25.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 270/51
Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Mejju 2016 – Trasta Komercbanka et vs BĊE
(Kawża T-247/16)
(2016/C 270/58)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Trasta Komercbanka AS (Riga, il-Latvja) u 6 oħra (rappreżentanti: O. Behrends, L. Feddern u M. Kirchner, avukati)
Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-BĊE, tat-3 ta’ Marzu 2016, li tirtira l-liċenzja bankarja ta’ Trasta Komercbanka AS; u
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas, min-naħa tal-BĊE, li jeżamina u li jevalwa b’attenzjoni u b’mod imparzjali l-aspetti fattwali kollha li jinkludu, iżda mhux limitati għal, li l-BĊE ma rreaġixxiex b’mod xieraq għall-fatt li l-informazzjoni u d-dokumenti ppreżentati mill-awtorità lokali regolatorja Latvjana ma kinux preċiżi.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur, mill-BĊE, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità billi naqas milli jirrikonoxxi d-disponibbiltà ta’ miżuri alternattivi.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur, mill-BĊE, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur, mill-BĊE, tal-Artikolu 19 u tal-premessa 75 tar-Regolament tal-MSU (1) u wettaq użu ħażin ta’ poter.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur, mill-BĊE, tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur, mill-BĊE, tar-regoli proċedurali li jinkludu d-dritt għal smigħ, id-dritt għal aċċess għall-fajl, id-dritt għal deċiżjoni motivata b’mod xieraq, l-Artikolu 83(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU (2) u d-dritt għal proċedura amministrattiva ġusta.
(1) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, tal-15 ta’ Ottubru 2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63)
(2) Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew, tas-16 ta’ April 2014, li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU 2014, L 141, p. 1)