29.8.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 314/26
Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Ġunju 2016 – České dráhy vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-325/16)
(2016/C 314/36)
Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek
Partijiet
Rikorrenti: České dráhy, a.s. (Praga, ir-Repubblika Ċeka) (rappreżentanti: K. Muzikář and J. Kindl, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2016) 2417 finali tat-18 ta’ April 2016 (Każ AT.40156 – Falcon);
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-kumpannija České dráhy
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata dwar spezzjoni li tikkonċerna l-parteċipazzjoni ta’ prattika antikompetittiva, jew l-ispezzjoni nnifisha, tikkostitwixxi interferenza arbitrarja u sproporzjonata fl-isfera privata tar-rikorrenti.
—
Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li l-informazzjoni deċiżiva kienet tinsab diġà fil-fajl tal-proċedimenti quddiem l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u li, fl-istess kawża, tressqu wkoll żewġ proċeduri tad-dritt privat. Barra minn hekk, kien possibbli li l-għan imfittex mid-deċiżjoni kkontestata jintlaħaq b’mod inqas invażiv, li kien jillimita l-portata tal-preġudizzju għad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti rigward il-livell tal-motivazzjoni tagħha u d-deskrizzjoni tas-suġġett u tal-għan tal-ispezzjoni.
—
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet is-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni b’mod tant wiesa’ li huwa inaċċettabbli. Id-deċiżjoni kkontestata hija wkoll immotivata b’mod insuffiċjenti. Fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ddeskrivitx b’mod speċifiku l-fatti u s-suppożizzjonijiet li hija kellha tivverifika permezz tal-ispezzjoni. Hija lanqas ma ssemmiet xi evidenza ċirkustanzjali sabiex issostni s-suspetti tagħha. Id-deskrizzjoni tas-suġġett u tal-għan tal-ispezzjoni fid-deċiżjoni kkontestata u l-motivazzjoni tagħha ma kinux jippermettu lir-rikorrenti tiddetermina b’mod suffiċjentement preċiż l-obbligi korrispondenti tagħha. Id-deċiżjoni kkontestata tippreġudika wkoll id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li ma teżisti ebda evidenza, anki ċirkustanzjali, li ssostni l-prattika antikompetittiva tar-rikorrenti li tiġġustifika l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u t-twettiq tal-ispezzjoni, u l-evidenza miġbura fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni teskludi, bil-kontra, tali suspett.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħa tadotta d-deċiżjoni kkontestata u tipproċedi għall-ispezzjoni peress li l-allegata prattika antikompetittiva tar-rikorrenti ma tistax, fi kwalunkwe każ, taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li r-rikorrenti ma tistax, f’dan il-każ, ikollha pożizzjoni dominanti fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u t-twettiq tal-ispezzjoni iktar minn erba’ snin wara l-ftuħ tal-proċedimenti quddiem l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma humiex konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
6.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni, permezz tad-deċiżjoni kkontestata u tal-approċċ relatat magħha, ippreġudikat id-drittijiet tar-rikorrenti ggarantiti mill-Artikolu 7 tal-Karta (jew l-Artikolu 8 tal-KEDB) kif ukoll mill-Artikolu 48 tal-Karta (jew l-Artikolu 6 tal-KEDB).