25.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 270/64
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Ġunju 2016 – Fruits de Ponent vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-290/16)
(2016/C 270/70)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Fruits de Ponent, SCCL (Alcarràs, Spanja) (rappreżentanti: M. Roca Junyent, J. Mier Albert, R. Vallina Hoset, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tikkumpensa d-dannu sostnut minn Escarp. S.C.P., Agropecuaria Sebcar, S.L. u Rusfal 2000, SL, bħala riżultat tal-azzjonijiet u tal-ommissjonijiet tagħha marbuta mal-perturbazzjonijiet li batew s-swieq tal-ħawħ u tan-nuċiprisk matul l-istaġun 2014 u, b’mod partikolari bl-adozzjoni tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 913/2014 u r-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 932/2014.
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tħallas:
—
lil Escarp, S.C.P., ammont ta’ EUR 121 085,11, miżjud bl-interessi kumpensatorji u moratorji korrispondenti.
—
lil Sebcar Agropecuaria, S.L., ammont ta’ EUR 162 540,46, miżjud bl-interessi kumpensatorji u moratorji korrispondenti.
—
lil Rusfal 2000, S.L., ammont ta’ EUR 28 808,99, miżjud bl-interessi kumpensatorji u moratorji korrispondenti.
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors huwa intiż għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba l-azzjonijiet u l-ommissjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea quddiem il-perturbazzjonijiet li batew is-swieq tal-ħawħ u tan-nuċiprisk matul l-istaġun 2014 u, b’mod partikolari, iżda mhux esklużivament, bl-adozzjoni tar-Regolamenti ta’ Delega (EU) Nru 913/2014 (1) u Nru 932/2014 (2).
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq li l-kundizzjonijiet imposti mill-ġurisprudenza Komunitarja sabiex jiġi rrikonoxxut id-dritt għal kumpens ibbażat fuq ir-responsabbiltà extrakuntrattwali tal-Unjoni Ewropea huma ssodisfati.
F’dan ir-rigward qed jiġi allegat, fl-ewwel lok, li permezz tal-azzjonijiet u tal-ommissjonijiet tagħha, il-Kummissjoni wettqet ksur suffiċjentement serju tar-regoli intiżi li jagħtu drittijiet lill-individwi, bħall-prinċipju ta’ dmir ta’ diliġenza, il-prinċipji ta’ assistenza u protezzjoni, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u finalment il-prinċipju ta’ projbizzjoni tad-deċiżjonijiet arbitrarji.
Dan għaliex sa fejn, meta adottat miżuri sabiex tevita perturbazzjonijiet tas-swieq tal-ħawħ u tan-nuċiprisk fis-sajf tal-2014, il-Kummissjoni:
—
adottat mekkaniżmu ta’ kriżi li hija stess kienet preċedentement qieset inadegwat u ineffettiv, li ma għandux jintuża minn organizzazzjonijiet tal-produtturi, peress li huma żgħar wisq u ma għandhomx il-mezzi biex jużawh.
—
ma kisbitx informazzjoni dwar is-suq.
—
aġixxiet mingħajr ma kisbet data biżżejjed, dwar il-miżuri ta’ rtirar.
—
intervjeniet tardivament.
Barra minn hekk, tkompli r-rikorrenti, il-miżuri ta’ rtirar kofinanzjat ta’ prodotti, ta’ promozzjoni u ta’ distribuzzjoni bla ħlas kienu oġġettivament inadegwati.
Hija tallega ukoll li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni.
Fit-tieni lok, hija ssostni li t-tliet kumpanniji kkonċernati sostnew dannu reali u ċert, li huwa wkoll kwantifikabbli.
Fl-aħħar nett, hemm rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-aġir illegali tal-Kummissjoni.
(1) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 913/2014, tal-21 ta’ Awwissu 2014, li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali ta’ appoġġ għall-produtturi tal-ħawħ u tan-nuċiprisk (ĠU L 248, p. 1)
(2) Regolament ta’ delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 932/2014, tad-29 ta’ Awwissu 2014, li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali ta’ appoġġ għal produtturi ta’ ċertu frott u ħaxix u li jemenda r-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 913/2014 (ĠU L 259, p. 2).