016 – Ir-Repubblika tal-Litwanja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-34/16)
(2016/C 118/37)
Lingwa tal-kawża: il-Litwan
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Litwanja (rappreżentanti: D. Kriaučiūnas, R. Krasuckaitė u T. Orlickas, li qed jaġixxu bħala aġenti)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2098, tat-13 ta’ Novembru 2015, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (notifikata bid-dokument C(2015) 7716) sa fejn din id-deċiżjoni tipprevedi li tiġi applikata għal-Litwanja korrezzjoni finanzjarja ta’ EUR 1 113 589,65;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, applikat flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn, meta ddeċidiet li tapplika korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 %, il-Kummissjoni:
—
naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dannu speċifiku u preċiż ikkawżat lill-Unjoni Ewropea ġie stabbilit minħabba l-ewwel u r-raba’ każijiet ta’ ksur ikkonstatati mill-Kummissjoni; għalhekk, fir-rigward ta’ dawn il-każijiet ta’ ksur, il-Kummissjoni messha stabbilixxiet biss korrezzjoni finanzjarja ta’ darba u ma messhiex ħadet inkunsiderazzjoni iktar dawn il-każijiet ta’ ksur flimkien ma’ każijiet ta’ ksur oħra meta fittxet li tistabbilixxi jekk kienx hemm riskju sinjifikattiv ta’ telf finanzjarju għall-Fond;
—
iddifferenzjat indebitament bejn każijiet ta’ ksur li kienu marbuta direttament u b’hekk ħolqot artifiċjalment allegat riskju sinjifikattiv għall-Fond;
—
iddeterminat b’mod żbaljat u ħadet inkunsiderazzjoni b’mod żbaljat, meta evalwat il-każijiet l-oħra ta’ ksur ikkonstatati minnha, il-portata tad-diskrepanza, in-natura tal-każijiet ta’ ksur u d-dannu finanzjarju kkawżat lill-Unjoni Ewropea;
—
applikat b’mod mhux xieraq korrezzjoni finanzjarja eċċessiva ta’ 5 % għall-2011 għaliex, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura tal-każijiet ta’ ksur ikkonstatati mill-Kummissjoni u ċirkustanzi oħra, ir-riskju ta’ telf li jirriżulta minn dawn il-fatturi għall-Fond ma kienx sinjifikattiv;
—
applikat b’mod mhux xieraq korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % għall-2012 għaliex l-applikazzjoni tagħha hija prevista biss f’każijiet fejn jirriżulta li jkun hemm riskju sinjifikattiv ta’ telf għall-Fond, minkejja li l-verifiki mwettqa mir-Repubblika tal-Litwanja u l-informazzjoni pprovduta stabbilixxew li n-numru, il-portata u n-natura tad-diskrepanzi stabbiliti għall-2012 u r-riskju li rriżulta għall-Fond huma sinjifikattivament iktar baxxi meta mqabbla mad-diskrepanzi stabbiliti fl-2011; għaldaqstant, seta’ nħoloq biss riskju finanzjarju żgħir għall-Fond.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 41 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid, sa fejn il-Kummissjoni ma adottatx il-pożizzjoni li verifiki fuq il-post ta’ annimali ovini u bovini setgħu jseħħu f’mumenti differenti, bir-riżultat li dak il-ksur partikolari ma huwiex daqshekk sinjifikattiv daqskemm tindika l-Kummissjoni.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE, sa fejn, meta ddeċidiet li tapplika korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 %, il-Kummissjoni:
—
naqset milli tipprovdi motivazzjoni adegwata għal, u milli tissostanzja, il-każijiet ta’ ksur jew in-natura ta’ tali każijiet ta’ ksur u r-riskju li rriżulta għall-Fond;
—
ma pprovdietx raġunijiet għalfejn id-diskrepanzi stabbiliti fl-2011 u fl-2012 għall-finijiet li tiġi applikata l-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % ġew evalwati flimkien minkejja li n-numru u n-natura tagħhom kienu kunsiderevolment differenti kull sena, u, fi kwalunkwe każ, ma pprovdiet ebda raġuni konvinċenti għalfejn għandha tiġi imposta korrezzjoni b’rata fissa uniformi ta’ 5 % għad-diskrepanzi stabbiliti fl-2012 u għal dawk stabbiliti fl-2011.
Full & Egal Universal Law Academy