18.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 260/48
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Ġunju 2016 – Solelec et vs Il-Parlament
(Kawża T-281/16)
(2016/C 260/60)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Solelec SA (Esch-sur-Alzette, il-Lussemburgu), Mannelli & Associés SA (Bertrange, il-Lussemburgu), Paul Wagner et fils SA (Lussemburgu, il-Lussemburgu), Socom SA (Foetz, il-Lussemburgu) (rappreżentant: S. Marx, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni Nru D(2016)14480, tas-27 ta’ Mejju 2016, tad-Direttorat Ġenerali tal-Infrastruttura u tal-Loġistika tal-Parlament Ewropew li permezz tagħha l-offerta tal-konsorzju “ELECTRO KAD”, kompost mill-kumpanniji SOLELEC S.A., MANNELLI & ASSOCIÉS S.A., PAUL WAGNER & FILS S.A. u SOCOM S.A., fir-rigward tal-Lott 75 “elettriku – vultaġġ qawwi” ppreżentata fl-14 ta’ Jannar 2016 fil-kuntest tas-sejħa għal offerti INLO-D-UPIL-T-15-AO6 relatata mal-proġett ta’ estensjoni u ta’ rinnovament tal-bini Konrad Adenauer fil-Lussemburgu ġiet miċħuda u d-deċiżjoni li tat il-kuntratt inkwistjoni lil offerent ieħor;
—
tordna li jiġu prodotti d-dokumenti tal-fajl tal-għoti tal-kuntratti li fihom il-kuntatti li seħħew bejn il-Parlament u l-offerenti ġew irreġistrati skont l-Artikolu 160(3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji ta’ selezzjoni, li ma humiex issodisfatti mill-konsorzju li ngħata l-kuntratt sa fejn wieħed mill-membri tiegħu ma huwiex ser ikollu personalità ġuridika matul it-tul kollu tax-xogħlijiet u huwa impossibbli li l-konsorzju li ngħata l-kuntratt seta’ jinvoka r-referenzi relatati mal-kapaċità teknika u professjonali kif meħtieġa mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji ta’ għoti. Minn paragun bejn l-offerta ppreżentata mir-rikorrenti u l-offerta tal-konsorzju li ngħata l-kuntratt, jirriżulta li din tal-aħħar hija abnormalment baxxa, fatt li kien imissu wassal lill-konvenut jiċħad l-offerta u jagħti l-kunratt lir-rikorrenti.