13.6.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 211/61
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ April 2016 – Centro Clinico e Diagnostico G.B. Morgagni vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-172/16)
(2016/C 211/76)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Centro Clinico e Diagnostico G.B. Morgagni SRL (Catania, l-Italja) (rappreżentanti: E. Castorina, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/195, tal-14 ta’ Awwissu 2015, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta’ Frar 2016, fil-parti li fiha [Artikolu 4(5)] tistabbilixxi li “[l-]Italja għandha wkoll tannulla l-ħlasijiet kollha stabbiliti mill-għajnuna skont l-iskemi kollha li jissemmew fl-Artikolu 1 b’seħħ mid-data meta tiġi adottata din id-deċiżjoni” u, fi kwalunkwe każ, f’kull parti li minnha tista’ tiddependi l-preklużjoni għall-kumpannija rikorrenti milli tikseb il-ħlas lura tal-ammonti mħallsa lill-Agenzia delle Entrate tal-Istat Taljan ’il fuq mill-10 % ta’ definizzjoni b’rata fissa tal-pożizzjoni fiskali tagħha (snin 1990-1992), fis-sens tal-Artikolu 9(17) tal-Liġi Nru 289/2002, dritt li sar res judicata fl-ordinament nazzjonali Taljan.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed.
—
F’dan ir-rigward, hija ssostni li, filwaqt li ġiet iddikjarata mill-Kummissjoni, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, l-impossibbiltà oġġettiva tal-irkupru (fil-konfront tal-impriżi l-oħra li llimitaw ruħhom għall-ħlas ta’ 10 % tal-ammont dovut) tal-għajnuna mill-Istat meqjus illegali, kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt, ċertament ma jistax jiġi miċħud, b’osservanza tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq, id-dritt tar-rikorrenti għar-rimbors tal-ammonti mħallsa żejda b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 289/2002: jekk jiġi sostnut mod ieħor, isseħħ inugwaljanza fit-trattament odjuża u gravissima bejn iċ-Centro rikorrenti u l-impriżi tal-provinċja ta’ Catania li d-deċiżjoni issa eżentat minn kwalunkwe ħlas sal-kopertura ta’ 90 % tal-ammont tat-taxxa mhux imħallsa.
Fil-fatt, preċiżament b’effett tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni Ewropea, inħoloq vantaġġ kompetittiv indebitu għall-impriżi l-oħra kollha, iżda għad-detriment taċ-Centro Morgagni, f’dak li jirrigwarda d-danni mġarrba b’effett tad-diżastru naturali li seħħ iktar minn għaxar snin qabel id-deċiżjoni tal-14 ta’ Awwissu 2015. Skont il-leġiżlazzjoni Taljana, l-impriżi ma humiex obbligati jżommu dokumenti amministrattivi u ta’ kontabbiltà għal perijodu ta’ iktar minn għaxar snin. Għalhekk, iċ-Centro Morgagni ma għadux f’pożizzjoni li jipprova li ġarrab dannu b’mod kompatibbli mal-Artikolu 107 TFUE, bi ksur ċar tal-prinċipji ta’ ugwaljanza, tad-drittijiet tad-difiża, ta’ aspettattivi leġittimi (Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 2, 6, 9, 21 TUE) u ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza bejn l-operaturi.