14.3.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 98/58
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Frar 2016 – Sigma Orionis vs REA
(Kawża T-47/16)
(2016/C 098/74)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Sigma Orionis SA (Valbonne, Franza) (rappreżentanti: S. Orlandi u T. Martin, avukati)
Konvenuta: L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA)
Talbiet
—
tiddikjara li l-REA naqset milli tosserva l-obbligi kuntrattwali tagħha li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ sussidju H2020 billi ssospendiet il-ħlasijiet kollha dovuti lir-rikorrenti abbażi ta’ rapport ta’ investigazzjoni tal-OLAF li tfassal illegalment,
—
sussidjarjament, tordna l-ħatra ta’ espert sabiex jiġu ddeterminati s-sommom inkontestabbilment dovuti lir-rikorrenti abbażi tal-kuntratt ta’ sussidji inkwistjoni.
Konsegwentement, tikkundanna lill-konvenuta:
—
għall-ħlas tas-sommom dovuti abbażi tal-kuntratt ta’ sussidju H2020, jiġifieri EUR 425 406,25, miżjuda, skont l-Artikolu 21.11.1, bl-interessi moratorji kkalkolati mid-data ta’ meta s-sommom saru dovuti, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, miżjuda bi 3,5 punti,
—
tikkumpensa lir-rikorrenti għad-dannu addizjonali li hija sofriet, evalwat, f’dan l-istadju, għal EUR 1 500 000 bla ħsara għal żieda jew tnaqqis fil-mori tal-kawża,
—
għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) ma tistax tibbaża ruħha fuq rapport ta’ investigazzjoni stabbilit permezz ta’ provi miġbura illegalment sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li tissospendi l-pagamenti dovuti lir-rikorrenti u dan, fl-intier tagħhom. Ir-rikorrenti ssostni, f’dan is-sens, li sa fejn ir-REA bbażat ruħha fuq provi miġbura illegalment, kemm is-sospensjoni tal-ħlasijiet kif ukoll ix-xoljiment tal-kuntratti ta’ sussidju huma illegali.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-konklużjoni tad-diversi rapporti tekniċi ta’ verifika kienet, mingħajr eċċezzjoni, li r-rikorrenti kienet tuża r-riżorsi skont il-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effiċjenza u ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. Minn dan jirriżulta li r-REA ma tistax tallega li kkonstatat b’mod validu li fil-kuntest ta’ sussidji oħra r-rikorrenti wettqet irregolaritajiet li huma tali li jiġġustifikaw jew ix-xoljiment jew is-sospensjoni tal-pagamenti kollha fil-kuntratti ta’ sussidju inkwistjoni. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni fil-ftehimiet ta’ sussidju hija l-unika forma ta’ finanzjament tar-rikorrenti u mingħajr ebda dubju l-assenza ta’ proġetti Ewropej ġodda twassalha għall-falliment.
Full & Egal Universal Law Academy