4.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 243/35
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ April 2016 – Guardian Glass España, Central Vidriera vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-170/16)
(2016/C 243/38)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Guardian Glass España, Central Vidriera, S.L. (Llodio, Spanja) (rappreżentanti: M. Araujo Boyd, D. Armesto Macías, A. Lamadrid de Pablo, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara ammissibbli r-rikors u l-motivi ta’ annullament invokati;
—
tilqa’ l-motivi ta’ annullament invokati fir-rikors u, għaldaqstant, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
—
tordna l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE sabiex ir-rikorrenti tkun tista’ teżerċita d-drittijiet proċedurali tagħha u l-Kummissjoni tkun tista’ tqajjem, b’mod formali u konformement mad-dritt, id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni, u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors jirrigwarda d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiċħad il-kompatibbiltà ta’ ċerta għajnuna riċevuta minn Guardian, deċiżjoni kkomunikata lill-awtoritajiet Spanjoli permezz ta’ ittra tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Lulju 2015 intitolata “Tilwim fiskali fil-País Vasco (Álava) – Messaġġ informali dwar l-allegazzjonijiet supplimentari ta’ kompatibbiltà mad-DAR tal-1998”, u nnotifikata lir-rikorrenti mill-awtoritajiet Spanjoli fid-19 ta’ Frar 2016.
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv
Prinċipalment, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna individwali mas-suq intern bi ksur, minn naħa, tal-Artikolu 250 TFUE u tal-prinċipju ta’ kolleġjalità peress li din id-deċiżjoni ma ġietx adottata mill-Kulleġġ tal-Kummissarji u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll tal-Artikoli 4 u 13 tar-Regolament Nru 659/1999 (1) peress li l-Kummissjoni ma fetħitx proċedura formali qabel ma adottat id-deċiżjoni tagħha.
2.
It-tieni motiv
Permezz tat-tieni motiv ta’ annullament, ippreżentat sussidjarjament, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikolu 107(3) TFUE peress li l-Kummissjoni wettqet żball fid-deċiżjoni kkontestata meta eżaminat il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).