18.4.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 136/42
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Frar 2016 – L-Italja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-91/16)
(2016/C 136/58)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: G. Palmieri, aġent, P. Gentili, avvocato dello Stato)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla, skont l-Artikolu 264 TFUE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)9413, tas-17 ta’ Diċembru 2015, innotifikata fit-18 ta’ Diċembru 2015, dwar it-tnaqqis tal-kontribut tal-Fond Soċjali Ewropew għall-programm operattiv għal Sicilia, li jagħmel parti mill-qafas Komunitarju ta’ appoġġ għall-interventi strutturali fir-reġjuni Taljani li huma kkonċernati mill-obbjettiv Nru 1 (POR Sicilia 2000-2006), u għaldaqstant tiddeċiedi li l-Kummissjoni għandha tilqa’, fl-intier tagħha, it-talba finali għal ħlas ippreżentata mill-awtoritajiet Taljani u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.
1.
Id-deċiżjoni ġiet adottata wara duplikazzjoni illegali tal-verifiki msemmija fl-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31) li nfetħu mill-ġdid u ġew irrepetuti mal-awditu tas-sena 2008, wara li dawn il-verifiki twettqu u ntemmu mal-awditu relatat mas-snin 2005 u 2006, għall-inqas għal dak li jikkonċerna l-ispejjeż iċċertifikati bid-data tal-31 ta’ Diċembru 2006.
2.
Id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba inkwantu l-Kummissjoni kkomunikat ir-riżultati tal-awditu tal-2008 b’dewmien ta’ tmintax-il xahar wara t-twettiq tal-missjoni.
3.
Id-deċiżjoni kkontestata tinjora l-fatt li, matul il-perijodu ta’ wara l-awditu tal-2005 u l-2006, ir-rata ta’ żbalji kienet letteralment waqgħet minn 53,13 % għal 3,05 % fl-2007 u għal 1,45 % fl-2008 u fl-2009.
4.
Id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità inkwantu hija ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ispejjeż iċċertifikati għat-tliet snin mill-2007 sal-2009, affettwati minn rata ta’ żbalji minima, kienu jammontaw għal madwar nofs l-ammont totali tal-programm li jaqa’ taħt il-FSE (għall-parti FSE).
5.
Id-deċiżjoni kkontestata hija infondata fil-fatt u fid-dritt inkwantu testendi għat-tliet snin sussegwenti l-iskala tan-nuqqasijiet sistematiċi li rriżultaw u li ġew solvuti matul il-perijodu mitmum fil-31 ta’ Diċembru 2006, mingħajr ma saret ebda verifika partikolari fir-rigward tagħhom.
6.
Id-deċiżjoni kkontestata hija wkoll ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni. Skont ir-rikorrenti, din id-deċiżjoni tapplika t-teknika tal-estrapolazzjoni, li tikkonsisti fl-estesjoni għall-ispejjeż mhux ikkontrollati r-rata ta’ żbalji kkonstatata għall-ispejjeż ikkontrollati, minkejja li din it-teknika hija awtorizzata biss għar-regolamenti relattivi għall-programmazzjoni 2007-2013; hija madankollu ppreżumiet, filwaqt li rreferiet għas-snin 2007 sa 2009, rata ta’ żbalji ta’ 8,39 % minkejja li l-awtoritajiet Taljani kienu spjegaw li l-kampjun imsemmi fl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 438/2001, tat-2 ta’ Marzu 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 132) ma kienx ekwilibrat peress li ma kienx ġie stabbilit b’mod każwali, bħal kampjun statistiku ta’ vera, iżda kien ġie kkonċentrat volontarjament fuq il-proġetti li kellhom fatturi ta’ riskju.
Full & Egal Universal Law Academy