4.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 243/34
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ April 2016 – Il-Polonja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-167/16)
(2016/C 243/37)
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/180, tad-9 ta’ Frar 2016, li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/709/UE dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali marbutin mad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’ċertu Stati Membri, fir-rigward tal-entrati għall-Estonja, għall-Litwanja u għall-Polonja (ĠU L 35, p. 12), sa fejn permezz tagħha l-gmina (komun) ta’ Czyże, il-parti li jifdal tal-gmina ta’ Zabłudów kif ukoll il-gmina ta’ Hajnówka flimkien mal-belt Hajnówka ġew inklużi fil-Parti II tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/709/EU;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit tan-natura neċessarja tal-miżuri kkontestati sabiex jintlaħaq l-għan segwit, nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit tan-natura xierqa tal-miżuri kkontestati sabiex jintlaħaq l-għan segwit u nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità fis-sens strett tal-miżuri kkontestati.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur ta’ rekwiżiti proċedurali sostanzjali, stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, p. 13), u fir-regoli interni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għad-deċiżjoni kkontestata.