11.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 251/34
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Mejju 2016 – Ir-Repubblika tal-Litwanja vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża T-205/16)
(2016/C 251/40)
Lingwa tal-kawża: il-Litwan
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Litwanja (rappreżentanti: D. Kriaučiūnas, R. Krasuckaitė u D. Stepanienė)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummisjoni C (2016) 969 finali tal-23 ta’ Frar 2016 dwar it-tnaqqis tal-għajnuna mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-proġett imwettaq fil-Litwanja u msejjjaħ “Assistenza Teknika għall-Amministrazzjoni ta’ Fond ta’ Koeżjoni fir-Repubblika tal-Litwanja” (2005LT16CPA001) sa fejn tipprovdi tnaqqis fl-għajnuna f’ammont ta’ EUR 137 864,61;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 16/2003 (1), flimkien mal-prinċipju ta’ aspettattivi leġiitmi, peress li l-Kummissjoni Ewropea, meta ddeċidiet li tnaqqas l-għajnuna mill-2000-2006 tal-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea:
—
naqset li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ispejjeż tal-VAT sostnuti minħabba l-implementazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummisjoni Nru (2005)529 1 (2) li approvat il-proġett “Assistenza Teknika għall-Amministrazzjoni ta’ Fond ta’ Koeżjoni fir-Repubblika tal-Litwanja” (iktar 'il quddiem il-“proġett”) kienu eliġibbli għal rimbors skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 16/2003 u rekwiżiti oħra;
—
interpretat ħażin l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 16/2003 bħala mhux applikabbli għall-proġett peress li naqset li tieħu inkunsiderazzjoni jekk l-ispejjeż tal-VAT setgħux jiġu rkuprati; tali interpretazzjoni hija inkonsistenti mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 16/2003 u ma għandhiex loġika legali u applikabbiltà prattika fir-rigward tal-finanzjament ta’ proġetti ta’ Fond ta’ Koeżjoni;
—
naqset li tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(2005)529, li jipprovdi li, skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1164/94 (3), għajnuna Komunitarja kienet preskritta għal 100 % tal-valur tal-proġett (jiġifieri, ma kienet previsat ebda kontribuzzjoni mill-persuna li twettaq il-proġett) u li l-Istat Membru seta’ raġonevolemt jistenna li l-proġett ser jiġi ffinanzjat b’mod sħiħ mill-Fond ta’ Koeżjoni, jiġifieri li r-regoli kollha stabbiliti mir-Regolament Nru 16/2003 ser jiġu applikati b’mod xieraq.
(1) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 16/2003, tas-6 ta’ Jannar 2003, li jippreskrivi regoli speċjali dettaljati għall-implimentazzjoi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 fir-rigward tal-eliġibilità ta’ l-ispiża fil-kuntest tal-miżuri parzjalment iffinanzjati mill-Fond ta' Koeżjon (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 189).
(2) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(2005) 5291, tat-8 ta’ Diċembru 2005, dwar l-għoti ta’ għajnuna mill-Fond ta' Koeżjoni għall-proġett “Għajnuna teknika għall-Fon t ta’ Koeżjoni Fund Amkinistrazzjoni”, fil-Litwanja (CCI: 2005LT16CPA001), parzjalment emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008)1566, tal-15 ta’ April 2008, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011)3668, tal- 20 ta’ Mejju 2011.
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94, tas-16 ta’ Mejju 1994, li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 9) imħassar bir-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 1084/2006, tal- 11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1164/94 (PU L 210, p. 79).