16.8.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 296/38
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Ġunju 2016 – Inox Mare vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-347/16)
(2016/C 296/48)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Inox Mare Srl (Rimini, l-Italja) (rappreżentant: R. Holzeisen, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9672 finali, tas-6 ta’ Jannar 2016, li tikkonstata li l-ħlas mill-ġdid tad-dazju fuq l-importazzjoni ma huwiex iġġustifikat f’każ partikolari (REM 02/14) u tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Id-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rikors tikkostitwixxi s-segwitu tad-deċiżjoni li kienet is-suġġett fil-Kawża T-289/16, Inox Mare vs Il-Kummissjoni.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-illegalità tal-att ikkontestat minħabba irregolaritajiet serji fil-proċedura ta’ investigazzjoni relatata li kienet tmexxiet mill-OLAF u konkluża bir-Rapport Finali li ġie kkontestat fil-Kawża T-289/16.
Konkretament, l-att ikkontestat huwa vvizzjat bi:
—
Ksur u applikazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju tad-dazju antidumping.
—
Ksur u applikazzjoni żbaljata kemm tad-dritt Komunitarju kif ukoll tad-dritt Filippin, dwar l-obbligu ta’ kontroll, impost fuq l-awtorità doganali Filippina, tal-oriġini tal-beni li ġew attestati minn din l-awtorità.
—
Ksur u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).
Għaldaqstant, fit-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għall-ksur tat-Trattati u tad-dispożizzjonijiet legali relatati mal-applikazzjoni tagħhom, kif ukoll tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, b’mod partikolari l-Artikolu 41.
Full & Egal Universal Law Academy