11.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 251/41
Appell ippreżentat fit-23 ta’ Mejju 2016 minn Sergio Spadafora mid-digriet mogħti fis-7 ta’ April 2016 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-44/15, Spadafora vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-250/16 P)
(2016/C 251/47)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellant: Sergio Spadafora (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: G. Belotti, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellant
—
tannulla d-digriet appellat;
—
tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza, billi tilqa’ t-talbiet li ġew ifformulati fih mill-appellant, inkluża dik ta’ kumpens għad-danni li għandu jiġi kkwantifikat minn din il-qorti b’mod ekwu;
—
tikkundanna għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka ħames aggravji.
Dan l-appell qed jiġi ppreżentat mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-7 ta’ April 2016, li ċaħad parzjalment bħala manifestament inammissibbli u parzjalment bħala manifestament infondat, rikors li għandu essenzjalment bħala suġġett, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) li ma jikkunsidrax il-kandidatura tar-rikorrent għall-pożizzjoni ta’ kap tal-unità “Konsulenza legali” u, min-naħa l-oħra, jikkundanna lill-konvenuta għall-kumpens ta’ danni materjali li jirriżultaw, fil-fehma tiegħu, mit-telf tal-opportunità li jintgħażel għal dik il-kariga.
1.
L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jirriżulta f’danni għall-interessi tar-rikorrent.
—
qed tiġi invokata b’mod partikolari f’dan ir-rigward, l-assenza totali fid-digriet ikkontestat, ta’ kwalunkwe argument dwar l-imsemmija natura manifesta tal-infondatezza tar-rikors.
2.
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-ineżatezza materjali tal-konstatazzjonijiet fattwali kif jirriżultaw mill-atti tal-proċess tal-kawża.
—
qed jiġi invokat, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, in-nuqqas ta’ esperjenza tal-kandidat elett għall-pożizzjoni inkwistjoni u l-evalwazzjoni żbaljata tar-rekwiżit ta’ ekwilibriju ġeografiku kif ukoll tal-ugwaljanza fil-merti.
3.
It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, li twettaq permezz tan-nuqqas ta’ applikazzjoni, fil-fażi tal-għażla tal-kandidati, tal-prinċipju ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità u ta’ dak ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-lingwa.
4.
Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq l-ineżatezza tal-klassifikazzjoni legali tal-fatti.
5.
Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq l-ineżatezza tal-“klassifikazzjoni legali” ta’ talba tar-rikorrent li permezz tagħha kien qed jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li l-effetti tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jiġu estiżi sakemm tiġi ddeterminata l-invalidità tal-proċedura ta’ għażla inkwistjoni mill-punt meta seħħet “l-illegalità aċċertata”.