29.3.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 111/35
Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Frar 2016 – Oil Pension Fund Investment Company vs Il-Kunsill
(Kawża T-56/16)
(2016/C 111/42)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Oil Pension Fund Investment Company (Tehran, l-Iran) (rappreżentant: K. Kleinschmidt, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla, b’effett immedjat, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2216, tat-30 ta’ Novembru 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, kif ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2204 tat-30 ta’ Novembru 2015 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012, sa fejn dawn l-atti ġuridiċi jikkonċernaw lir-rikorrenti;
—
tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tordna lill-konvenut jipproduċi d-dokumenti kollha marbuta mad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti;
—
tinkludi l-proċess tal-kawża Oil Pension Fund Investment Company vs Il-Kunsill (T-121/13, ECLI:EU:T:2015:645);
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE
Ir-rikorrenti hija tal-fehma li, skont l-Artikolu 266 TFUE, il-Kunsill huwa pprojbit milli jadotta atti ġuridiċi li għandhom l-istess kontenut bħal dawk tal-21 ta’ Diċembru 2012, li ġew annullati permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża Oil Pension Fund Investment Company vs Il-Kunsill (T-121/13, ECLI:EU:T:2015:645).
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti, kif ukoll ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni
F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tilmenta li ma kienx hemm konsultazzjoni regolari u li hija ma tħallietx taċċedi għall-proċess. Il-motivazzjoni fl-atti ġuridiċi kkontestati, skont ir-rikorrenti, ma tinftiehemx. Minħabba f’hekk, id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti ġew miksura. Inkiser ukoll id-dritt għal smigħ. Barra minn hekk, qed jiġi sostnut li l-Kunsill ma eżaminax korrettament iċ-ċirkustanzi li jirrigwardaw lir-rikorrenti. Ir-rikorrenti hija tal-fehma li ġiet miċħuda smigħ xieraq skont il-prinċipji tal-istat tad-dritt minħabba li, fin-nuqqas ta’ għarfien tal-akkużi fir-rigward tagħha u tal-provi prodotti mill-Kunsill, ma setgħetx tesprimi ruħha dwarhom b’mod konkret u lanqas tipproduċi eventwali provi kontra dan fil-kawża.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, nuqqas ta’ eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali jew eżerċizzju żbaljat tas-setgħa diskrezzjonali u ksur tal-prinċipju ta’proporzjonalità
Skont ir-rikorrenti, il-Kunsill wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta adotta l-atti ġuridiċi kkontestati. Il-Kunsill ma kkomunikax b’mod suffiċjenti, u/jew ikkomunika b’mod żbaljat, il-fatti li abbażi tagħhom ġew adottati l-atti ġuridiċi kkontestati. F’dan il-kuntest qed jiġi sostnut, fost l-oħrajn, li l-motivi msemmija fl-atti ġuridiċi kkontestati fir-rigward tar-rikorrenti għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi huma infondati. L-atti ġuridiċi kkontestati jiksru, barra minn hekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
F’dan il-motiv, ir-rikorrenti ssosnti li d-drittijiet tagħha ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”) ġew miksura permezz tal-atti ġuridiċi kkontestati. F’dan ir-rigward, hija tinvoka ksur tal-libertà tal-intrapriża fl-Unjoni Ewropea (Artikolu 16 tal-Karta), u d-dritt għat-tgawdija fl-Unjoni Ewropea tal-proprjetà akkwistata legalment u, b’mod partikolari, li tiddisponi minnha liberament (Artikolu 17 tal-Karta). Minbarra dan, ir-rikorrenti tallega ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (Artikolu 20 tal-Karta) u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (Artikolu 21 tal-Karta).
Full & Egal Universal Law Academy