25.4.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 145/29
Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Frar 2016 – L-Ungerija vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-50/16)
(2016/C 145/36)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Partijiet
Rikorrenti: L-Ungerija (rappreżentanti: M. Fehér u G. Koós, aġenti)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Novembru 2015 dwar ir-reġistrazzjoni tal-inizzjattiva ċittadina “Wake up Europe! Agir pour préserver le projet démocratique européen”;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(4) TUE, tal-punt 1 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 (1) mill-Kummissjoni fir-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini inkwistjoni. Fil-fatt ir-rikorrenti tqis li l-ftuħ ta’ proċedura skont l-Artikolu 7 TUE, li hija simili għal proċedura għal konstatazzjoni ta’ nuqqas, ma jistax jitqies li huwa att tad-dritt tal-Unjoni neċessarju għall-implementazzjoni tat-Trattati. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, l-inizjattiva taċ-ċittadini għandha tkun intiża sabiex il-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva ta’ att taħt id-dritt tal-Unjoni bil-għan li timmaterjalizza ruħha b’mod pożittiv fil-leġiżlazzjoni l-ġdida inkorporata fid-dritt tal-Unjoni.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ amministrazzjoni tajba sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha. Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li peress li l-Kummissjoni, permezz tad-deċiżjoni inkwistjoni, eskludiet radikalment il-prassi preċedenti tagħha fil-qasam tar-reġistrazzjoni tal-inizjattivi taċ-ċittadini, l-inizjattivi preċedenti u l-inizjattivi possibbli futuri, minħabba din l-inkoerenza u din il-kontradizzjoni, ma humiex se jkunu suġġetti għal evalwazzjoni indaqs.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TFUE mill-Kummissjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha. Minn naħa, il-Kummissjoni preċedentement ħadet pożizzjoni fis-sens li ċ-ċirkustanzi sabiex tinbeda proċedura kontra l-Ungerija skont l-Artikolu 7 ma ġewx issodisfatti, filwaqt li d-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini tgħaddi l-messaġġ li l-Kummissjoni ma teskludix in-natura fondata tal-inizjattiva inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, konformement ma’ dan il-prinċipju, jmissha informat lill-Ungerija dwar l-eżistenza ta’ inizjattiva li tirrigwardaha direttament u jmissha offritilha l-possibbiltà li tinvoka l-argumenti tagħha f’dan ir-rigward.
(1) Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy