13.6.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 211/56
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ April 2016 – Spliethoff’s Bevrachtingskantoor vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-149/16)
(2016/C 211/70)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Spliethoff’s Bevrachtingskantoor BV (Amsterdam, l-Olanda) (rappreżentant: P. Glazener, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 5274 tal-31 ta’ Lulju 2015 li tistabbilixxi l-lista ta’ proposti magħżula għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja tal-UE fil-qasam ta’ Faċilità ta’ Konnessjoni Ewropea (Connecting Europe Facility)(CEF)-settur tat-Trasport wara s-sejħa għal proposti li bdiet fil-11 ta’ Settembru 2014 abbażi tal-Programm ta’ Xogħol Multi Annwali;
—
tordna lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjoni ġdida fir-rigward tal-proposta tar-rikorrenti, billi tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, fi żmien tliet xhur mid-data tas-sentenza;
—
tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-proċeduri.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv, li jallega żball manifest ta’ evalwazzjoni.
—
L-evalwazzjoni tal-proposta tar-rikorrenti hija żbaljata fir-rigward tar-rilevanza, tal-impatt u tal-kwalità tal-kriterji għall-għoti. B’evalwazzjoni xierqa ta’ dawk il-kriterji għall-għoti, il-proposta kellha tintgħażel għall-kofinanzjament tal-UE.
2.
It-tieni motiv, li jallega ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.
—
Il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali fid-deċiżjoni kkontestata għaliex ma għażlitx il-proposta tar-rikorrenti, filwaqt li għażlet proposti oħra simili relatati ma’ teknoloġiji għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet.