30.5.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 191/42
Appell ippreżentat fil-11 ta’ April 2016 minn Adrian Barnett u Sven-Ole Mogensen mis-sentenza mogħtija fil-5 ta’ Frar 2016 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża 56/15, Barnett u Mogensen vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-148/16 P)
(2016/C 191/56)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Adrian Barnett (Roskilde, id-Danimarka), Sven-Ole Mogensen (Hellerup, id-Danimarka) (rappreżentant: S. Orlandi u T. Martin, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummisjsoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
Li tiddikjara u tiddeċiedi,
—
Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-56/15, Barnett u Mogensen vs Il-Kummissjoni, hija annullata;
tiddikjara u tiddeċiedi permezz ta’ dispożizzjonijiet ġodda li:
—
id-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dikjarazzjonijiet tal-pensjoni tax-xahar ta’ Ġunju 2014 li permezz tagħhom il-koeffiċjent korrettur applikabbli għall-pensjoni tal-appellanti huwa mnaqqas mill-1 ta’ Jannar 2014, huma annullati;
—
il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti jinvokaw żewġ aggravji.
1.
L-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi li twettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP), billi interpreta d-dispożizzjonijiet ċari u speċifiċi tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti”) fid-dawl tal-allegata “rieda reali tal-leġiżlatur” fir-rigward tal-portata tas-sospensjoni tal-mekkaniżmu ta’ attwalizzazzjoni fl-2013 u l-2014 tal-pensjonijiet u tar-remunerazzjonijiet. Billi għamel hekk, it-TSP wettaq interpretazzjoni contra legem tal-Artikolu 65(4) tar-Regolamenti, u tar-regoli għall-implementazzjoni tiegħu previsti fl-Anness XI tal-imsemmi Regolamenti.
2.
It-tieni aggravju, huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li twettaq mit-TSP, sa fejn il-kundizzjonijiet imposti mir-Regolamenti sabiex titwettaq l-attwalizzazzjoni intermedjarja kkontestata, previsti fl-Anness XI tar-Regolamenti, ma ġewx sodisfatti, u l-Kummissjoni, billi wettqet din l-attwalizzazzjoni, għamlet użu ħażin ta’ poter. Fil-fatt, wara li ġie kkonstatat, fis-sentenza kkontestata, li l-koeffiċjent korrettur preċedenti kien ġie kkalkolat b’mod żbaljat fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1416/2013 tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jaġġusta l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni li japplikaw għar-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea b’effett mill-1 ta’ Lulju 2013, it-TSP wettaq żball ta’ liġi billi ddeċieda li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jawtorizza l-Awtorità tal-Ħatra (AIPN) sabiex twettaq l-attwalizzazzjoni intermedjarja kkontestata, kuntrarjament għad-dottrina ta’ rtirar tal-atti amministrattivi illegali li joħolqu dritt jew benefiċċji simili.
Full & Egal Universal Law Academy