30.5.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 191/42
Rikors ippreżentat fit-8 ta’ April 2016 – L-Italja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-147/16)
(2016/C 191/55)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: S. Fiorentino, avvocato dello stato) G. Palmieri, aġent)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C (2016) 366 finali tat-28 ta’ Jannar 2016, innotifikata fid-29 ta’ Jannar 2016 li skontha, b’eżekuzzjoni tas-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-496/09, Ġabra, EU:C:2011:740, il-Kummissjoni ordnat lill-Italja il-ħlas ta’ EUR 5 382 000 u ta’ EUR 2 106 000 bħala penalitajiet ta’ dewmien li tikkorrispondu rispettivament għat-tielet u r-raba semestru wara li ġiet depożitata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata iktar 'il fuq;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) tat-22 ta’ Marzu 1999 Nru 659/1999, fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) tal-21 ta’ April 2004 Nru 794/2004 kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
—
Huwa sostnut li d-deċiżjoni kkontestata timponi li jiġu applikati għall-ammonti dovuti mill-impriżi għall-ħlas lura tal-għajnuna mill-Istat, ta’ interessi komposti, konformement mal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 794/2004. Il-gvern Taljan jikkritika din il-miżura sa fejn, anki fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din l-iskema ta’ kalkolu tal-imgħaxijiet ma hijiex applikabbli għad-deċiżjonijiet ta’ rkupru preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 794/2004, u, wisq inqas, għad-deċiżjonijiet preċedenti għall-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rata ta’ interessi applikabbli fil-każ ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali tat-8 ta’ Mejju 2003 (ĠU 2003, C 110, p. 21). L-argument dwar l-eżistenza, invokata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ allegat ftehim bejn ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni li huwa fis-sens ta’ l-applikazzjoni ta’ rata ta’ interessi komposti huwa irrilevanti.
Full & Egal Universal Law Academy