25.4.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 145/34
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Marzu 2016 – l-Italja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-98/16)
(2016/C 145/42)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: G. Palmieri, aġent, S. Fiorentino u P. Gentili, avvocati dello Stato)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2015)9526 finali, tat-23 ta’ Diċembru 2015, innotifikata fl-istess jum, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.39451 (2015/C) (ex 2015/NN) implementata mill-Italja favur BANCA TERCAS (Cassa di risparmio della provincia di Teramo S.p.A.);
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li, għotja ta’ ammont totali ta’ EUR 295,14 miljuni mogħtija lil Banca Tercas mill-Fondo interbancario di tutela dei depositi, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li tmur kontra l-Artikolu 108(3) TFUE u hija inkompatibbli mas-suq intern. Din l-għotja tirriżulta minn tliet miżuri distinti: Għotja mhux ripagabbli ta’ EUR 265 miljuni (miżura 1), Garanzija ta’ EUR 35 miljuni (b’element ta’ għajnuna kalkolabbli ta’ EUR 0,14 miljuni) mogħtija biex jiġu koperti r-riskji ta’ kreditu ta’ Banca Tercas fil-konfront ta’ grupp imprenditorjali Taljan (miżura 2) u, fl-aħħar nett, għotja oħra mhux ripagabbli ta’ EUR 30 miljuni, biex tkopri l-ispejjeż fiskali tal-operazzjoni (miżura 3).
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u rappreżentazzjoni żbaljata tal-fatt, dwar in-natura pubblika tar-riżorsi li huma s-suġġett tal-miżuri inkwistjoni.
—
Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li d-deċiżjoni tiżbalja billi tikklassifika r-riżorsi użati mill-Fondo interbancario di tutela dei depositi bħala riżorsi pubbliċi, billi ma tieħux inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2004, Kawża C-354/02, Pearle et u tat-30 ta’ Mejju 2013, Kawża C-677/11, Doux Èlevage.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1)TFUE u r-rappreżentazzjoni żbaljata tal-fatt, fir-rigward tal-imputabblità lill-Istat tal-miżuri kkontestati.
—
Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li d-deċiżjoni tiżbalja billi tikkunsidra li l-miżuri kkontestati huma imputabbli lill-Istat, filwaqt li ma tieħux inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn jirriżultaw mid-deċiżjoni awtonoma ta’ korp stabbilit bid-dritt privat, bħalma huwa l-Fondo interbancario di tutela dei depositi u li l-ebda awtorità pubblika ma eżerċitat ebda influwenza indebita jew pressjoni sabiex tingħata din id-deċiżjoni.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u rappreżentazzjoni żbaljat tal-fatt, fir-rigward tal-għoti ta’ vantaġġ selettiv. Applikazzjoni żbaljata tal-kriterju tal-MEIP.
—
Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li d-deċiżjoni hij żbaljata billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni li l-miżuri kkontestati kienu, ukoll, konformi mal-hekk imsejjaħ kriterju tal-MEIP, filwaqt li kien jidher li kien ekonomikament opportun għall-Fondo interbancario di tutela dei depositi fir-rigward tax-xenarju alternattiv li kien iseħħ b’konsegwenza tal-istralċ ta’ Banca Tercas.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(3)(b) u r-rappreżentazzjoni żbaljata tal-fatt, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-allegata għajnuna mill-Istat.
—
Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni, fl-aħħar nett żbaljat billi qieset inkompatibbli mas-suq intern il-miżuri kkontestati, anki kieku kellhom jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat.
Full & Egal Universal Law Academy