2.5.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 156/49
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2016 – E-Control vs ACER
(Kawża T-63/16)
(2016/C 156/67)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Energie-Control Austria für die Regulierung der Elektrizitäts- und Erdgaswirtschaft (E-Control) (Vjenna, l-Awstrija) (rappreżentant: F. Schuhmacher, avukat)
Konvenuta: L-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER)
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-ACER tas-16 ta’ Diċembru 2015, fil-Każ A-001-2015; u
—
tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż tal-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-formalitajiet essenzjali.
Xi formalitajiet essenzjali nkisru fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri, id-dritt proċedurali fundamentali ta’ E-Control li tikkontesta l-legalità tal-opinjoni tal-ACER Nru 09/2015, tat-23 ta’ Settembru 2015, dwar il-konformità tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ta’ regolazzjoni nazzjonali li japprovaw il-metodi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità ta’ trażmissjoni transkonfinali fir-reġjuni tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant mar-Regolament (KE) Nru 714/2009 (1) u l-linji gwida dwar it-tmexxija u l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ trasmissjoni disponibbli ta’ interkonnessjonijiet bejn sistemi nazzjonali stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem l-“Opinjoni”) u d-dritt tagħha li ssemma’ l-perspettiva legali tagħha.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi meta ddeċieda li l-Opinjoni ma tikkostitwix deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 (2).
Il-Bord tal-Appell tal-ACER wettaq żball ta’ liġi meta kkunsidra li l-appell ta’ E-Control kontra l-Opinjoni tal-ACER huwa inammissibbli għaliex din ma tikkostitwix deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 713/2009, u b’hekk ċaħħad lil E-Control mid-dritt tal-appell. L-Opinjoni suġġetta għall-appell tikkostitwixxi deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 għaliex tipproduċi effetti legali diretti fuq E-Control. B’hekk jeżisti dritt ta’ appell u l-Bord tal-Appell kellu jeżamina l-appell ta’ E-Control fil-mertu.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni xierqa.
Il-Bord tal-Appell tal-ACER ma mmotivax id-deċiżjoni kkontestata b’mod xieraq għaliex fil-prinċipju l-evalwazzjoni legali tiegħu tillimita ruħha biex tikkonstata li l-Opinjoni tikkostitwixxi miżura intermedjarja u stadju preparatorju fid-dawl ta’ eventwali azzjonijiet supplimentari tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq eżami tal-argumenti legali ta’ E-Control u ma fihiex motivazzjoni xierqa tal-opinjonijiet (eventwalment kuntrarji) tal-Bord tal-Appell tal-ACER.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-prinċipji legali rilevanti.
Il-Bord tal-Appell illimita l-evalwazzjoni legali tiegħu tar-rikors ta’ E-Control għall-konklużjoni li tgħid li l-Opinjoni tal-ACER tikkostitwixxi miżura provviżorja u intermedjarja u biss statdju preparatorju fid-dawl ta’ eventwali azzjonijiet futuri tal-Kummissjoni. B’hekk, skont il-Bord tal-Appell tal-ACER, bħala miżura intermedjarja, l-Opinjoni ma tistax tkun is-suġġett ta’ appell. Din l-opinjoni legali hija żbaljata. L-Opinjoni tikkostitwixxi att awtonomu, definittiv u iżolat ta’ aġenzija tal-Unjoni Ewropea u, konsegwentement, bħala tali, hija suġġetta għal rikors għal annullament u b’hekk għal appell, konformement mal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 713/2009. Kieku l-Bord tal-Appell applika korrettement il-prinċipji legali rilevanti, kien jannulla l-Opinjoni.
(1) Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU L 211, p. 15).
(2) Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 211, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy