22.8.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 305/51
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Lulju 2016 – ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-364/16)
(2016/C 305/69)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: ArcelorMittal Tubular Products Ostrava a.s. (Ostrava-Kunčice, Ir-Repubblika Ċeka) u 12-il rikorrent ieħor (rappreżentanti: G. Berrisch, avukat, u B. Byrne, Solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni Ewropea fis-6 ta’ Ġunju 2016, jew qabel din id-data, intiża sabiex tneħħi lil Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd mil-lista tal-impriżi li jaqgħu taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC A950 u tinkludiha fil-lista tal-impriżi li jaqgħu taħt il-kodiċi addizzjoni l-ġdid TARIC C129 għall-kodiċi TARIC kollha msemmija fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2272, tas-7 ta’ Diċembru 2015, li jimponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2015 L 322, p. 21) u, għaldaqstant, naqset għal 0 % ir-rata tad-dazju antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, prodotti minn;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw motiv wieħed, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn bażi legali u għaldaqstant tmur kontra l-Artikolu 1(2) tar-Regolament 2015/2272 u l-anness tiegħu.
Il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Il-Kunsill u Hubei Xinyegang Steel (C-186/14 P u C-193/14 P, Ġabra, EU:C:2016:209), li tikkonferma s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il-Kunsill (T-528/09, Ġabra, EU:T:2014:35), li min-naħa tagħha kienet annullat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 926/2009 li jimponi dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina sa fejn huwa kien jimponi dazju antidumping fuq il-prodotti mmanifatturati minn Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball billi estendiet l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nruo926/2009 għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2272 peress li dan tal-aħħar ma kienx is-suġġett ta’ tilwima li kienet tressqet quddiem il-qrati tal-Unjoni Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet biss tadotta d-deċiżjoni kkontestata wara li jitħassar ir-Regolament (UE) 2015/2272.