22.8.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 305/39
Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Ġunju 2016 – CEE Bankwatch Network vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-307/16)
(2016/C 305/54)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: CEE Bankwatch Network (Praga, ir-Repubblika Ċeka) (rappreżentant: C. Kiss, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara n-nullità tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni tal-15 ta’ April 2016, bir-referenza Ref. GestDem Nru 2015/5866; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-applikabbiltà tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (1) għad-dokumenti Euratom:
—
it-terminu “Trattat” ma għandux jinftiehem b’mod differenti skont il-kuntest ta’ kull att leġiżlattiv tal-Unjoni, iżda għandu jkollu tifsira uniformi.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata:
—
l-aċċess għad-dokumenti mitluba ma jipperikolax l-interess tas-sigurtà nukleari peress li t-talba għal informazzjoni ma affettwatx kwistjonijiet ta’ sigurtà nukleari;
—
il-konvenuta wettqet ksur serju tal-obbligu tagħha li jirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (2) kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-neċessità li jingħataw raġunijiet speċifiċi għan-nuqqas ta’ żvelar.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li r-riferiment mill-konvenuta għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali huwa żbaljat u jonqos milli jispeċifika l-kunsiderazzjonijiet ġenerali li fuqhom hija tibbaża l-preżunzjoni li tgħid li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jkun jikkomprometti l-interessi kummerċjali:
—
l-informazzjoni li r-rikorrenti tirrifjuta li tikkomunika minħabba li tikkomprometti l-interessi kummerċjali ma tissodisfax il-kriterji ta’ informazzjoni kummerċjali u l-anzjanità tagħha ma hijiex meħuda inkunsiderazzjoni mill-konvenuta waqt id-deċiżjoni dwar it-talba konfermatorja;
—
hemm interess pubbliku superjuri għall-iżvelar tad-data mitluba sa fejn l-interess pubbliku jinsab fl-iżvelar ta’ informazzjoni nukleari.
(1) Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas- 6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13)
(2) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)