11.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 251/33
Rikors ippreżentat fil-25 ta’ April 2016 – Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-191/16)
(2016/C 251/39)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrent: Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: E. Tzannini, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tilqa’ dan ir-rikors;
—
tannulla l-att ikkontestat, jiġifieri d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C (2016) 1080 tas-16 ta’ Ġunju 2016 dwar l-irkupru tas-somma ta’ EUR 109 415,20, miżjuda bl-interessi, mingħand LITO HOSPIAL FOR WOMEN AE;
—
tikkonstata li l-ħin tax-xogħol tal-persunal tagħha ddedikata għall-proġett mogħti jikkorrispondi għal dak indikat fil-fatti spjegati fir-rikors;
—
tieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti tagħha, jekk hija tqis li l-ammonti, kif rikonoxxuti fid-dikjarazzjoni tagħha tal-5 ta’ Novembru 2009, għandhom jġu rrimborsati;
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata, anki fil-parti li tikkonċerna l-tielet pagament akkont li ma tħallasx;
—
tikkumpensa l-ammonti li jistgħu jiġu rrimborsati ma’ dawk li qatt ma tħallsu fir-rigward tat-tielet pagament, sospiż għal għaxar snin;
—
tiddeċiedi li dan ir-rikors jikkostitwixxi fatt li jinterrompi l-preskrizzjoni tad-dritt għall-ħlas tat-tielet pagament akkont; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ regola ta’ dritt mill-Kummissjoni Ewropea u l-impossibbiltà għall-Kummissjoni Ewropea li tadotta att li jista’ jiġi kkontestat f’dan il-każ skont l-Artikolu 263 TFUE.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tal-provi li ġew prodotti.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea ta’ argumenti ta’ fatt li hija sostniet matul il-proċedura.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq in-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali li jiffissa motiv wiħed ta’ prova tax-xogħol magħmul.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq il-preskrizzjoni tad-dejn mitlub mill-Kummissjoni.