8.8.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 287/25
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Mejju 2016 – Tarmac Trading vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-267/16)
(2016/C 287/31)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Tarmac Trading Ltd. (Birmingham, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: D. Anderson u P. Halford, Solicitors u K. Beal, QC)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/288, tas-27 ta’ Marzu 2015 fil-Każ S.A.34775 (13/C) (ex 12/NN) – Imposta tal-aggregati – u, b’mod partikolari, il-premessi (625), (626), (629) u (630) u l-Artikoli 5 u 7 ta’ dik id-deċiżjoni kkontestata – sa fejn:
—
id-deċiżjoni kkontestata tiddefinixxi l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna illegali bħala l-kumpanniji li pproduċew ix-shale tal-bitum u prodotti li jikkonsistu prinċipalment tax-shale tal-bitum bejn l-1 ta’ April 2002 u d-data tad-deċiżjoni (“produtturi tax-shale tal-bitum”); u
—
id-deċiżjoni kkontestata tispeċifika l-ammont ta’ għajnuna li trid tiġi rkuprata mill-produtturi tax-shale tal-bitum waħedhom, tirrikjedi l-irkupru minnhom tal-ammont sħiħ tal-imposta tal-aggregati (“IAG”) li għalihom applikaw l-eżenzjonijiet illegali u tonqos milli tirrikjedi l-Gvern tar-Renju Unit li jnaqqas l-ammont li għandu jiġi rkuprat sa fejn il-produtturi tax-shale tal-bitum għaddew il-benefiċċju ta’ dawk l-eżenzjonijiet lill-klijenti tagħhom, u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti f’dawn il-proċedimenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi u/jew żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-identifikazzjoni tal-benefiċjarji u l-kwantifikazzjoni tal-ammont ta’ għajnuna li ma tiġix rkuprata.
Skont ir-rikorrenti, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tidentifika l-produtturi tax-shale tal-bitum bħala l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna illegali u ma teħtieġx li r-Renju Unit inaqqas l-ammont li għandu jiġi rkuprat minnhom sa fejn huma għaddew il-benefiċċju tal-eżenzjoni tax-shale tal-bitum lill-klijenti tagħhom, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u/jew wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.
—
Ir-rikorrenti tressaq il-punt li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-308/00 RENV, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (ECLI:EU:T:2013:30) li stabbiliet li l-irkupru għandu jkun limitat għall-vantaġġi finanzjarji li joriġinaw attwalment mit-tqegħid tal-għajnuna għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, u jkun proporzjonata għalihom. Barra minn hekk, kif tgħid ir-rikorrenti, il-Kawżi T-473/12, Aer Lingus vs Il-Kummissjoni (ECLI: EU:T:2015:78) u T-500/12, Ryanair vs Il-Kummissjoni (ECLI:EU:T:2015:73), jistabbilixxu li, fil-każ ta’ għajnuna li tikkonsisti minn tnaqqis ta’ taxxa indiretta imposta fuq il-konsum ta’ prodott jew servizz u intiż li jgħaddi minn impriża lejn il-klijenti tagħha, u fejn il-vantaġġ ekonomiku li joriġina mill-applikazzjoni tat-taxxa mnaqqsa setgħet ukoll tgħaddi għand il-klijenti tagħha, l-ammont ta’ għajnuna li jista’ jkun irkuprat mill-impriża huwa biss il-vantaġġ attwalment miksub mill-impriża.
—
Ir-rikorrenti tressaq il-punt ukoll li l-IAG hija taxxa indiretta imposta fuq il-komsum ta’ aggregati u intiż (mill-Gvern tar-Renju Unit) li tgħaddi minn impriżi li joħorġu u jisfruttaw kummerċjalment l-aggregati, lill-klijienti tagħhom. Il-vantaġġ ekonomiku li joriġina mill-eżenzjonijiet tax-shale tal-bitum, kif tiddikjara r-rikorrenti, seta’ jkun – u tassew attwalment kien – għadda mill-produtturi tax-shale tal-bitum (inkluż ir-rikorrenti) fil-forma ta’ preżżijiet iktar baxxi għall-bejgħ.
—
Ir-rikorrenti tressaq il-punt ukoll li għall-istess raġuni, l-irkupru tal-ammont sħiħ ta’ imposta fuq aggregati mhux imħallsa ma jistax jiżgura l-istabbiliment mill-ġdid tal-istatus quo u kien ikun responsabbli li joħloq distorsjonijiet tal-kompetizzjoni addizzjonali, billi jista’ jwassal għall-irkupru mill-produtturi tax-shale tal-bitum (inkluż ir-rikorrenti) ta’ iktar mill-vantaġġ li gawdew attwalment.
—
Għaldaqstant, kif tgħid ir-rikorrenti, in segwitu tal-Kawżi T-473/12, Aer Lingus vs Il-Kummissjoni (ECLI: EU:T:2015:78) u T-500/12, Ryanair vs Il-Kummissjoni (ECLI:EU:T:2015:73), l-unika għajnuna li tista’ tiġi rkuprata mill-produtturi tax-shale tal-bitum hija l-vantaġġ attwalment miksub u miżmum minnhom.
—
Finalment, ir-rikorrenti tinvoka li sa fejn id-deċiżjoni kkontestata teħtieġ l-irkupru mill-produtturi tax-shale tal-bitum tal-ammont sħiħ tal-IAG li minnha kienu eżentati taħt l-eżenzjonijiet tax-shale tal-bitum, mingħajr xi tnaqqis biex jittieħed inkunsiderazzjoni l-benefiċċju li għadda mill-produttuir tax-shale tal-bitumen lill-klijenti tagħhom, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi, applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 108 TFUE u/jew l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-UE ta’ propozjonalità.
Ir-rikorrenti tinvoka li bi ksur tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, l-irkupru tal-ammont sħiħ tal-imposta fuq l-aggregati mhux imħallsa mir-rikorrenti fir-rigward tax-shale tal-bitum li sfruttat kien ikun sproporzjonat għal kull vantaġġ finanzjarju li joriġina mit-tqegħid tal-għajnuna għad-dispożizzjoni tagħha. Ir-rikorrenti għaddiet il-benefiċċju kollu tal-eżenzjoni mill-IAG lill-klijenti tagħha u kien ikun impossibbli fil-prattika li hija tirkupra b’mod retroattiv dik l-IAG mhux imħallsa mill-klijenti tagħha.