6.6.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 200/28
Rikors ippreżentat fit-8 ta’ April 2016 – Acerga vs Il-Kunsill
(Kawża T-153/16)
(2016/C 200/40)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Asociación de armadores de cerco de Galicia (Acerga) (Sada, Spanja) (rappreżentant: B. Huarte Melgar, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/72, tat-22 ta’ Jannar 2016, li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2016 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/458, tat-30 ta’ Marzu 2016, li jemenda r-Regolament (UE) 2016/72 fir-rigward ta’ ċerti opportunitajiet tas-sajd;
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż tar-rikorrenti f’din il-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva.
F’dan ir-rigward, meta dejjem jiġu applikati l-istess kwoti ta’ tqassim ta’ opportunitajiet tas-sajd, ma jitqisux ir-reġjuni ta’ Stati Membri li ssieħbu fil-KEE mill-1981 u li l-popolazzjoni lokali tagħhom illum (u f’dak iż-żmien) tiddependi ħafna fuq is-sajd. Konsegwentement, l-għan stess ta’ stabbiltà relattiva ma huwiex osservat. Barra minn hekk, anki jekk wieħed jaċċetta dan il-kriterju ta’ tqassim fiss, dawn il-kwoti nbidlu matul iż-żmien, u għalhekk, bi ksur tal-kriterju ta’ stabbiltà relattiva.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-għan ta’ ħolqien ta’ benefeċċji ekonomiċi, soċjali u ta’ impjieg, previst fl-Artikolu 2, 2 § 1 PPC 2013, minħabba li ma tqisux ir-reġjuni Spanjoli li l-popolazzjoni lokali tagħhom tiddependi ħafna fuq is-sajd.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni peress li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tapplika l-prinċipju ta’ stabbiltà b’mod differenti għal sitwazzjonijiet identiċi.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà, imsemmi fl-Artikolu 3 TFUE.
F’dan ir-rigward, kemm it-tqassim tal-kwoti tas-sajd nazzjonali (ibbażat fuq l-istabbiltà relattiva) msemmi fir-Regolament (UE) 2016/72 kif ukoll il-miżuri aċċessorji għall-kontroll tal-isforz tas-sajd ma japplikawx bl-istess mod fl-Istati Membri kollha.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-ekonomija tas-suq miftuħa u tal-kompetizzjoni ħielsa, kif ukoll tal-prinċipju tal-libertà fundamentali tal-Unjoni Ewropea tal-moviment tal-kapital.
F’dan ir-rigward, ir-Regolament (UE) 2016/72 ma jsemmix il-possibbiltà ta’ skambju tal-kwoti tas-sajd permezz ta’ drittijiet tas-sajd negozjabbli bejn impriżi jew organizzazzjoni ta’ produtturi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
Full & Egal Universal Law Academy