22.8.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 305/48
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Ġunju 2016 – Bank Saderat Iran vs Il-Kunsill
(Kawża T-349/16)
(2016/C 305/65)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Bank Saderat Iran (Tehran, l-Iran) (irrappreżentat minn: T. de la Mare, QC, R. Blakeley, barrister u S. Jeffrey, S. Ashley u A. Irvine, solicitors)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/603, tat-18 ta’ April 2016, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2016, L 104, p. 8), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/609, tat-18 ta’ April 2016, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2016 L 104, p. 19), sa fejn japplikaw għar-rikorrent, u
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq i) użu ħażin ta’ proċedura u, għaldaqstant, użu ħażin ta’ poter, ii) ksur tad-drittijiet tar-rikorrent għal amministrazzjoni tajba u, iii) ksur tal-prinċipji ta’ awtorità ta’ res judicata, ta’ ċertezza legali u ta’ saħħa ta’ res judicata, minħabba l-inklużjoni mill-ġdid ta’ isem ir-rikorrent f’April 2016.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, minħabba l-indikazzjoni mill-ġdid ta’ isem ir-rikorrent f’April 2016.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-indikazzjoni mill-ġdid ta’ isem ir-rikorrent f’April 2016.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent għar-rispett għar-reputazzjoni tiegħu u għall-proprjetà tiegħu kif ukoll għall-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, minħabba l-indikazzjoni mill-ġdid ta’ isem ir-rikorrent f’April 2016.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-indikazzjoni mill-ġdid ta’ isem ir-rikorrent f’April 2016 imur kontra l-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt.