17.5.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 175/19
Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Marzu 2016 – Naviera Armas vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-108/16)
(2016/C 175/23)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Naviera Armas, SA (Las Palmas de Gran Canaria, Spanja) (rappreżentanti: J. Buendía Sierra u Á. Givaja Sanz, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-8 ta’ Diċembru 2015, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36628 (2015/NN-2) (ĠU C 25, p 2.), li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat favur il-kumpannija tat-tbaħħir Fred Olsen SA, sa fejn tikkonċerna l-miżuri adottati mir-Renju ta’ Spanja fil-port ta’ Las Nieves;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tagħha u għal dawk tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat id-dritt esklużiv li għandha Fred Olsen li topera mill-port ta’ Las Nieves (Canarias, Spanja), l-eżenzjoni totali jew parzjali tagħha mill-ħlas ta’ taxxi tal-port, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-użu tal-port li, sa fejn jeskludu l-bastimenti konvenzjonali, jinvolvu wkoll vantaġġ mhux iġġustifikat għall-imsemmija kumpannija.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-fatt li hija kienet ipprovdiet motivazzjoni suffiċjenti sabiex il-Kummissjoni jkollha dubji fondati dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat favur Fred Olsen u sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni:
—
li t-tul tal-eżami preliminari mwettaq mill-Kummissjoni, li nbeda wara ilment imressaq minn Naviera Armas fis-26 ta’ April 2013 u dam sal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, juri fih innfisu l-kumplessità tal-kawża, li rrikjediet il-ftuħ ta’ proċedura formali;
—
li d-deċiżjoni kontenzjuża hija vvizzjata minn ċerti żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti, bħal pereżempju l-allegazzjoni li ebda impriża ma talbet sabiex topera fil-port ta’ Las Nieves bil-laneċ veloċi qabel l-2013, li Fred Olsen kienet l-unika impriża interessata li tuża l-port fis-snin 1990, jew li kienu biss il-laneċ veloċi li setgħu joperaw fl-imsemmi port;
—
li Fred Olsen ila tuża esklużivament il-port ta’ Las Nieves mill-1991, u dan jagħtiha vantaġġ kompetittiv, mogħtija b’mod diskrezzjonali mill-awtoritajiet Spanjoli;
—
li Fred Olsen ibbenefikat għal iktar minn għoxrin sena minn eżenzjoni totali ta’ ċerti taxxi tal-port.
Full & Egal Universal Law Academy