30.5.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 191/43
Appell ippreżentat fl-14 ta’ April 2016 minn Ingrid Fedtke mid-digriet mogħti fil-5 ta’ Frar 2016 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-107/15, Fedtke vs KESE
(Kawża T-157/16 P)
(2016/C 191/57)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Ingrid Fedtke (Wezembeek-Oppem, il-Belġju) (rappreżentant: M.-A. Lucas, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Talbiet
—
tannulla d-digriet tal-5 ta’ Frar 2016 tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tieni Awla) fil-Kawża F-107/15;
—
tibgħat il-kawża lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jiddeċiedi fuq il-mertu;
—
tiddeċiedi skont id-dritt fuq l-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka erba’ aggravji.
1.
L-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi u/jew fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni li jivvizzjaw id-digriet ikkontestat, sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) qies, fil-punti 19 sa 21 u 25 tal-imsemmi digriet li, kemm fil-każ ta’ talba għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni mhux ikkontestata fit-termini kif ukoll fil-każ ta’ talba li indirettament tikkontesta tali deċiżjoni, in-natura ġdida ta’ fatt invokat insostenn tat-talba jeħtieġ li la l-appellanti u lanqas l-amministrazzjoni ma kienu jafu, jew ma setgħu ikunu jafu, bih waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni li saret definittiva, u sa fejn applika dan il-prinċipju fil-punti 27 sa 32 tal-imsemmi digriet, filwaqt li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-assenza ta’ għarfien tal-fatt invokat ma hijiex rikjesta fil-każ ta’ talba għall-eżami mill-ġdid.
2.
It-tieni aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi u/jew żnaturament tal-proċess u fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni li jivvizzjaw id-digriet ikkontestat, sa fejn it-TSP qies, fil-punt 32 tal-imsemmi digriet, minħabba li ebda fatt ġdid u sostanzjali ma kien jiġġustifika t-talba għall-eżami mill-ġdid, li l-proċedura prekontenzjuża ma kinitx segwiet il-proċess regolari u li t-talbiet kontra d-deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2014 u ċ-ċaħda tat-22 ta’ April 2015 tal-ilment kienu inammissibbli, filwaqt li n-natura purament konfermatorja ta’ dawn id-deċiżjonijiet kienet tippreżupponi mhux biss li dawn ma kinux ippreċeduti minn eżami mill-ġdid iżda wkoll li dawn ma kinu jinvolvu ebda element ġdid, u li, kif kienet sostniet l-appellanti, id-deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2014 kienet tinvolvi element ġdid meta mqabbla ma dik tas-7 ta’ April 2014, l-istess bħad-deċiżjoni tat-22 ta’ April 2015 meta mqabbla ma dik tat-30 ta’ Settembru 2014.
3.
It-tielet aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi u/jew żnaturament tal-proċess u fuq l-assenza ta’ risposta għall-argumenti tal-appellanti, li jivvizzjaw id-digriet ikkontestat, sa fejn it-TSP qies, fil-punt 26 tal-imsemmi digriet, li n-natura ġdida tal-fatt invokat insostenn tat-talba għall-eżami mill-ġdid kienet tippresupponi li l-partijiet ma kinux jafu jew ma setgħux ikunu jafu bih, u li fit-talba tagħha l-appellanti ma kinitx indikat il-fatti l-ġodda u sostanzjali li jistgħu jiġġustiffikaw it-tressiq tagħha, iżda kienet invokat, b’riferiment għan-nota tal-Kap tal-Unità tagħha, l-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li l-assenza ta’ għarfien tal-fatt invokat ma kinitx rikjesta f’dan il-każ u li fit-talba nnifisha għall-eżami mill-ġdid tagħha l-appellanti kienet, kif kienet sostniet, indikat li hija kienet qed twessa l-bażi ġuridika tagħha u, b’riferiment għan-nota tal-Kap tal-Unità tagħha, li l-amministrazzjoni ma kinitx tat attenzjoni suffiċjenti għal dak li huwa stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, u dawn kienu jikkostitwixxu elementi ġodda u sostanzjali.
4.
It-raba’ aggravju bbażat fuq ksur tar-regoli tal-prova u tal-prinċipju ta’ oġġettività, sa fejn it-TSP qies, fil-punt 28 tal-imsemmi digriet, li r-rikorrenti ma kinitx ipprovdiet indikazzjonijiet fir-rigward tad-data ta’ meta l-amministrazzjoni saret taf jew setgħet issir taf bil-ħruġ, fil-futur, fuq leave tal-maternità u parentali tal-kollega tagħha, u fil-punt 29 tal-imsemmi digriet, li ma setgħax jiġi eskluż li dan seta’ kien il-każ fis-7 ta’ April 2014 fid-dawl tat-tul ta’ dan il-leave kif stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal, tal-prevedibbiltà bil-quddiem ħafna tad-data tal-ħlas u tal-użanza li d-dipartiment jiġi avżat mill-iktar fis possibbli dwar assenza fit tul, sabiex minn dan iddeduċa, fil-punti 30 sa 32 tal-imsemmi digriet li l-appellanti ma kinitx stabbiliet li la hija nnifisha u lanqas l-amministrazzjoni ma kienu jafu jew ma setgħu ikunu jafu, fis-7 ta’ April 2014 bl-assenza futura tal-kollega tagħha, li t-talba għall-eżami mill-ġdid tagħha ma kienet iġġustifikata minn ebda fatt ġdid u sostanzjali u li t-talbiet tagħha kienu inammissibbli, filwaqt li l-prova ta’ fatt negattiv u minn terz kienet impossibbli u li kien il-KESE li kellu jindika d-data tat-talbiet għal-leave, u li t-TSP la setgħa jibbaża ruħu fuq preżunzjonijiet suċċessivi u lanqas fuq preżunzjoni sempliċi sabiex jinverti l-oneru tal-prova u jiġġustifika l-konklużjonijiet tiegħu.
Full & Egal Universal Law Academy