16.8.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 296/41
Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Lulju 2016 – Punch Powertrain vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-357/16)
(2016/C 296/52)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Rikorrenti: Punch Powertrain (Sint-Truiden, il-Belġju) (rappreżentanti: H. Viaene, B. Hoorelbeke, D. Gillet u F. Verhaegen, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara t-talba għal annullament ammissibbli;
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-11 ta’ Jannar 2016, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat dwar l-eżenzjoni tal-profitt żejjed SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju, kif ippubblikata fis-sit tal-internet tal-Kummissjoni Ewropea fl-4 ta’ Mejju 2016;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 2015/1589 (1), tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-Artikolu 296 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni tikklassifika ħażin bħala skema ta’ għajnuna l-miżura kkontestata.
—
Il-Kummissjoni tikser l-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 2015/1589 u l-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn hija tikklassifika ħażin bħala skema ta’ għajnuna l-miżura kkontestata. L-għajnuna kkontestata ma hijiex attribwibbli biss fuq il-bażi tal-Artikolu 185(2)(b) tal-Kodiċi tal-1992 dwar it-taxxa fuq id-dħul (Wetboek van inkomstenbelastingen van 1992), inkwantu, skont id-dispoizzjoni msemmija, miżuri ta’ implemenazzjoni ulterjuri huma meħtieġa.
—
Il-Kummissjoni tikser l-Artikolu 296 TFUE sa fejn il-motivazzjoni tagħha tinkludi kontradizzjoni. Din il-kontradizzjoni tikkonsisti fil-fatt li l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex fl-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ selettività hija tqis li d-deċiżjonijiet preċedenti ma joħorġux direttament mill-Artikolu 185(2)(b) tal-Kodiċi tal-1992 dwar it-taxxa fuq id-dħul, meta fl-eżami tal-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna hija tippreżumi li d-dispożizzjoni msemmija ma teħtieġx miżuri ta’ implementazzjoni ulterjuri.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni ma evalwatx korrettament l-eżistenza ta’ vantaġġ.
—
Il-Kummissjoni ma eżaminatx jekk l-iskema ta’ għajnuna kkontestata fil-fatt iddetermintax l-għoti ta’ vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, lill-impriżi benefiċjarji. U dan minkejja l-fatt li din il-kundizzjoni hija kundizzjoni essenzjali sabiex tiġi kkonstatata għajnuna mill-Istat u li l-Kummissjoni għandha għalhekk tivverifika qabel ma tkun tista’ tiddeċiedi li tirriżulta għajnuna mill-Istat, taħt piena ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha skont l-Artikolu 296 TFUE.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni ma evalwatx korrettament in-natura selettiva tal-miżura kkontestata.
—
L-Artikolu 185(2)(b) tal-Kodiċi tal-1992 dwar it-taxxa fuq id-dħul u s-sistema ta’ eżenzjoni tal-profitt żejjed li torġina minnu huwa miftuħ għall-impriżi kollha li huma f’sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt simili u li jwettqu l-attivitajiet ekonomiċi li jikkostitwixxu s-suġġett tal-miżura kkontestata. Għalhekk, il-miżura kkontestata ma hijiex limitata għal impriżi partikolari individwati fuq il-bażi ta’ karatteristiċi speċifiċi u lanqas ma hija selettiva fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.
—
Sussidjarjament, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-eżenzjoni tal-profitt żejjed ma tagħmilx parti mis-sistema ta’ riferiment. L-eżenzjoni tal-profitt żejjed ibbażata fuq is-sinerġija u l-ekonomiji ta’ skala skont il-prinċipju ta’ kompetizzjoni sħiħa (imsejjaħ l-arm’s length principle) tagħmel parti integrali mill-miżuri li jiddeterminaw il-profitt totali taxxabbli, u ma tistax għalhekk titqies li hija deroga mis-sistema ta’ riferiment li tiddetermina s-selettività.
—
Iktar sussidjarjament, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tipprova li l-prinċipju ta’ kundizzjonijiet normali tas-suq ġie applikat ħażin mill-Belgische Rulingcommissie (kummissjoni Belġjana għad-deċiżjonijiet antiċipati fil-qasam fiskali, imsejħa “ruling”) fl-ambitu tal-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) tal-Kodiċi tal-1992 dwar it-taxxa fuq id-dħul. Ir-raġunijiet tal-Kummissjoni ma humiex koerenti u jieħdu inkunsiderazzjoni elementi rilevanti li madankollu jikkontradixxu lil xulxin jew huma nieqsa mill-koerenza meħtieġa.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali minħabba l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ ħlas lura.
—
Fuq il-bażi tal-prassi deċiżjonali stabbilita tal-Kummissjoni, li ma tqegħidx f’dubju l-applikazzjoni tal-prinċipju, internazzjonalment aċċettat, ta’ kompetizzjoni sħiħa (arm’s length principle), jirriżulta ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn f’dan il-każ jintalab il-ħlas lura tal-allegata għajnuna. Fil-fatt, fuq il-bażi tal-prassi deċiżjonali u tal-ġurisprudenza stabbilita, ma setax ikun previst li l-Artikolu 185(2)(b) tal-Kodiċi tal-1992 dwar it-taxxa fuq id-dħul jikser l-Artikolu 107 TFUE.
(1) Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, tat-13 ta’ Lulju 2015, li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015 L 248, p. 9).
Full & Egal Universal Law Academy