22.8.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 305/40
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Ġunju 2016 – Foshan Lihua Ceramic vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-310/16)
(2016/C 305/55)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Foshan Lihua Ceramic Co. Ltd (Foshan, iċ-Ċina) (rappreżentanti: B. Spinoit u D. Philippe, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2016) 2136 finali tal-15 ta’ April 2016, li tiċħad talba ta’ trattament ġdid tal-produtturi-esportaturi fil-kuntest tad-dritt anti-dumping definittiv mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011 tat-12 ta’ Settembru 2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjez tal-proċeduri sostnuti mir-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 11(4) u (5) du tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea u tal-Artikolu 9(5) tal-Ftehim tad-WTO permezz tal-eċċezzjoni applikata mill-Kummissjoni.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament peress li l-Kummissjoni riċentement applikat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 dwar l-eżami ġdid tal-esportaturi, għal kawża li tinvolvi esportatur Korean.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt tad-difiża tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq ir-riferiment għal (i) l-eżistenza ta’ kumpannija li ma tistax tesporta u li ma esportatx matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali u li ma għandhiex rabtiet legali jew korporattivi ma’ esportaturi oħra; (ii) informazzjoni li għaliha r-rikorrenti qatt ma kellha aċċess u li fuqha hija ma setgħet qatt tifformula osservazzjonijiet, u (iii) allegati avvenimenti matul seduta li tagħhom ma jeżistu l-ebda nota u lanqas ebda verbal.
5.
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq użu ħażin ta’ poter sa fejn il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq nuqqas ta’ qbil allegat bejn, minn naħa, iċ-ċifri ta’ produzzjoni awdittjati wara l-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali pprovduti mir-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, informazzjoni kummerċjalment influwenzata minn sit tal-internet.
6.
Is-sitt motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni legali sa fejn il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq kunċetti legali li ma jeżistux la fid-dritt u lanqas fil-prattika.
7.
Is-seba’ motiv, huwa bbażat fuq motivazzjoni bbażata mhux fuq fatti iżda fuq suppożizzjonijiet u fuq ksur tad-dritt għal smigħ. L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-punti 17 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata jinvolvu żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni bbażati fuq sempliċi suppożizzjonijiet infondati. It-tieni nett, skont ir-rikorrenti, il-fatt li l-fatti u l-argumenti importanti u fundamentali li tippreżenta huma totalment injorati u mhux ikkunsidrati jikkostitwixxi ksur tad-dritt tagħha li tinstema’ “b’mod effettiv” mill-Kummissjoni.
Full & Egal Universal Law Academy