10.5.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 165/14
Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Frar 2016 – Ateknea Solutions Catalonia vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-69/16)
(2016/C 165/15)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Ateknea Solutions Catalonia, SA (Barcelona, Spanja) (rappreżentanti: M. Troncoso Ferrer, C. Ruixó Claramunt u S. Moya Izquierdo, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara l-azzjoni ammissibbli u fondata;
—
tiddikjara li l-Kummissjoni kisret l-obbligi kuntrattwali tagħha u tordnalha tħallas lir-rikorrenti s-somma totali ta’ EUR 1 634 990,62 (li tikkorrispondi għal (i) EUR 943 046,54 minħabba dikjarazzjoni tal-ispejjeż ta’ CTT bħala konsultenti interni, flimkien mal-ispejjeż indiretti rispettivi; (ii) EUR 96 358,10 bħala danni llikwidati mitluba illegalment; u (iii) EUR 595 585,98 bħala danni kuntrattwali), miżjuda bl-interessi taħt l-Artikolu II.28.7 tal-Kuntratt bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament, kif ippubblikat fis-serje Ċ tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar tad-data tal-iskadenza, miżjuda bi tliet punti perċentwali u nofs sal-ħlas komplut u sħiħ;
—
sussidjarjament, tordna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti s-somma totali ta’ EUR 1 303 303,98 (li tikkorrispondi għal (i) EUR 753 533,00 minħabba dikjarazzjoni tal-ispejjeż ta’ CTT bħala riżorsi ta’ partijiet terzi, flimkien mal-ispejjeż indiretti rispettivi, (ii) EUR 73 873,27 bħala danni llikwidati mitluba illegalment, u (iii) EUR 475 897,71 bħala danni kuntrattwali), miżjuda bl-interessi taħt l-Artikolu II.28.7 tal-Kuntratt bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament, kif ippubblikat fis-serje Ċ tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar tad-data tal-iskadenza, miżjuda bi tliet punti perċentwali u nofs sal-ħlas komplut u sħiħ; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikors imressaq mir-rikorrenti huwa bbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE fir-rigward tal-klawżola ta’ arbitraġġ inkluża f’diversi kuntratti ffirmati bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tas-Sitt Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (“PQ 6”).
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni manifesti fir-rigward tal-fatti li jwasslu għal ksur tal-Kundizzjonijiet Ġenerali applikabbli għal kuntratti PQ 6 u l-Gwidi Finanzjarji.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji li jirregolaw l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti mill-Kummissjoni, jiġifieri l-prinċipju ta’ bona fide u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
Full & Egal Universal Law Academy