29.8.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 314/27
Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Ġunju 2016 – Bristol-Myers Squibb Pharma vs Il-Kummissjoni u EMA
(Kawża T-329/16)
(2016/C 314/37)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Bristol-Myers Squibb Pharma EEIG (Uxbridge, ir-Renju Unit) (rappreżentati minn: P. Bogaert u B. Van Vooren, avukati, u B. Kelly, solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tikkonstata li r-rikors huwa ammissibbli u fondat;
—
tannulla l-atti kkontestati, u
—
tikkundnna lill-Kummissjoni u lill-EMA għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament ta’ att tal-Kummissjoni Ewropea li tħassar l-“elotuzumab” mir-reġistru Komunitarju tal-prodotti mediċinali orfni għal użu mill-bniedem u/jew att eventwali tal-Kummissjoni jew tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini li jiddetermina li l-“elotuzumab” ma jissodisfax iktar il-kriterji ta’ deżinjazzjoni tal-prodotti mediċinali ofrni waqt l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-prodott mediċinali “Empliciti”.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur, mill-atti kkontestati, tal-Artikolu 5(12)(b) tar-Regolament Nru 141/2000 (1) dwar il-prodotti mediċinali orfni u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità:
—
fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 5(12)(b) tar-Regolament Nru 141/2000, prodott mediċinali li jkun irċieva awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq wara talba għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-prodott mediċinali orfni ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni abbażi tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 141/2000;
—
fit-tieni lok, skont l-Artikolu 5(12)(b) tar-Regolament Nru 141/2000, id-deżinjazzjoni bħala prodott mediċinali orfni tista’ tiġi rtirata biss jekk ma jkunux iktar issodisfatti il-kriterji previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 141/2000;
—
fit-tielet lok, skont l-Artikolu 5(12)(b) tar-Regolament Nru 141/2000, l-EMA u l-Kummissjoni għandhom jipproduċu provi li qiegħed jiġi ssodisfatt l-għan tar-regolament.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur, mill-atti kkontestati, tal-Artikolu 5(12) tar-Regolament Nru 141/2000 b’rabta mal-Artikolu 5(8) tar-Regolament Nru 141/2000 safejn ma ġietx adottata deċiżjoni formali tal-Kummissjoni.
(1) Ir-Regolament (KE) Nru 141/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1999, dwar il-prodotti mediċinali orfni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 21).