18.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 260/44
Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Mejju 2016 – Clean Sky 2 Joint Undertaking vs Scouring Environment
(Kawża T-238/16)
(2016/C 260/55)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Clean Sky 2 Joint Undertaking (CSJU) (rappreżentanti: B. Mastantuono, aġent, assistit minn M. Velardo, lawyer)
Konvenuta: Scouring Environment SARL (Tauriac, Franza)
Talbiet
—
tikkundanna lill-konvenuta tħallas lil CSJU is-somma ta’ EUR 60 000 fir-rigward tal-Ftehim ta’ għajnuna Nru 287071 “BiMed – Metodu ta’ tindif ta’ żebgħa u ta’ trattament ta’ superfiċji nexfin permezz tal-bikarbonat”, flimkien mal-ammont ta’ EUR 3 600 bħala interessi għal ħlas tardiv ikkalkolati b’rata ta’ 3.65 % għall-perijodu inkluż bejn it-12 ta’ Settembru 2014 u t-3 ta’ Mejju 2016; u
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motiv li ġej:
Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret l-obbligi kuntrattwali tagħha billi ma pprovdietx ir-rapporti mitluba, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji u l-prodotti li għandhom jiġu pprovduti marbuta mal-perijodu 1, skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ għajnuna u l-Artikolu II.2(3) u l-Artikolu II.2(4) tal-Anness II tal-istess ftehim. Konsegwentement, ir-rikorrenti xoljiet il-Ftehim ta’ għajnuna abbażi tal-Artikolu II.38 tal-Anness II tal-istess ftehim u ħarġet nota ta’ debitu għall-finanzjament bil-quddiem ta’ EUR 60 000 li kienu diġà tħallsu lill-koordinatur konformement mal-provvedimenti tal-Ftehim ta’ għajnuna. Konsegwentement, ir-rikorrenti ħarġet nota ta’ debitu sabiex tirkupra l-finanzjament bil-quddiem, li tibqa’ proprjetà tagħha sakemm isir il-ħlas finali.
Il-fatti li taw lok għall-obbligi ta’ Scouring Environnement, fil-kapaċità tagħha bħala koordinatur, huma kunsiderevolment mhux ikkontestati f’dan il-każ, inkwantu ma tqajjmet ebda oġġezzjoni mill-konvenuta fir-rigward taċ-ċirkustanzi tax-xoljiment u tal-metodu ta’ kalkolu tas-somom li għandhom jitħallsu lura lir-rikorrenti.
Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha dritt titlob l-irkupru u l-ħlas lura tas-somom imħallsa lill-konvenuta bħala finanzjament bil-quddiem, miżjuda bl-interessi.