4.4.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 118/41
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2016 – Vereniging Gelijkberechtiging Grondbezitters et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-79/16)
(2016/C 118/48)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Rikorrenti: Vereniging Gelijkberechtiging Grondbezitters (Hoenderloo, il-Pajjiżi l-Baxxi) u 21 rikorrent ieħor (rappreżentanti: H. Viaene, D. Gillet u T. Ruys, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara r-rikors għal annullament ammissibbli;
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-2 ta’ Settembru 2015, dwar għajnuna mill-Istat preżunta illegali rigward l-akkwist issussidjat jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni bla ħlas ta’ żona naturali [Għajnuna mill-Istat SA.27301 (2015/NN) – il-Pajjiżi l-Baxxi] kif ukoll iċ-ċaħda impliċita tal-ilment tal-Vereniging Gelijkberechtiging Grondbezitters;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali previsti fl-Artikolu 108(2) TFUE. Il-Kummissjoni ma setgħetx tkun fil-pożizzjoni, fi tmiem l-investigazzjoni preliminari, li tiddikjara b’ċertezza suffiċjenti l-ammissibbiltà tal-għajnuna, u dan minħabba l-aspetti li ġejjin:
—
tul eċċezzjonalment twil tal-investigazzjoni preliminari;
—
korrispondenza frekwenti bejn il-partijiet ikkonċernati matul l-investigazzjoni preliminari;
—
il-fatt li l-miżuri ta’ għajnuna approvati permezz tad-deċiżjoni ġew issostitwiti b’miżuri ta’ għajnuna oħra matul l-investigazzjoni preliminari;
—
il-kontenut tal-miżuri ta’ għajnuna l-ġodda li ġew approvati mill-Kummissjoni.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali
Il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ ċertezza legali minħabba li applikat il-qafas tal-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi (1), fis-seħħ mill-31 ta’ Jannar 2012, għal skema ta’ għajnuna li ma kinitx baqgħet tiġi applikata sa mill-2011 u li diġà kienet issostitwita bi skema ġdida, approvata mill-Kummissjoni.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fl-applikazzjoni tal-qafas.
—
Il-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ mandat tas-servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, b’mod partikolari fir-rigward tat-tul tal-mandat. Barra minn hekk, hija wettqet ukoll żbalji manifesti fl-analiżi tal-ammont tal-kumpens u kisret l-obbligu li żżomm kontijiet separati.
—
Waqt il-verifika tal-eżistenza tal-mandat mitlub tas-servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, hija ma eżaminatx jekk il-mandat kienx jeżisti għall-allokazzjoni ta’ art. Minbarra dan, il-Kummissjoni lanqas ma eżaminat il-garanziji intiżi sabiex jipprevjenu kumpens żejjed fit-trasferiment ta’ art bla ħlas.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE
—
It-trasferimenti bla ħlas u s-sussidji għal akkwist huma manifestament inutli u mhux xierqa sabiex jintlaħaq l-għan intiż ta’ protezzjoni tan-natura.
—
Il-fatt li l-miżuri ta’ għajnuna ġew miftuħa biss għal 13-il organizzazzjoni ta’ amministrazzjoni tal-artijiet ma huwa bl-ebda mod neċessarju jew iġġustifikat sabiex jippermetti l-obbligu ta’ servizz pubbliku marbut mal-protezzjoni tan-natura.
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE, tal-20 ta’ Diċembru 2011, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 7 2012, p. 3) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (2011) (ĠU 2012, C 8, p. 15).
Full & Egal Universal Law Academy